Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/844302
IV illum | Il-Ħadd 02 ta' Lulju 2017 Il-Ġimgħa tal-Festa Il-Festi: Mill-bieb tal-knisja 'l ġewwa Iwieġeb Mark Micallef Perconte Mhux biss parti importanti, imma l-aktar parti kruċjali tal-festa hija ċ-ċerimonja li sseħħ fil-knejjes Maltin. Fil-festi Maltin, il-Knejjes, Bażiliki u l-Kolleġġjati jilbsu libsa mill-isbaħ biex jagħtu l-akbar unur lill-qaddis li tiegħu tkun qed tiġi ċċelebrata din il-festa. Il-Knejjes Maltin, tipikament barokki, mżejnin f 'kull glorja b'oġġetti ta' valur monetarju imma anke storiku, huma l-epiċentru tal-attivitajiet tal-festa u matul din il-ġimgħa jimtlew sa ruħ ommhom b'mijiet ta'parruċċani li jmorru biex jitolbu, jammiraw l-artistrija fit-tempju jew inkella biex iġeddu memorji ta' tfulithom. Iżda qed nifhmu x'inhu dak li qed naraw fit-tempji tagħna? Qed nifhmu x'qed inkantaw f 'dawk il- konċelebrazzjonijiet kantati li jagħtu ġieħ lill-Patrun/a? Għalfejn id-damask? Għalfejn il-paniġierku? U l-Fratelli, xi skop għandhom? L-ILLUM tistaqsi lil Mark Micallef Perconte, dilettant kbir tal-Festi Maltin u l-moħħ wara l-Enċiklopedija 'Ilwien il-Festi Maltin' li jiddokumenta l-aspetti diversi tal-festi, 10 mistoqsijiet bażiċi. Għaxar mistoqsijiet li forsi dak li jkun jistaqsi meta jattendi għall-konċelebrazzjoni tal-festa. Nittamaw li t-tweġibiet ta' Micallef Perconte jgħinu biex dawk li jmorru jaraw xi Knisja jifhmu aħjar is-sinifikat ta' dak li qed jaraw, jisimgħu, jitolbu jew ikantaw. It-tużell għalfejn jintrama? Mhux kull knisja tarmah. Għalfejn? It-tużell huwa bħal tinda mdendla fil-għoli fuq l-artal prinċipali tal-knisja. Ikun tad-drapp bil-kulur liturġiku li bih ikun imlibbes l-artal. Dan jindika dik l-għożża u l-qima li jixraqlu l-artal sew jekk ikun jinkludi t-tabernaklu u sew mingħajr tabernaklu. Il-Knejjes Maltin għalfejn jintramaw bid-damask? Hemm xi raġuni għalfejn dan ikun ta' kulur aħmar? Il-Kulur aħmar huwa festiv minnu nifsu u naħseb dik hija l-unika raguni li d-damask fil-festi jkun ta' dan il-lewn. Rigward il-kulur tajjeb li ngħidu li d-damask mhuwiex "liturġiku", jiġifieri bħalma jilbes il-qassis waqt il-quddiesa. Huwa biss kulur festiv. Jiġifieri jekk il-festa li tkun qed tiġi ċċelebrata hija tal-Madonna, eżempju Santa Marija, il-kulur liturġiku huwa abjad, imma xorta d-damask tal-knejjes huwa aħmar. Niftakru li anke s-swali fil-palazzi jkunu miksija b'damask aħmar. Għalhekk il-poplu ma ra xejn ħażin li jżejjen id-"Dar ta' Alla" mill-aqwa. Użanza li anke tmur lura anke fi żmien il-kavalleri hija li mal-galleriji ta' mal-palazzi u d-djar fuq barra jiddendlu bċejjeċ ta' damask aħmar tal-ħarir mill-ifejn. Dan b'sinjal ta' festa. Antifona x'inhi? Ġeneralment l-Antifona li titkanta fil- knejjes tagħna bil-mużika u li tkun popolari ħafna fost il-parruċċani tkun dik li tingħad qabel il-kantiku ta' Marija lejliet il-festa fl- ewwel għasar. Din kun versi ta' tifħir lill- Madonna jew lil qaddis/a li tagħha tkun qed issir l-festa.