Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/884697
illum | Il-Ħadd 08 ta' Ottubru 2017 Opinjoni 16 H uma n-nisa biss li għandek issib mas-sink tal-kċina? L-irġiel mhumiex kapaċi biżżejjed biex jieħdu ħsieb uliedhom u ssibhom biss fuq is-sufan? Dawn huma wħud mill- messaġġi li qed nieħdu mir-riklami fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni. Naraw li l-isterjotipi tal- irġiel u n-nisa fir-riklami jmorru lura s-snin. Fl-1950, kumpanija Amerikana li tagħmel prodotti tal-ikel kienet ħarġet b'riklam li kien jgħid: "Most men, nowadays, have stopped beating their wives" – Ħafna mill-irġiel, illum il-ġurnata, m'għadhomx isawtu lil marthom. Dan ir- riklam kien iħeġġeġ lin-nisa biex jixtru s-sopop ta' din il-kumpanija ħalli jevitaw li żewġhom jilmenta dwar l-ikel li jkunu ppreparaw u għalhekk, skont ir-riklam, l-irġiel ma jaslux li jsawtu lil marthom. Aktar tard, fl- 1961, riklam ta' food-mixer ta' ditta rinomata kien jgħid: "The Chef does everything but cook – that's what wives are for!" – ix-Chef jagħmel kollox ħlief isajjar – dan hu xogħol in-nisa! Riklami ta' dan it-tip kien hemm għexieren oħrajn matul is-snin. Il-mara baqgħet tidher fihom bħala sottomessa għar-raġel, kuntenta li tkun mas-sink tal- kċina filwaqt li l-kuntentizza tagħha tiddependi minn kemm togħġob lil żewġha u lil uliedha b'ikliet tajbin, bi ħwejjeġ indaf u bi djar imqaxxra. Aktar ma għadda ż-żmien, il-mara mbagħad bdiet tintuża bħala oġġett sesswali biex tiġbed iżjed l-attenzjoni tax-xerrejja. Dawn it-tip ta' riklami għadna narawhom sal-lum. Rapport li ħareġ mill- Advertising Standards Authority tar-Renju Unit aktar kmieni dan is-sajf isemmi għadd ta' eżempji ta' sterjotipar tal-irġiel u n-nisa fir-riklami. Jirreferi għal riklam tal-ħalib tat-trabi li juri tarbija tifla li meta tikber issir ballerina filwaqt li tifel żgħir isir għalliem tal- matematika. Studji internazzjonali juru li l-evidenza dwar kif l-isterjotipi għandhom effett negattiv fuq l-individwi u fuq is-soċjetà tidher sew kullimkien. In-nisa għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fuq bordijiet eżekuttivi kif ukoll f 'setturi bħall- inġinerija, it-teknoloġija u x-xjenza, filwaqt li l-irġiel mhumiex rappreżentati biżżejjed f 'xogħolijiet relatati mal-kura u l-edukazzjoni. Ix-xogħol tad-dar u l-faċendi għadhom assoċjati l-iżjed mal-mara, u d-differenza fil-pagi tan-nisa u l-irġiel għadna nsibuha fostna. Ir-rapport tal-Advertising Standards Authority tar- Renju Unit jgħid li quddiem din l-evidenza trid tittieħed pożizzjoni aktar stretta għall- isterjotipi tal-irġiel u n-nisa li għadhom iħallu dan l-impatt negattiv anki fis-seklu 21. Waħda mill-awturi ewlenin ta' dan ir-rapport qalet li hemm forom speċifiċi ta' sterjotipi tal-irġiel u n-nisa fir-riklami li jagħmlu ħsara mentali, fiżika u soċjali kemm lill-adulti kif ukoll lit-tfal. Dan għaliex dan it- tip ta' riklami jirristrinġu lil dak li jkun fil-mod kif iħares lejh innifsu, kif ħaddieħor jarahom u jirristrinġu wkoll id-deċiżjonijiet li jieħdu fil-ħajja. Għalhekk regoli aktar stretti għar-reklamar għandhom sehem importanti biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ugwaljanza u biex itejbu l-ħajja tal-individwi, l-ekonomija u s-soċjetà inġenerali. F'dan il-kuntest, din l-Awtorità qed tippjana li tipprojbixxi dawk ir-riklami li juru sterjotipi tal-irġiel u n-nisa u tintroduċi regoli kontra reklamar li jissuġġerixxi li ċertu attivitajiet huma abbinati man-nisa u oħrajn mal- irġiel. Nistaqsi jekk f 'Malta wkoll wasalx iż-żmien li jkollna regoli aktar stretti dwar reklamar ta' dan it-tip sabiex permezz tagħhom nevitaw aktar l-isterjotipi u l-ħsara li dawn jagħmlu. Bla dubju, l-edukazzjoni dwar l-effetti ta' dawn l-isterjotipi tajjeb li tibda miċ-ċokon minħabba l-effetti li jħallu sa minn età żgħira. Edukazzjoni bħal din m'għandhiex tingħata biss fl-iskejjel iżda wkoll fid-djar, mill-ġenituri jew min ikun qed jieħu ħsieb lit-tfal. F'dan ir-rigward, il- Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal- Ugwaljanza (NCPE) torganizza sessjonijiet ta' taħriġ fl-iskejjel għall- edukaturi u l-istudenti kif ukoll għal kull min hu interessat. Dan biex tqajjem aktar kuxjenza kemm dwar id-diskriminazzjoni kif ukoll dwar kif l-isterjotipi jistgħu jingħelbu bil-għan li kemm nisa kif ukoll irġiel fis-soċjetà Maltija jagħrfu l-għażliet li jkunu qed jagħmlu u x'impatt dawn għandhom fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom. L-NCPE tuża l-midja tradizzjonali u soċjali biex tilħaq udjenza ħafna iżjed wiesgħa magħmula minn nies ta' kull età u ġejjin minn kull qasam tas-socjetà. L-għan ta' dan l-għarfien hu biex kulħadd ikun konxju tal-effetti li r-reklamar iħalli fuqna u għalhekk noqogħdu b'seba' għajnejn għall- messaġġi li r-riklami jkunu jridu jgħaddulna. Kemm qed inkunu kritiċi quddiem dak li naraw u nagħrfu li l-imġiba u r-rwoli tagħna jistgħu jmorru lil hinn minn dak li juruna r-riklami? It-tweġiba għal din il- mistoqsija tiddependi minn kemm inħallu r-riklami jinfluwenzaw l-għażliet u d-deċiżjonijiet tagħna li jistgħu jeffettwaw it-triq li nieħdu aħna u dawk ta' madwarna matul ħajjitna. Għal aktar informazzjoni tista' tagħmel kuntatt mal- NCPE fuq 25903850 jew equality@gov.mt Renee Laiviera hi Kummissarju tal-NCPE RENEE LAIVIERA Ir-riklami u l-messaġġi li jgħaddulna "Kulħadd ikun konxju tal-effetti li r-reklamar iħalli fuqna u għalhekk noqogħdu b'seba' għajnejn għall-messaġġi li r-riklami jkunu jridu jgħaddulna" "Il-mara baqgħet tidher fihom bħala sottomessa għar-raġel, kuntenta li tkun mas-sink tal- kċina filwaqt li l-kuntentizza tagħha tiddependi minn kemm togħġob lil żewġha u lil uliedha..."