Illum previous editions

illum 26 August 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/866592

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 35

illum | Il-Ħadd 27 ta' Awwissu 2017 24 Rakkont L-iskola l-ġdida I l-familja ta' Alex kienu ddeċidew li minħabba x-xogħol il-ġdid li kien ġie offrut lil missieru f 'pajjiż barra l-Ewropa, kellhom isiefru u jibdew ħajja ġdida. Ma kinitx deċiżjoni faċli, aktar u aktar meta Alex kien diġà għalaq l-erbatax-il sena u kellu ħajtu kollha marbuta hawn Malta. Sħabu, il-familjari u dak kollu li kien dara fih kien jinsab hawn. Imma kellu jitlaq ma' familtu. L-unika konsolazzjoni li kienet ġiet f 'ras ommu meta kienet tkellmu fuq il-post il-ġdid li kienu sejrin fih, kien li l-appartament li kienu ser joqogħdu fih kien biswit l-iskola l-ġdida li kien ser jattendi fiha hu. Għalhekk kien ser ikun komdu. U Alex ma kienx xi wieħed li kien isibha diffiċli ħalli jagħmel ħbieb ġodda. "U inti tidra malajr!" kienet qaltlu ommu bi tbissima. Kien jaf li ma kienx faċli. Aktar u aktar minħabba l-fatt li hemm ma kien jaf lil ħadd u ma kellu lil ħadd. Waħdu. Kien ser jibda kollox mill- ġdid. Imma l-ħajja hija sfida kbira. U d-destin jaf jieħdok f 'postijiet li qatt ma tkun ħlomt bihom. Għalhekk aċċetta l-isfida bil-qalb, u bla ma kien jaf kif u x'fatta, kien sab ruħu f 'dan il- pajjiż barrani, sejjer lejn l-ewwel ġurnata fl-iskola l-ġdida fejn kellu jattendi. Kien eċċitat. Iva, kien eċċitat ħafna. Tgħid jilqgħuh? Tgħid jagħmel ħbieb ġodda? Tgħid ikellmuh? Jew... Xengel rasu u ma riedx jaħseb aktar fin-negattiv. F'idejh kellu l-iskeda bil- lezzjonijiet kollha li kellu jattendi. Skont din l-iskeda, il- klassi l-ġdida tiegħu kienet ser tibda bil-lezzjoni tal-aritmetika u kienet fil-klassi numru għaxra. Malli wasal fil-grawnd, quddiemu ra l-ikbar skola li qatt kien ra b'għajnejh. Tbellah. Għal mument xtaq idur lura, jiġri kemm jiflaħ, jaqbad l-ajruplan lura lejn Malta u jsib lil sħabu li tgħidx kemm kien iddispjaċihom li kienu ser jinfirdu minn miegħu! Imma għafas il-karta f 'idu u kompla jimxi. Kien wasal xi ftit tard. Bejn għax kienet l-ewwel ġurnata u peress li ma tantx kien jaf fejn, kien qabad jimxi lejn in-naħa l-oħra tal-blokka, bejn għax ma tantx kien sejjer għal qalbu u bejn għax l-uniformi kienet ġietu kemmxejn kbira u ommu kienet qagħdet tirranġahielu dik l-għodwa stess. Xħin sab ruħu fuq l-għatba tal-iskola, induna li l-istudenti kollha kienu diġa daħlu fil-klassijiet tagħhom. Daħal fil-kuritur u beda jfittex il-klassi numru għaxra. Beda jimxi u jimxi. Fuq naħa kien hemm il-lokers tal-istudenti u fuq in-naħa l-oħra kien hemm il- klassijiet. Beda jħares lejn in-numri żgħar li kien hemm immarkati biswit il-bibien tal-klassijiet. Mija... disa' u disgħin... tmienja u disgħin... kien fadallu x'jimxi sakemm isib in-numru għaxra! Beda jimxi tul il-kuritur u jħares lejn l-istudenti minn ġol- ħġieġ li kien jifred il-kuritur u l-klassijiet. Mexa u mexa. Ħaffef ftit ħalli jipprova ma jasalx tard ħafna. Tant kemm kienet kbira din l-iskola, kien kważi qata' n-nifs xħin wasal ħdejn il-klassi numru ħdax! U hekk kif kien għoddu qabad il-pum tal-klassi li kien imiss, induna li din kienet in-numru disa'! Fejn kienet in-numru għaxra? Beda jdur madwar il-kuritur u jfittex. Iżda ma seta' jsib xejn b'dak in-numru! Għal mument, beda jippanikja! Issa x'kien ser jagħmel? Beda jdawwar rasu ħalli jara jekk kienx hemm xi ħadd iżda l-kurituri kienu kollha vojta. Ovvjament kulħadd kien qed jagħmel lezzjoni, sewwa l-għalliema u anke l-istudenti! Imbagħad dak il-ħin, donnu lemaħ bieb tal-injam, li kien jidher xi ftit mikul. Għal mument beda jaqbdu sudizzjon u stkerrħu. Kien jidher xi ftit qadim. Iżda ma' kellux għażla oħra għax hemmhekk biss kien għadu ma ċċekkjax. Fetaħ il-bieb biż-żaqżiq u sab ruħu f 'kuritur ieħor xi ftit aktar dejjaq minn dak li kien fih. Anke hawn kien hawn il- lokers fuq naħa u l-klassijiet fuq l-oħra. Imma hawn kien donnu żdingat xi ftit. Kien hawn riħa ta' umdu, ra l-għanqbut u xi graffiti mħażżeż mal-ħitan. Il-bibien u l-ħġieġ ta' dawn il- klassijiet ukoll dehru xi ftit aktar mitluqin mill-oħrajn. U oħroġ il-għaġeb, hawn kien jidher xi ftit imdallam u l-ħitan skuri. U mingħajr ma kellu għalfejn ifittex iżjed, ra n-numru għaxra! Resaq lejn il-bieb tal-klassi u fetħu. L-għalliem beda jħares lejh donnu ma kienx jaf bih. L-istudenti, li sa ftit ilu kienu qegħdin jitkellmu fuq is-suġġett tal-lezzjoni, waqgħu kollha fil-muta. "X'jismek?" staqsieh l-għalliem bi tbissima. "Jien student ġdid. Jisimni Alexander Cassar," qalilhom. "Tajjeb, Alexander. Aħna għandna pjaċir kbir bik," qallu. "Jien is-Sur James Mahoney u din hija l-lezzjoni tal- matematika. Għidulu ħelow!" qal lill-istudenti. Kollha qamu bilwieqfu u ferħu bih. "Matematika?" staqsa Alex. "Fuq l-iskeda......." "Matematika," qallu l-għalliem. Alex ħaseb li kellu xi żball u mar bilqegħda fuq l-unika skrivanija li kien hemm vojta. Kollox kien jidher qadim! Waqt il-lezzjoni beda jifli lill-istudenti l-oħra u għal mument ħassu tassew tajjeb. Kollha kienu jidhru li ferħu bih, min jidħaqlu minn taħt, min jehmżu, min jitfagħlu xi ajruplan tal-karti u jxejjirlu... U lanqas biss kien induna li l-lezzjonijiet kienu tgerrbu wara xulxin, li kien għadda l-ħin u malajr daqqet il-qanpiena biex imur lura lejn id-dar! Sellmilhom, qabad il-basket tal-iskola, mar lura mill-bieb tal-injam minn fejn kien ġie u fost ħafna studenti oħrajn li kienu għaddejjin fil-kurituri, sejrin kollha 'l barra, ra raġel li beda jħares lejh b'mod stramb. "Inti l-istudent il-ġdid? Alexander Cassar?" staqsieh. "Iva," wieġbu Alex. "Jien is-surmast. Is-Sur Pendley." Ħadu b'idejn xulxin. L-għalliem tiegħek is-Sur Godfrey Barklay għadu kemm infurmani li inti m'attendejtx lezzjonijiet." "Le kollha attendejthom," qallu Alex. "Jien imxejt mal-iskeda, kont fi klassi numru għaxra mas-Sur James Mahoney!" "X'inti tgħid?" staqsieh is- surmast hekk kif għaddew xi studenti minn bejniethom. "Inti fi klassi numru mija kellek tkun mas-Sur Barklay!" "Imma jien fuq il-karta...." qallu Alex. "Għaxra kelli." "Impossibbli!" qallu s-Sur Pendley kważi jgħajjat miegħu. "Ma niċċajtawx b'dawn l-affarijiet! Ma jagħmillekx ġieħ!" "Imma jien...għaxra kelli miktub." Kieku mhux għax il-karta tal-iskeda kien nesieha fil-klassi, kieku kien jurihielu. "Mela ħadu żball...għada qis li tattendi l-lezzjonijiet. U terġax issemmi dik il-klassi!" Is-surmast ħallieh b'ħalqu miftuħ, hekk kif telaq minn ħdejh. Qabditu l-kurżità u mar lura lejn il-bieb tal-injam minn fejn kien għadu kemm ħareġ. Ried jara jekk l-għalliem kienx għadu hemm ħalli jaqbel miegħu fuq il-lezzjonijiet. Iżda l-bieb tal-injam ma setax jinfetaħ! Kien hemm xi studenti li bdew iħarsu lejh b'mod stramb. Ma tantx kien bdieha tajjeb l-ewwel ġurnata tal-iskola l-ġdida! Mar id-dar. Qal b'kollox lil ommu u din bilkemm riedet temmnu. "Tibdiex tivvinta ħalli nerġgħu mmorru lura! Taf li missierek ma jistax!" qaltlu. Alex ħa nifs twil u telaq lejn kamartu. Il-kurżità bdiet tiekol fih. Ried jiskopri ftit aktar dwar dik l-iskola stramba li kien sab ruħu fiha dakinhar stess. Xegħel il-kompjuter u beda jfittex fuqha fuq l-internet. Ħass ġismu jibbies mas-siġġu. Ħass fawra tiela' għal rasu. "L-1 ta' Novembru tas-sena 1999. Klassi tfal u għalliem imutu f 'nirien li ħakmu l-iskola," beda jaqra b'nifsu maqtugħ. Qalbu bdiet tħabbat mija mija. "Ħadd minnhom ma salva. Is-Sur James Mahoney u għoxrin student kollha tilfu ħajjithom fi klassi numru għaxra tal-iskola. Dik il-parti tal-iskola għadha magħluqa sal-lum. Ħadd ma jaf x'ikkawża n-nirien..." Beda jirtogħod. Quddiemu beda jara r-ritratti tat-tfal u l-għalliem li kien għadu kemm għadda ġurnata sħiħa magħhom! Ma kien qal lil ħadd. Ħadd ma kien ser jemmnu! Il-bieb tal-injam baqa' magħluq u ssiġillat. Fuq l-iskeda suppost kien hemm klassi numru mija. Ried jinsa. Ried jinsa dak li kien għadda mingħalih. Iżda xahrejn wara.... Xahrejn wara eżatt, irċieva stedina d-dar li qatt ma stenna! Ra ittra Indirizzata għalih. "Nixtiequ nistednuk għal reunion li ser issir fl-1 ta' Novembru ta' din is-sena talli inti kont parti mill-klassi tagħna. Niltaqgħu fi klassi numru għaxra. Is-Sur James Mahoney." Inħasad. Alex beda jżomm mas-siġġu ħalli ma jaqax mal-art. Qatt ma reġa jipprova jidħol f 'dak l-imbierek bieb tal-injam! Sharon Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 26 August 2017