Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/844302
V Il-Ħadd 02 ta' Lulju 2017| illum Il-Ġimgħa tal-Festa X'inhi d-differenza bejn paniġierku u omelija? Għalfejn paniġierku jdum ħafna? Paniġierku huwa diskors ta' tifħir lill-qaddis jew qaddisa li lilha tkun qed issir l-festa. Rigward dewmien ma hemm ebda regolament kemm idum jiddependi mill-użanzi tar-raħal jew il-belt u kemm wieħed ikun prattiku. Omelija hija speċi ta' prietka ta' tagħlim jew spjega tal-vanġelu u tal- qari tal-quddiesa. Tridu x'inhu? Kemm ikun hemm? Xi jfisser? Tridu huma t-tlettijiet ta' tħejjija qabel il-festa. Isiru ċelebrazzjonijiet inkluż prietka li bihom il-poplu jitħejja b'mod Nisrani biex jiċċelebra l-festa li tkun ġejja. Tajjeb li nsemmu li għal kull festa li niċċelebraw l-knisja tpoġġi jiem ta' preparazzjoni li mhux dejjem huwa l-istess. Eżempju Santa Marija għadha bħala jiem ta' preparazzjoni l-Kwindiċina. Dawn huma 15-il ġurnata qabel il-festa ta' preparazzjoni. Festi oħra għandhom in-novena li hija 9 ijiem ta' preparazzjoni. L-aħħar tlett ijiem (tridu) tal-kwindicina jew novena jsiru b'mod iktar solenni. Transulazzjoni solenni, jiġifieri quddiesa kollha kant li ma tispiċċa qatt? Lanqas xejn! Transulazzjoni ssir lejliet il-festa filgħaxija. Ir-relikwi fil-knejjes tagħna suppost jinżammu kif inhu xieraq f 'xi post fil-knisja apposta matul sena. Minn dan il-post lejliet il-festa ma nżul x-xemx ir-relikwa tittieħed f 'purċissjoni qasira b'mod solenni lejn l-artal prinċipali għall-qima tal- Insara. Wara din il-purċissjoni jitkanta innu liturġiku. Bradella, sempliċiment oġġett biex titpoġġa l-vara fuqha? Il-vara fil-knisja titpoġġa fuq il-bradella u l-bankun. Il-bradella hija dik il-parti li tinħareġ mal-vara fil-purċissjoni minn fejn ikun qegħdin jerfgħu r-reffiegħa. Dawk l-irġiel li jkunu mal-purċissjoni min huma? Għalfejn jilbsu qishom qassisin u x'inhu l-iskop tagħhom? Dawk li jilbsu fil-purċissjoni jissejħu fratelli. Il-fratelli jkunu membri ġo għaqda. Dari fil-parroċċi kienu jitwaqqfu għaqdiet jew kif kienu magħrufa fratellanzi fejn persuni b'interess partikolari u komuni jiġu organizzati flimkien. Biex nispjega aħjar, mastrudaxxi, kienu jissieħbu fil-fratellanza ta' San Ġużepp. Kien ikun hemm ukoll il-fratellanza tas-sagrament li ġeneralment kienu jieħdu ħsieb jakkumpanjaw lis-sagrament f 'kull vjatku. Kull fratellanza kellha xi ħaġa x'tieħu ħsieb. Dawn kellhom ukoll regolamenti u anke kif għandhom jilbsu waqt li jakkumpanjaw fil-purċissjonijiet. Ġenerlament libsa bajda li tissejjaħ kunfratija, ċinglu jew ħabel abjad madwar qaddhom u muzzetta, speċi ta' kappa żgħira li l-kulur tagħha jkun jikkorrespondi mal-istandard tal-fratellanza. Dan juri li l-ilbies huwa differenti minn tal-qassis li jilbes suttana u spelliza. X'inhu l-punt li fil-bidu tal-ġimgħa tal-festa, il-vara toħroġ fuq iz-zuntier u terġa' tiddaħħal fil-knisja? Li fil-bidu tal-ġimgħa tal-festa l-vara titulari tinħareġ fil-bieb tal-knisja hija kwistjoni ta' użanza tar-raħal jew belt. Hawn postijiet fejn l-istawa tittieħed fuq l-ispallejn tar-reffiegħa waqt il-kant tal-innu popolari, min-niċċa lejn l-post imħejji għal jiem tal-festa u ma toħroġx barra. Is-Sibt jitkanta t-Te Deum, jindaqqu l-qniepen u ssir ħarqa. Dan għalfejn? Qabel xejn tajjeb ngħidu li t-tifsila tal-festi fil-knejjes tagħna sa ftit żmien ilu kienet kważi kullimkien l-istess. Illum l-affarijiet inbidlu. Jekk ngħidu aħna l-festa se tkun il-ħadd, it-tridu jibda mill-Erbgħa wara nofsinhar sas-sibt filgħodu. Bħala radd ta' ħajr lil Alla tat-tlett ijiem ta' tħejjija għall-festa lejlietha filgħodu jitkanta t-Te Deum li huwa innu ta' tifħir u radd il-ħajr lil Alla. It-Te Deum jinqasm fi tnejn. L-ewwel parti ta' dan l-innu huwa tifħir lil Alla u l-aħħar parti tiegħu hija talba. Waqt l-ewwel parti meta jkun qiegħed jitkanta t-tifħir lil Alla il-qniepen tal-knisja jindaqqu b'mod solenni għax minnhom infushom il-qniepen ifaħħru lil Alla u jieqfu mal-bidu tat-tieni parti.