Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/866592
12 illum | Il-Ħadd 27 ta' Awwissu 2017 Aħbarijiet Minn part time għall-barranin għal housing soċjali kkontrollat Il-proposti tal-Assoċjazzjoni ta' min iħaddem għall-Baġit 2018 Minn Veronica Lynn Mizzi OTTUBRU li ġej ikun possibbilment ix-xahar li fih il- Gvern iħabbar il-miżuri finanzjarji li se jkunu qed jiddettaw il-ħajja tal-Maltin fis-sena ta' wara. Dan għandu jkun l-ewwel baġit sa minn wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, għaldaqstant, l-aspettattiva tkun li jibdew jiġu indirizzati miżuri li ġew imwiegħda mill-partit fil-Gvern. Bħalma jiġri ta' kull sena, l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti ta' setturi differenti u l-unions bħala rappreżentanti tal-ħaddiema, jippreżentaw sett ta' proposti lill- Gvern sabiex dan jikkunsidrahom u possibbilment jinkludihom fil-baġit ta' dik is-sena. Fil-fatt, dan kien dak li għamlet l-Assoċjazzjoni ta' min iħaddem, MEA matul din il-ġimgħa, b'total ta' 22 proposta biex il-Gvern jikkunsidra. Bħalma jiġri dejjem, l-assoċjazzjoni appellat għall-kawtela fejn jidħlu miżuri li jkollhom effett fit-tul, minħabba l-impatt li dawn ikollhom fuq "setturi ekonomiċi li joperaw b'marġini kompetittivi ferm iżgħar minn oħrajn." Fil-lista ta' proposti għal dan il-baġit, l-MEA saħqet li l-Gvern għandu primarjament jelenka l-miżuri li fi ħsiebu li jadotta u li se jkollhom effett fuq min iħaddem fil-ħames snin li ġejjin, u jiddiskuti miżuri ta' kumpens sabiex l-ispiża tiġi newtralizzata u min iħaddem jista' jibqa' kompetittiv. Fost l-aktar proposti kontroversjali li qajmet diskussjoni sħiħa kien hemm dik tal-'waiting day', fejn min jieħu xi jiem ta' leave tal-mard, ma jiġix imħallas tal-ewwel jum, sabiex jinqata' l-abbuż partikolarment fejn jidħol sick leave relatat ma' tmiem il-ġimgħa. Dwar dan kien hemm għadd ta' reazzjonijiet fin-negattiv, partikolarment mill-Forum Unions Maltin, l-MUT u mill-GWU li ttimbraw din il-proposta bħala waħda 'rigressiva'. Dwar dan, din il-gazzetta niżlet fit-toroq u staqsiet lin-nies x'jaħsbu dwar din il-proposta. (ara paġna 13). L-ILLUM tat ħarsa lejn uħud mill- proposti li ppreżentat lill-Gvern l-Assoċjazzjoni ta' min iħaddem. Festi pubbliċi Fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, il-Gvern wiegħed li l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, se jerġgħu jingħataw lill-ħaddiema, jew f 'forma ta' ġurnata żejda bħala leave, jew inkella jiddaħħal il-kunċett ta' 'bank holiday'. Għal dan, l-MEA qalet li għandhom jiġu diskussi miżuri ma' min iħaddem dwar kumpens għalihom, qabel din tiġi implimentata. Fil-fatt, issostni kif bejn l-2018 u l-2022 se jkun hemm total ta' 19-il festa pubblika. Rati tal-enerġija ugwali għan-negozji Huwa propost li n-negozji jibdew jibbenefikaw minn tariffi speċjali mraħħsa bil-lejl. Dan fid-dawl tal-fatt li r-rati kummerċjali tal-enerġija f 'Malta huma iktar għoljin minn dawk għad-djar. Il-MEA saħansitra qed targumenta li dawn ir-rati huma għola mill-medja Ewropea u għalhekk, ir-rati tal-enerġija għandhom ikunu ugwali kemm għar-residenzi kif ukoll għan- negozji. Estenzjoni taċ-childcare Bħalma kien propost qabel l-elezzjoni miż-żewġ partiti, l-MEA qed tipproponi li s-servizz taċ- childcare, li ġie deskritt bħala miżura pożittiva, għandu jiġi estiż. L-Assoċjazzjoni qed tisħaq li minħabba li n-numru ta' familji li jaħdmu bix- shift qegħdin jiżdiedu, għandu jikber in-numru ta' ċentri taċ-childcare waqt li jiġu estiżi l-ħinijiet li fihom ikun disponibbli dan is-servizz. Housing soċjali kkontrollat Is-suq tal-proprjetà u l-kera huwa ta' tħassib għal min iħaddem minħabba li żieda f 'dawn il-prezzijiet kapaċi twassal għal żieda fit-talbiet tal-pagi, li mhux neċessarjament tkun tirrifletti l-produttività. L-Assoċjazzjoni ta' min iħaddem kellha xi tgħid ukoll dwar l-akkomodazzjoni soċjali u insistiet li l-Gvern għandu jivverifika li d-djar tal-Gvern huma fil-verità qed jintużaw għall-iskop oriġinali. L-MEA tisħaq ukoll li l-akkomodazzjoni soċjali m'għandhiex tkun xi ħaġa permanenti imma tiġi riveduta kull tant żmien, anke fuq bażi tad-dħul tal-familja. Il-MEA tkompli tispjega li bid-differenzi minimi li jeżistu fil-pagi tal-ħaddiema, f 'xi każi jkun iktar konvenjenti li persuna taħdem xogħol b'paga baxxa u tkun intitolata għall-akkomodazzjoni soċjali, milli paga ogħla imma jkun kostrett iħallas il-kera jew jixtri daru. Għaldaqstant huwa propost li jibda jiġi applikat mekkaniżmu ta' means testing, filwaqt li għandha tinbidel il-varjetà ta' postijiet offruti skont in-numru ta' nies u l-eżiġenzi ta' min japplika. Impenn għal trasport nadif Il-MEA qed tisħaq li l-Gvern għandu jkun l-ixprun tat-trasport nadif, u għalhekk irid iżid l-inċentivi sabiex wieħed jagħżel li jixtri karozza li taħdem bl-elettriku waqt li jiżdiedu n-numru ta' postijiet fejn wieħed jiċċarġja l-karozza tiegħu. Fl-istess waqt, sostnew li għandu jitjieb it-trasport pubbliku u l-kampanji għal car pooling fost l-oħrajn. Minħabba l-konġestjoni tat-traffiku f 'diversi nħawi fir-rush hours, il-MEA saħansitra li tiżdied il-flessibbiltà fil-ħinijiet tal-iskejjel u x-xogħlijiet. Part time għall-barranin Il-persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi, għandhom jitħallew jaħdmu wkoll xogħol part time, skont il-proposti tal-MEA. Fil-fatt, l-Assoċjazzjoni qed tipproponi li dawn il-ħaddiema jkunu permessi li jaħdmu wkoll xogħol part time minħabba li numru minnhom jaħdmu għal pagi baxxi u jsibuha diffiċli sabiex ilaħħqu mal-ħajja partikolarment minħabba l-kirjiet, u dan iwassalhom sabiex saħansitra jitilqu mill-pajjiż. L-MEA qed targumenta li b'xogħol parti time, dawn il-persuni jiġu inċentivati sabiex jibqgħu joffru s-servizzi tagħhom f 'Malta. Inċentivi biex ikunu aċċessibbli L-Assoċjazzjoni ta' min iħaddem qed tipproponi li fil-baġit li jmiss, il-Gvern jimplimenta numru ta' inċentivi lill- kumpaniji sabiex dawn jiġu konformi mal-kriterji ta' aċċessibbiltà fost l-oħrajn tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà. Dan minħabba tibdiliet u alterazzjonijiet strutturali li n-negozji jkollhom jagħmlu fil-postijiet tax-xogħol sabiex dan ikun konformi.