Illum previous editions

illum 15 October 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/887358

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 35

illum | Il-Ħadd 15 ta' Ottubru 2017 22 Opinjoni W ieħed mill-uġigħat ta' ras kbar li dan il-pajjiż dejjem nafu jbati bih huwa t-taqlib esperimentali kontinwu fis- sistema edukattiva. Qisu persuna li għalkemm għajjiena mejta wara ġurnata xogħol iebes, tmur timtedd u ma tkunx tista' torqod, ma tkunx tista' ssib il-pożizzjoni biex tistrieħ u tintilef f 'raqda sal-għada filgħodu. Il-problema mhijiex biss l-esperimentazzjoni daqs kemm il-ħasra li donnu li ebda esperiment ma jħalli r-riżultati mixtieqa u allura, wara ftit taż-żmien, tinħass mill-ġdid il-ħtieġa li jsir esperiment ieħor biex jirranġa lil ta' qablu. U nibqgħu sejrin hekk. Fis-snin 70, meta Malta kienet rikonoxxuta bħala stat soċjalista, ġiet introdotta s-sistema magħrufa bħala edukazzjoni komprensiva, fuq il-mudell (ovvjament) Britanniku, sistema li suppost kellha ispirazzjoni u aspirazzjoni soċjalisti, fejn allura kull student kellu jitqies indaqs u l-istess bħall-istudenti l-oħrajn. Li ġara kien li l-iskejjel tal-Knisja ħadu s-soppravvent, saru l-iskejjel preferiti mill-Maltin (fosthom minn uħud mill- ministri soċjalisti stess) u ġerarkija skolastika, b'dawk tal-Knisja fuq nett, tal-istat ikarkru mal-qiegħ. Ftit tas- snin wara, l-istess gvern dar dawra dawrun u reġa' introduċa s-sistema tal-liċej, sistema li ideoloġikament kienet eżatt il-kuntrarju tas-sistema komprensiva. M'iniex se niddiskuti s-sistema edukattiva, lanqas fid-dawl tal-kriżi l-ġdida li l-edukazzjoni qiegħda terġa' taffaċċa bħalissa, din id-darba minħabba nuqqas serju ta' għalliema u l-istedina li saret biex studenti mhux kwalifikati jmorru jgħallmu. Imma matul il-ġranet li għaddew kelli esperjenza li ġegħlitni niftakar fid-diżastri li seħħew fl-edukazzjoni f 'Malta matul is-snin u l-effetti tagħhom li għadna nħossu sal-lum. Pereżempju l-għeluq tal-fakultà tal-arti fis-snin sebgħin. Pereżempju l-idea li l-istudenti jingħataw stipendju mingħajr ma jintalbu obbligu lura lejn l-istat li ħallashom għal xejn b'xejn. Pereżempju l-idea li l-importanti huma n-numri u mhux l-livelli. Pereżempju li filwaqt li l-ħin kollu jingħad li l-edukazzjoni m'għandhiex tkun tellieqa għaċ- ċertifikati, l-istudenti Maltin jingħataw il-permess jagħtu l-eżamijiet qabel iż-żmien "ħalli jeħilsu". Pereżempju lista twila ta' difetti li kienu u baqgħu hemm. Ftit tal-ġranet ilu kont fil-belt ta' Iasi (tinqara Jaxx) fil-grigal tar- Rumanija. Waħda mill-affarijiet li tolqtok mill-ewwel hija l-preżenza b'saħħitha tal-knisja Ortodossa, mhux biss minħabba l-katidral metropolitan ta' Santa Paraskeva (li lbieraħ ġiet iċċelebrata l-festa tagħha, b'eluf kbar ta' pellegrini jistennew għal tlitt ijiem sħaħ f 'serbut biex jara l-fdalijiet tal- qaddisa miżmuma f 'tebut tal-fidda) imma bin-numru ta' qassisin u sorijiet fit-toroq, u l-fidili li jroddu s-slaleb malli jgħaddu minn ħdejn membru tal-kleru jew xi tempju. Qaluli li f 'Iasi r-reliġjon u s-superstizzjoni huma b'saħħithom ħafna, tant li mqar it-tmexxija komunista tal-koppja Ceasescu (li fi żmien l-esperimenti edukattivi l-Università ta' Malta tat l-honoris causa lis-sinjura) ma ttantatx tmiss bil-biża' ta' xi rvell reazzjonarju. F'Iasi kien hemm il-festival internazzjonali annwali tal-letteratura u t-traduzzjoni, festival li jiġbed lejh eluf ta' nies li jmorru jiffullaw biex jisimgħu lill-poeti u r-rumanziera jaqraw u jiddiskutu l-problemi l-kbar tal-ħajja. Ma' dawn ikun hemm ukoll armata ta' tradutturi li jittraduċu għar- u mir-Rumen. U allura, l-ewwel lezzjoni. Anki fl-eqqel snin tal-komuniżmu ħafna drabi assurd fir-Rumanija kien hemm kuxjenza letterarja li trawmet u rawmet mhux biss il-klassi intellettwali u artistika, imma wkoll is-sens ġenerali ta' kultura. Din il-kuxjenza wasslet biex minkejja ċ-ċensura qalila fuq dak kollu li seta' jinkiteb, il-kultura letterarja sseddqet, anki permezz ta' letteratura samizdat u l-għajnuna ta' barranin li setgħu joħorġu din il-letteratura. F'Iasi kelli l-okkażjoni niltaqa' u nitkellem ma' kittieba li sfidaw l-establixment (u kellhom iħallsu ta' għemilhom). Il-punt, iżda, huwa li minħabba t-tradizzjoni edukattiva u kulturali l-establixment komunista kellu jiltaqa' wkoll ma' nies li sfidawh. Terġa', ġaladarba kemm il-koppja Ceausescu kif ukoll it-tirannija komunista, twaqqgħu permezz ta' rivoluzzjoni popolari b'avvenimenti drammatiċi f 'Diċembru 1989, ir-Rumanija setgħet taqbad toroq ġodda (anki jekk bl- iskossi tal-bidu u ta' kultant żmien). Iżda l-esperjenza li tassew ħalliet marka fuqi kienet preżentazzjoni u intervista fil-Kulleġġ Nazzjonali ta' Iasi. Quddiem sala maħnuqa bi student ta' bejn is-sittax u t-tmintax-il sena, rajt x'jiġifieri l-imħabba għal- letteratura u l-impenn kulturali u intellettwali. F'dan il-kulleġġ, bis- sehem minimu tal-professuri tal- lingwi, grupp kbir ta' studenti mhux biss jindafru jaqraw kulma jiġu għal idejhom, imma għandhom diġà s-sens kritiku tal-kultura, il-politika u dak kollu li qiegħed jiġri madwarhom, speċjalment meta ispirat minn xogħlijiet letterarji. Saħansitra dan l-istess grupp jippubblika ġurnal ta' kritika letterarja u kultura, xi ħaġa li, b'għafsa ta' qalb, f 'dal-pajjiż qatt ma rnexxielna jkollna, għajr għal tentattivi li kienu jfallu wara ftit edizzjonijiet. Dan juri kif f 'dan il-kulleġġ (li wara kollox huwa wieħed minn numru ta' kulleġġi madwar ir-Rumanija kollha) hemm impenn studjat u orkestrat biex il-pajjiż jibqa' jinvesti kontinwament fl-imħuħ tiegħu. Il-festival innifsu jinvolvi ħafna lil dan il-kulleġġ, bil- konvinzjoni li l-laqgħa bejn il-kittieb u l-qarrej hija essenzjali fit-trawwim kulturali u artistiku taċ-ċittadin. Aħna u nieħdu kafè f 'uffiċċju mimli kotba, l-istudenti wessgħu l-argumenti tagħhom għall-istorja u l-konsegwenzi tagħha fuqhom. Ilmentaw, pereżempju, li l-passat faxxista tar-Rumanija ftit li xejn jiġi diskuss fil-klassijiet tagħhom għax baqa' bħal tabù; kif anki l-istorja tal-komuniżmu mhux dejjem tiġi diskussa apertament. Il-fatt kien li dawn l-istudenti preuniversitarji għaddew minn proċess li anki jekk – kif jinnutaw huma – mhuwiex perfett, għallinqas jippreparahom jew iħajjarhom ikunu kritiċi u kreattivi. F'Malta wkoll mimlijin bit-tabù. M'iniex nalludi biss għall-fatt li qatt ma niddiskutu l-istorja tagħna, ħlief fil-miti u fl-eroj fantastiċi tal-Ewwel Assedju. Imma huwa tabù wkoll li ngħidu l-affarijiet kif inhuma: esperiment wara esperiment għad ma rnexxilniex inwelldu ċittadinanza kritika, b'kuxjenza kulturali li tpoġġina fejn suppost ilna li wasalna. Erbat ijiem (jaxx)qu IMMANUEL MIFSUD 'Esperiment wara esperiment għad ma rnexxilniex inwelldu ċittadinanza kritika, b'kuxjenza kulturali li tpoġġina fejn suppost ilna li wasalna' 'Matul il-ġranet li għaddew kelli esperjenza li ġegħlitni niftakar fid-diżastri li seħħew fl-edukazzjoni f 'Malta matul is-snin u l-effetti tagħhom li għadna nħossu sal- lum

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 October 2017