Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/884697
7 Il-Ħadd 08 ta' Ottubru 2017| illum Aħbarijiet 'Il-libertà: li tgawdi s-sesswalità mhux li tiġi stuprata' 1. L-argument ta' dawk li ma jaqblux mal- Malta Confederation of Women's Organisation (MCWO) huwa illi jekk il-prostituzzjoni ma tkunx regolata, din se tibqa' sseħħ għad-detriment tal-vittmi. Ma tħossx li jekk l-industrija tkun regolata ċ-ċans tal- abbuż jonqos? Illum il-ġurnata eluf ta' organizzazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja jqisu l-prostituzzjoni bħala vjolenza kontra l-mara. Bħalissa l-prostituzzjoni mhijiex regolata u l-mod li nistgħu nirregolaw bil-għan li l-mara ma tibqax il-vittma huwa billi naddottaw dik li jgħidulha l-Mudell Nordiku li jfisser li dak li jitqies il- kriminal huwa l-persuna li tmur tixtri s-servizz u l-prostituta ma teħilx bħala kriminal imma minflok tingħata diversi għajnuniet biex tinqala' minn dan iċ-ċirku vizzjuż permezz ta' benefiċċji, edukazzjoni, taħriġ, saqaf fuq rasha u dak kollu biex titlaq minn din il- ħajja ta' abbuż kontinwu. 2. Temmen li hemm nisa li jidħlu fil-prostituzzjoni bħala għażla? Riċerka fuq riċerka turi li l-maġġoranza assoluta tan- nisa jidħlu fil-prostituzzjoni minħabba ħafna raġunijiet xejn feliċi u għaliex ma jkunux jistgħu jagħmlu mod ieħor. Ħafna stejjer li jirrakkuntaw prostituti u eks- prostituti huma ċirkostanzi ta' drogi u/jew ta' użura, abbandun minn ġenituri, ta' abbuż sesswali minn meta kienu għadhom tfal, ta' mard serju fil-familja etċ. Ħafna minn dawn il-prostituti jibdew minn kmieni, anke ta' 14-il sena. Kemm tista' tgħidilha għażla tagħhom meta l-persuna tkun għada minorenni? Għall-maġġoranza tal- prostituti l-kunsens jagħtuh għax m'għandhomx għażla oħra. Ix-xogħol li jixtiequ hu dak li jtihom dinjità u mhux wieħed ta sfruttament u ta' ħsara għal saħħithom fiżika u psikoloġika. 3. F'liema każ, tħoss li dawk li jaċċettaw huma għandhom jkollhom il-libertà li jqisu dak li jagħmlu bħala x-xogħol legali tagħhom? Għal numri hekk żgħir ta' nies (skont riċerki), u li diffiċli tkun taf eżatt jekk hux veru din ix-xelta libera, ma tistax tillegalizza dan l-abbuż għax ikun ta' detriment akbar għall- kumplament tal-ħafna nisa vulnerabbli u ta' dawn il-vittmi taċ-ċirkostanzi tal-ħajja u anke ħsara għas-soċjetà inġenerali. Naħseb ukoll li dawn xorta ssibu mod kif ikomplu biex jiġu pprostitwiti. Li nafu imma wkoll li ma tantx jistgħu jitkellmu bħal ħaddieħor fuq ix-xogħol tagħhom u li jgħidu li xogħolhom huwa ta' qaħba imma jżommu mistur din l-attività tagħhom. Il-libertà veru tagħhom għandha tkun dik li jgawdu s-sesswalità tagħhom bi dritt bħal kull mara u mhux jitħallsu biex jiġu stuprati... dan għaliex ix-xewqa bejn żewġ persuni li qed ikollhom att intimu huwa minn naħa waħda biss. 4. Ladarba din il-prattika kienet legalizzata wkoll f 'pajjiżi Ewropej oħrajn, għalfejn f 'Malta le? F'dawk il-pajjiżi li illegalizzawha, bħall- Ġermanja u l-Olanda sfortunatament kellha riżultati ħżiena ħafna fejn issa saret diffiċli twaqqaf jew trażżan dan l-operat li qed iġiegħel lill-pimps u s-sidien tal-briedel jittraffikaw nisa vulnerabbli minn pajjiżi oħra, ġeneralment nisa fqar mill- Afrika biex ilaħħqu mad- domanda. It-traffikar tan-nisa żdied b'70% f 'ħames snin. Il-kriminalità organizzata fejn jidħol il-prostituzzjoni minflok waqaf iżjed żdied! Min qed igawdi minn dan kollu? Żgur mhux dawn in-nisa imma l-irġiel li joperaw dan il- business magħruf bħala billion dollar industry. In-nisa prostituti baqgħu fqar daqs qabel. Il-pimp, jew dak li jħaddem in-nisa jaqla' mal-€110,000 fis-sena għal kull mara li jġegħela tipprostitwixxi ruħha. 5. Ħafna nies, speċjalment irġiel, jargumentaw li m'hemm assolutament xejn ħażin f 'li xi ħadd ifittex u jsib servizz sesswali. La hemm id-domanda, se jkun hemm il-forniment tas-servizz. Allura x'sens jagħmel li tipprova twaqqaf il-prostituzzjoni, la taf li mhux se tkun ta' suċċess? Għalfejn mhux suċċess? Anzi, pajjiżi bħall-Iżvezja li addottaw il-Mudell Nordiku bi strateġija studjata tant kienet suċċess li llum mxew fuq dan il-Mudell pajjiżi bħal Iżvezja, in-Norveġja, l-Islanda, Franza, il-Kanada, u issa l-Israel. Dan il-Mudell inaqqas id-domanda u allura l-provista (demand and supply). Fl-Iżvezja mhux biss naqas il-prostituzzjoni bin-nofs iżda wkoll it- traffikar. U nbidlet ukoll l-attitudni tan-nies, speċjalment tal-irġiel kif iħarsu lejn il-prostituzzjoni issa b'mod dispreġattiv. Sfortunament is-soċjetà patrijarkali baqgħet issostni lilha nfisha bl-idea lill-mara u l-ġisem tagħha qiegħda hemm għall-użu (u l-abbuż) tal-irġiel bħal li kieku oġġett. Għalhekk ħafna rġiel ma jaraw xejn ħażin li jħallsu biex jinqdew b'mara mingħajr ma jimpurtahom xejn minnha u ma jħarsux lejn dik il mara bid-dinjità tagħha. Meta soċjetà tilleġiżla biex l-irġiel jabbużaw minn nisa tkun qed tipperpetwa s-subordinazzjoni tan-nisa fis-soċjetà u li tgħaddi l-messaġġ li jsostni l-vjolenza kontra l-mara. 6. Kif taħseb li għandu jaġixxi l-Gvern fuq dawn iż-żewġ tipi ta' negozji a) Gentlemen's Clubs u b) Ħwienet li joffru l-massaġġi. Gentlemen's clubs – Pajjiżi bħan-Norveġja għaddew liġi li qali li l-ebda negozju ma jista' jaqla' l-profitti tiegħu minn fuq in-nudità tal-impjegati. Dawn il-ħwienet jistgħu faċilment jibdlu n-natura tas- servizz tagħhom f 'negozju ta' divertiment ieħor. Massage Parlours – llum beauticians li investew fl-edukazzjoni tagħhom biex saru professjonisti ma jistgħux lanqas jirreklamaw minħabba l-fastidju li jkollhom mingħand irġiel li jitolbu servizz ieħor. Għalhekk l-ebda massage parlour ma jista' jopera jekk ma jkollux mwaħħal mal-ħajt ċertifikat rikonoxxut fil-massaggi. Il-prostituzzjoni qiegħda fuq l-aġenda. Il-Maltese Confederation of Women's Organisation (MCWO) ma taqbilx mal-legalizzazzjoni tagħha. Iċ-Chairperson tal-MCWO Lorraine Spiteri intervistata mill-ILLUM agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham Lorraine Spiteri