Illum previous editions

illum 26 August 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/866592

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 27 ta' Awwissu 2017 Opinjoni 18 D in il-ġimgħa kont involut f 'inċident tat- traffiku. Ħbatt fit-3pm f 'nofs Psaila Street ma' żewġ karozzi oħra. Spiċċajna blukkajna triq ferm traffikuża sakemm tfaċċa l-gwardjan siegħa wara. Tistgħu timmaġinaw il-konfużjoni u sriebet ta' traffiku li dlonk inħolqu. Raġel beda jidderieġi t-traffiku u daqqa beda jħalli karozzi jgħaddu f 'direzzjoni u wara ftit, jaqleb id-direzzjoni f 'oħra. Bdejt ngħinu u l-qagħda tat-traffiku tjiebet sew. Wara ftit spiċċajt waħdi nidderieġi t-traffiku fix-xita. Sakemm wasal il-gwardjan biex jieħu l-iskizz tal-inċident u d-dettalji tagħna, stajt nirrifletti ftit mhux ħażin. Minkejja li ma kelli l-ebda awtorità ħlief dik morali, iddiriġejt it-traffiku sabiex nassigura li baqa' għaddej u ma jeħilx kulħadd. Is-sistema ħadmet sakemm min kien għaddej fit-triq qagħad għal dak li kont qed ngħammarlu. Imma kien hemm min tilef il-paċenzja u qabad u pprova jgħaddi minkejja li ħaddieħor kien ġej mid-direzzjoni opposta. Ir-riżultat kien li ġġammja t-traffiku għax ħadd ma seta' jmur imkien. Kien ikun ferm aktar għaqli li wieħed joqgħod jistenna sakemm imiss lilu jgħaddi. Meta n-nies ikkoperaw, it-traffiku għadda b'ħeffa kbira. Meta kien hemm min deherlu li jaf aħjar, it- traffiku weħel. Din it-tagħlima tgħodd għas-soċjetà in ġenerali. Jekk kulħadd joqgħod għar-regoli, ħadd ma jibqa' lura u kulħadd ikun jista' jimxi 'l quddiem. Jekk imma jkun hemm min irid jaqbeż il-kju a skapitu ta' ħaddieħor, ser jinħolqu l-problemi u min javvanza u min jibqa' lura. Għalhekk, is-soċjetà evolviet b'mod u manjiera sabiex ikollha regoli li jorbtu lil kulħadd. Ovvjament, il-mod kif isiru r-regoli hu kruċjali. Jekk min ifassal ir- regoli jagħmilhom b'tali mod li jekk xi ħadd ikollu Mercedes, jista' jibqa' għaddej mit-triq kif u x'ħin irid hu, min għandu Ford jew Fiat ser isib ruħu fi żvantaġġ. F'soċjetà ġusta, huwa essenzjali li r-regoli jitfasslu b'mod u manjiera li jassiguraw li kulħadd jista' jimxi 'l quddiem mingħajr xkiel u bl-istess opportunitajiet. Jekk soċjetà tiffavorixxi ċertu individwi jew ċertu klassijiet ta' individwi fuq oħrajn, ċertament li mhux se jkollok ġustizzja soċjali. Kumbinazzjoni, dakinhar stess tal-inċident kelli nattendi għal tiġdid ta' konvenju. Fost il-partijiet, kien hemm tnejn li huma ferm viċini tal-Partit Laburista. Id-diskors waqa' inevitabbilment fuq il-politika u wieħed minnhom, ferm midħla ta' Kastilja, beda jiftaħar kif in- negozjanti kollha abbandunaw il-Partit Nazzjonalista u llum jappoġjaw lill-Partit Laburista. U beda jsemmi individwi minn familji li sa ftit ilu kienu mgħajra barunijiet. Dan ma jiskantani xejn. Dan il-gvern huwa probabbilment l-aktar kapitalist li qatt kellha Malta bin-negozjanti u l-iżviluppaturi jiġu aġevolati bil- kbir. Permessi u konċessjonijiet li qabel kienu impossibbli, issa saru ferm possibbli. Ħa niftiehmu sew: m'hemm xejn ħażin li l-gvern jaġevola s-setturi produttivi tas-soċjetà. Imma s-soċjetà trid ukoll tagħraf il-ħtiġijiet ta' min jibqa' lura u mhux kapaċi javvanza bil-ħila tiegħu daqs ħaddieħor. Hu f 'dan ir-rigward li l-gvern preżenti qed jittraskura. Ikolli nammetti li laqatni kumment fid-dibattitu li sar nhar il-Ħamis bejn l-erba' kandidati għal kap tal-Partit Nazzjonalista. Frank Portelli, li ċertament mhux il-kandidat favorit tiegħi, għamel il-punt ferm validu li filwaqt li dan il-gvern moħħu biex jinbnew it-torrijiet u l-appartamenti għas-sinjuruni, f 'erba' snin ma beniex appartament wieħed għall-ħtieġa ta' min ma jiflaħx għall-kirjiet li qed jintalbu. X'ma jisparawx 'il fuq il-kirjiet. U anke dwar il-pensjonijiet, Portelli għamel punt validu li l-pensjonijiet huma baxxi wisq. Imma niddubita kemm hi realistika ekonomikament il-wegħda tiegħu li jagħti living wage lill-pensjonanti kollha. Il-politika mhi xejn ħlief il-ġestjoni tar-riżorsi tas- soċjetà. Meta gvern jagħti art li tiswa l-mijiet tal-miljuni biċ-ċiċri jew iħalli art li suppost saret ċentru ta' eċċellenza tal-ekonomija diġitali tintuża għal spekulazzjoni ordinarja tal-propjetà, ikun qed iċaħħad lis-soċjetà mir- riżorsi meħtieġa sabiex ikollna biżżejjed akkomodazzjoni soċjali u l-pensjonanti tagħna jkollhom pensjoni adekwata għall-ħtiġijiet tagħhom. Meta gvern jimpjega nies jew jagħti promozzjonijiet bl-addoċċ sabiex jieħu l-vot tagħhom, ikun qed iċaħħad xi settur ieħor mir-riżorsi li jkollu bżonn. Xi ħadd se jsofri talli xi ħadd ġie pprivileġġjat u ħa affarijiet li ma kinux tiegħu bi dritt. Dan kollu mhux faċli tispjegah. Min ser igawdi minn promozzjoni jew minn impjieg li jfisser anqas tbatija u paga garantita, mhux se jħabbel moħħu wisq dwar il-ġustizzja soċjali. Ħafna drabi jippretendi li dak l-impjieg jew promozzjoni huma tiegħu bi dritt għax jappartjeni għal xi partit politiku jew hu galoppin ta' xi ministru. Din hija r-realtà Maltija. U min ma jimxix mal-kurrent, ilaqqatha. Taħt il-gvernijiet Nazzjonalisti, kien hemm tentattivi li mhux dejjem irnexxew biex titnaqqas il-prepotenza tal-ministri, biex id-deċiżjonijiet amministrattivi jittieħdu fuq kriterji oġġettivi u biex iċ-ċivil jiċkien. Anke fl-interrenju ta' Sant, kien hemm insistenza kbira li ċ-ċivil jaħdem kif suppost. Dawn kienu sforzi li ma tantx jintgħoġbu. Kemm Sant kif ukoll in-Nazzjonalisti spiċċaw iħallsu prezz politiku qawwi. Muscat tgħallimha l-lezzjoni u qed jibbaża t-tmexxija tiegħu fuq il-qadi bla heda ta' nies: hu min hu, Laburisti jew le, jekk għandhom bżonn xi ħaġa, ipprova aqdihom. Nistħajjel bosta mill-qarrejja jistaqsu x'hemm ħażin f 'dan. Li hemm ħażin hu li inti dak li hu tiegħek bi dritt għandek tieħdu mingħajr l-intervent tal-politiku. Jekk tieħu xi ħaġa li mhijiex tiegħek bi dritt, ser iħallas għaliha xi ħadd ieħor li ser jiċċaħħad minn dak li suppost hu tiegħu. Meta għandek il-partit fil-gvern li abbanduna l-prinċipji soċjaldemokratiċi li tradizjonalment kien iħaddan sabiex jirbaħ l-appoġġ tan- negozjanti li ħafna drabi ma kienux jappoġġjawh u qed iwarrab il-ħtiġijiet ta' min hu żgħir, għandu jkun il-partit fl-oppożizzjoni li jkompli jirsisti ħalli l-ħtiġijiet ta' kulħadd ikunu mħarsa. U dan mingħajr il-ħtieġa li tmur għarkupptejk quddiem xi ministru jew xi bażużlu ieħor jew tistenna l-elezzjoni ħalli tieħu ċ-ċiċri. Għandu jkun il-Partit Nazzjonalista li jirsisti li l-ekonomija tkun miftuħa għal kulħadd ħalli kulħadd ikun jista' jgawdi minnha bl-istess mod, ħalli jkun hawn a level playing field, ħalli ma jkunx hawn konċentrazzjonijiet ta' poter ekonomiku li jimmanipulaw il-forzi tas-suq. Għandu jkun il-PN li dejjem jisħaq fuq il- ħtieġa ta' investiment pubbliku fl-infrastruttura li dan il-gvern spiss qed jittraskura bil- fissazzjoni tiegħu li ma jkollhux defiċit. Għandu jkun il-PN li mhux biss jipprovdi l-kuxjenza soċjali tal-pajjiż imma jfakkar li l-ekonomija ma tinbeniex biss fuq l-ispekulazzjoni tal- propjetà u l-bini bla rażan imma rridu nieħdu ħsieb setturi ferm importanti bħat- turiżmu u l-manifattura kif ukoll is-servizzi. Irridu ukoll nidentifikaw u niżviluppaw opportunitajiet ġodda. Dan kollu jfisser li l-mexxej il-ġdid tal-PN ma għandhux ikun clone ta' Joseph Muscat u l-PN m'għandux ikun replika tal-Partit Laburista. Min irid li l-PN isir kopja tal-PL sabiex b'hekk mingħalih jerġa' jieħu l-poter f 'idejh, qed jiżbalja bil-kbir. Il-PN irid iżomm il- karatterisitiċi distinti tiegħu li servew sabiex il-pajjiż jagħmel progress li ħadd ma kien joħlom fis-snin li mexxa u jipprepara għal meta l-elettorat jerġa' jagħtih l-opportunità li jmexxi. Jekk dan ikunx ħames, għaxar jew ħmistax-il sena oħra, ftit jimporta. L-irwol ta' partit politiku mhux li jiggverna imma li jkun ta' servizz għas- soċjetà. F'xi ħin jew ieħor, iċ-ċiklu elettorali ser jinbidel u l-maġija (jew ix-xorti) ta' Muscat ser tinbidel. U l-PN jerġa' jkollu l-opportunità li jkun ta' servizz għall-pajjiż fil-gvern kif għamel għal bosta snin wara l-Indipendenza. Għaldaqstant, huwa totalment żbaljat li tivvota għall-kandidat għal kap tal-partit fuq is- sempliċi premessa illi dan huwa ġdid fix-xena politika u hu biss jista' jerġa jrebbaħ il-PN. Kif min qed jappoġġja lil dan il-kandidat wasal għal dina l-konklużjoni ażżardata ma nafx. L-anqas m'hu korrett illi wieħed jarmi kull min immilita fil-partit fil-passat ħalli tagħmel il-wiesgħa għal xi ħadd li ngħata bosta opportunitajiet sabiex jagħti sehemu imma dejjem irrifjuta. Imma issa f 'daqqa waħda qed igħid illi jrid imexxi l-partit illi fil-passat riċenti dejjem irrifjuta illi jipprova jippuntella. Biex tgħaqqad, għalkemm huwa ġdid fix-xena politika, il-passat professjonali u kummerċjali tiegħu qiegħed iqanqal bosta mistoqsijiet. Mistoqsijiet illi ħafna drabi m'humiex qegħdin jiġu ndirizzati adekwatament. Huwa tassew żmien ta' riflessjoni qawwija għall- kunsilliera tal-PN li jridu jsaffu l-lista ta' kandidati għal kap għal tnejn. Mhux biss il-futur tal-partit imma anke tal-pajjiż jiddependi fuq l-għażla tagħhom. Dak li nbeda matul is-snin irid jitkompla u l-partit irid ikompli jmexxi lil Malta u lil Maltin 'il quddiem fit-tgawdija sħiħa tad-drittijiet u libertajiet fundamentali li l-partit dejjem issielet għalihom. Nittama biss li ssir għażla tajba li ma tkunx ikkundizzjonata mill- manipulazzjoni qawwija li għaddejja fuq is-social media minn xi wħud li la għandhom il-ġid tal-PN għal qalbhom, u bħala konsegwenza, l-anqas dak tal-pajjiż. Żmien ta' Riflessjoni JOE ELLIS "Nittama li ssir għażla tajba li ma tkunx ikkundizzjonata mill- manipulazzjoni qawwija li għaddejja fuq is-social media minn xi wħud li la għandhom il-ġid tal-PN għal qalbhom, u bħala konsegwenza, l-anqas dak tal-pajjiż" "Il-mexxej il-ġdid tal-PN ma għandhux ikun clone ta' Joseph Muscat u l-PN m'għandux ikun replika tal-Partit Laburista. Min irid li l-PN isir kopja tal-PL sabiex b'hekk mingħalih jerġa' jieħu l-poter f 'idejh, qed jiżbalja bil-kbir"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 26 August 2017