Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/866592
3 Il-Ħadd 27 ta' Awwissu 2017| illum Aħbarijiet Kriterji ġodda għal dawk li jirbħu tenders ta' tindif u ġbir ta' skart • Diskussjonijiet biex il-prezz ma jibqax l-unika kunsiderazzjoni għal rebħ ta' tender • L-eks Sindku ta' San Pawl jgħid li jekk il-privat jibqa' ma jagħtix riżultati s-servizz għandu jkun nazzjonalizzat Minn Albert Gauci Cunningham ILGVERN mistenni jirrevedi l-kriterji illi bihom kumpanija privata tkun tista' tirbaħ tender biex tesegwixxi l-operat tat-tindif u ġbir tal-iskart madwar il-pajjiż. Dan żvelah ma' din il-gazzetta s-Segretarju Parlamentari li taħtu jaqa' d-Dipartiment tat-tindif Deo Debattista li qal ukoll kif bħalissa għaddej b'diversi laqgħat ma' Kunsilli Lokali biex tkun ikkomunikata l-intenzjoni tal-Gvern li, fi kliem Debattista stess, "ma tkunx biss l-irħas offerta li tirbaħ it-tender għat-tindif u ġbir ta' skart imma l-irħas offerta minn fost dawk li se jilħqu l-kriterji hekk kif se jinbidlu. Kriterji li għandhom jirriflettu l-bidliet li qed iseħħu madwarna." Debattista, appuntat Segretarju Parlamentari wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, fakkar illi l-bdil fil-kriterji se jkun qed iseħħ f 'kuntest ta' żieda kbira fil-popolazzjoni tal-pajjiż kif ukoll numru rekord ta' turisti li qed iżuru pajjiżna. "Meta nitkellmu dwar bdil fil-kriterji qed nirreferu għal, pereżempju, servizz ta' tindif jew ħasil tat-toroq li jsir kuljum, minflok darba iva u darba le, jew inkella saħansitra darba fil-ġimgħa." Il-kummenti ta' Debattista jiġu fid-dawl ta' diversi rapporti, kemm fuq il-gazzetta ILLUM, kif ukoll rapporti fuq il-gazzetti It-Torċa u The Times, tas-sitwazzjoni pjuttost ħażina f 'Buġibba/Qawra f 'dak li jirrigwarda tindif u ġbir ta' skart, speċjalment dak goff. Mal-ILLUM l-eks Sindku Laburista tal-lokal Raymond Tabone qal li jaqbel mal-kummenti tas-Segretarju Parlamentari, dwar il-bżonn illi jinbidlu l-kriterji għalkemm imur oltrè minn hekk. "L-ewwel nett irridu inbiddlu din il-prassi li jirbaħ it-tender sempliċiment min joffri l-irħas prezz," jgħid Tabone li jkompli jsostni iżda li, "jekk l-affarijiet jibqgħu ħżiena jien nemmen li s-servizz għandu jkun nazzjonalizzat." Mistoqsi jekk iħossx li din tkun miżura eseġerata, Tabone staqsa, "għaliex eseġerata? Qed jagħti riżultat tajjeb jew le l-privat? Jiddispjaċini ngħid imma f 'dan il-qasam il-privat falla, issa jekk hux it-tort tiegħu jew hux it-tort tas-sistema li tiffavorixxi lil min huwa l-irħas hija xi ħaġa oħra. Jien qed ngħid li aħna rridu nħarsu lejn il-ġbir tal-iskart bħala servizz essenzjali, bħas-saħħa pereżempju. Servizz bażiku, mhux wieħed li jopera skont il-profitt." Meta mistoqsi jekk jaqbilx ma' Tabone, is-Segretarju Parlamentari Debattista huwa ħafna iktar kawt u jsostni li l-Gvern m'għandu ebda intenzjoni li joħnoq lill- ebda investitur jew lill-ebda kumpanija li trid tikkompeti biex tirbaħ tender f 'dan is- settur. Huwa jżid jgħid imma li dan jiddependi minn jekk il-privat ikunx jista' jidħol għal servizz bi kriterji ogħla. "Fejn il-privat ma jkunx jista' jlaħħaq, il-Gvern jidħol hu." Debattista sostna wkoll iżda li apparti t-tibdil fil-kriterji, il-Gvern se jkun qed jaħdem fuq tliet binarji. "L-ewwel nett irridu nallokaw baġit apposta biex inżidu l-ħaddiema mad-Dipartiment tat-Tindif. Ix-xogħol huwa kbir u nista' ngħidlek illi bl-ammont ta' xogħol li għandhom il- ħaddiema bħalissa huma mkissrin. Hemm bżonn inżidu l-ħaddiema." Huwa jkompli jgħid illi daqstant importanti hija l-edukazzjoni kontinwa, iżda jagħmel aċċenn partikolari fuq l-infurzar. Mistoqsi minn din il-gazzetta kif se jagħmel dan u jekk hux qed iħares lejn is-sistema tal-Green wardens, li qajla ħadmet, Debattista jisħaq li bħala miżura fuq medda ta' żmien qasir l-Gvern se jara li jżid l-infurzar permezz ta' aktar pulizija. "Id-domanda kibret ħafna, anke minħabba li l-attività ekonomika żdiedet ħafna u allura jeħtieġ li naraw kif se ntejbu dak li għandna. Nkunu boloh iżda jekk ngħidu li m'hemmx problema. Illum anke fil-Kabinett dan is-suġġett qed jitqajjem b'mod regolari minn Ministri differenti." Lura fuq il-problema partikolari li dwarha rrappurtat din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda Tabone saħaq illi minkejja li l-Kunsill joffri diversi servizzi s-Sindku preżenti naqqset is-servizzi. "Dan apparti li l-Gvern alloka €400,000 iktar lill-kunsill lokali. Jien nixtieq inkun naf għalfejn dawn mhux qed jintefqu, biex fost oħrajn insolvu din il- problema. Jiena kuljum kont inqabbad il-vannijiet biex jiġbru l-kartun u l-ħmieġ, dan is-Sindku preżenti waqqfitu. L-importanti," jgħid Tabone, "illi meta kont Sindku jien kienu qed jagħmlu aħbar kuljum fuq in-Net jattakkawni, fosthom darba għax għidt li dawk li jarmu barra kienu annimali mhux nies." Iktar kmieni din il-ġimgħa is-Sindku ta' San Pawl il- Baħar Graziella Galea sostniet mal-illum.com.mt illi l-akbar problema li qed jiffaċċja l-Kunsill huwa n-nuqqas ta' infurzar mill-awtoritajiet. Hija qalet ukoll illi l-Kunsill se jkun qed jiltaqa' mas-Segretarju Parlamentari Debattista kif ukoll mal-Kummissarju tal-Pulizija dwar il-problema persistenti tal-lokalità li fiha jgħixu madwar 21,000 persuna u li tilqa' eluf kbar ta' turisti kull sajf. Raymond Tabone Deo Debattista