Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/884697
Il-Ħadd 08 ta' Ottubru 2017 | illum Opinjoni 17 J ekk toqgħod fuq dak li qal il-Prim Ministru fl-indirizz tiegħu lill-konferenza tal-EU li saret din il-ġimgħa f 'Malta dwar il-ħarsien tal-ibħra, bir- raġun kollu tassumi li Malta bħala nazzjon marittimu hu pajjiż iddedikat għal dan l-oġġettiv. Meta tfittex fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) issib numru ta' rapporti mitluba mid- Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Qafas ta' Strateġija Marittima mingħand il-pajjiżi membri tal-Unjoni. Imma meta mbagħad tfittex fuq is- sit elettroniku tal-Unjoni Ewropea dawn ir-rapporti ma ssibhomx, imma issir taf li r-rapporti minn Malta ġew ippreżentati tard, wara d-data stabbilita. Hu ċar li minkejja dak li jipprova jagħti x'jifhem il- Prim Ministru, għad baqa' ħafna x'naqdfu. Bħala stat gżira hu essenzjali li Malta tkun fuq quddiem f 'dak kollu li jikkonċerna l-ibħra. Ma nistgħux inħallu l-inizjattiva f 'idejn ħaddieħor. Kien hemm żmien meta Malta kienet tmexxi, kienet fuq quddiem nett, tieħu l-inizjattiva: meta l-Ambaxxatur Malti fil- Ġnus Magħquda, Arvid Pardo, ippreżenta inizjattiva innovattiva biex qiegħ il-baħar u kulma fih ikun ikkunsidrat bħala wirt komuni tal-umanità. Dan seħħ 50 sena ilu f 'Novembru tal-1967 waqt sessjoni tal- Assemblea Ġenerali tal- Ġnus Magħquda. L-inizjattiva Maltija permezz ta' Arvid Pardo għamlet żmien imqiegħda fil-ġenb u kkunsidrata bħala ħela ta' żmien minn Gvern Malti immexxi mill-Partit Laburista. Kien Gvern li pprefera li jħalli pajjiżi oħra jieħdu l-inizjattiva. U meta waslet is-siegħa tad-deċiżjoni, il-Ġamajka rnexxielha taqlibha lil Malta għax kienet hi li ġiet magħżula biex f 'Kingston tilqa' l-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar. Malta kienet ilha żmien tindika li kienet tilfet l-interess fl-inizjattiva tagħha stess. Malta għandha vokazzjoni marittima. Bħala stat gżira l-politika marittima għal Malta hi kemm dmir kif ukoll opportunità. It-tifsira ta' dan hu spjegat fid- dettall f 'rapport li janalizza l-impatti ekonomiċi u soċjali tal-politika marittima liema rapport ġie kkummissjonat mill-ERA kif mitlub mill- artiklu 8 tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Qafas ta' Strateġija Marittima. Dan ir-rapport hu aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-ERA. Dan ir-rapport twil 133 paġna hu deskritt bħala wieħed li jippreżenta analiżi preliminari. Jispjega li 15.4% tal-ekonomija Maltija hi dipendenti fuq l-ambjent marittimu b'xi mod jew ieħor. L-importanza kbira li l-baħar għandu fl-ekonomija Maltija tidher iktar meta wieħed iqis li d-dipendenza tal-ekonomiji ta' stati oħra membri tal-Unjoni Ewropea fuq l-ambjent marittimu hi ta' bejn 3% u 5%. Dan ir-rapport ikompli jispjega li ċ-ċifra ta' 15.4% kontribut tal-ambjent marittimu lejn l-ekonomija Maltija ma tinkludix l-użu ta' żoni għall-għawm jew l-użu tal-baħar bħala sors ewlieni tal-ilma tax-xorb. Ma jidhirlix li tul is-snin qatt kien hemm xi partit politiku li ta piż politiku lill-ambjent marittimu fil- ħidma politika tiegħu. Wasal iż-żmien li dan għax hu meħtieġ li nifhmu kemm il- baħar ta' madwarna għandu importanza ċentrali għalina. Malta għandha ssegwi l-passi li kien ħa Arvid Pardo u tkun fuq quddiem f 'dak kollu li jikkonċerna l-politika marittima. Hemm ħafna x'jista' jsir. Il-fatt li d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Qafas ta' Strateġija Marittima għadha fil-bidu tagħha tfisser li hemm opportunità unika li ma ġietx meqjusa biżżejjed tul is-sitt xhur presidenza tal-Unjoni Ewropea li Malta kellha iktar kmieni din is- sena. Fi kliem Arvid Pardo nnifsu fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda nhar l-1 ta' Novembru 1967: aħna għandna interess vitali fil-baħar li jdawwarna u li minnu ngħixu u nieħdu n-nifs. Skont Cacopardo... Arvid Pardo: għaddew 50 sena Malta għandha vokazzjoni marittima. Bħala stat gżira l-politika marittima għal Malta hi kemm dmir kif ukoll opportunità. Bħala stat gżira hu essenzjali li Malta tkun fuq quddiem f 'dak kollu li jikkonċerna l-ibħra. Ma nistgħux inħallu l-inizjattiva f 'idejn ħaddieħor. CARMEL CACOPARDO carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt • http://carmelcacopardo.wordpress.com