Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/887358
Aħbarijiet 12 illum | Il-Ħadd 15 ta' Ottubru 2017 Bla kuntratt u bla drittijiet; l-isportivi "PREĊEDENT ikrah twieled, kiber u qiegħed jirrenja fid-dinja tal-isport Maltija, b'mod speċjali fil- futbol", dan skont persuni li huma midħla tas-settur lokali u li tkellmu ma' din il-gazzetta waqt li kienet qed tinvestiga s-suġġett tagħha fuq id-drittijiet tal-plejers Maltin f 'din id-dinja tant segwita u maħbuba minn bosta. Din il-gazzetta ltaqgħat ma' diversi nies fl-għeruq tal-isport Malti, fosthom Carlo Mamo, segretarju ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Plejers Maltin (MFPA), għaqda li twaqqfet lura fl-2011, propju bl-għan li tagħti vuċi lill-plejers. "Imaġġina int spiċċalek il- kuntratt tax-xogħol," jibda jispjega Mamo, "u tixtieq taħdem ma' xi kumpanija oħra, forsi biex tipprova ambjent ġdid. Jirnexxilek issib kumpanija oħra li tixtieq tutilizza s-servizzi tiegħek. Iżda minkejja li inti bħalissa tinsab bla kuntratt, u bla rabta legali mal-kumpanija preċedenti, biex inti tkun tista' tingħaqad mal-kumpanija ġdida, il- kumpanija prospettiva trid tħallas somma kbira bħala 'kumpens' lill-kumpanija preċedenti", sostna Mamo. Mal-ILLUM Mamo saħaq kif din "is-sitwazzjoni qed tkun diffikultuża u perikoluża għat-talent prospettiv Malti." Lil hinn mid-dinja tal- isport, fid-dinja ordinarja tax-xogħol, din ċertament ma ssirx aċċettabbli, però kif spjegalna Mamo, f 'Malta din is-sistema ta' ħlas hi norma għal diversi sports. "Plejer li jkun spiċċalu l-kuntratt mat-tim tiegħu ma jistax jaqbad u jingħaqad ma' klabb ieħor," spejgalna Mamo. L-ewwel jeħtieġ li l-klabbs interessati fil-plejer iħallsu somma ta'flus għalih alavolja dan ma jkunx għad fadallu kuntratt mal-istess klabb. Din is-somma tiġi kalkulata fuq mekkaniżmi apposta," spjegalna Mamo. Il-parametri jiġu kkalkulati fuq diversi fatturi fosthom kemm plejer ikun lagħab mal-klabb, f 'liema diviżjonijiet ikun lagħab, kif ukoll kemm kien ġie mgħajjat sabiex jilgħab mat- tim nazzjonali Malti. Finalment il-parametri japplikaw biss għall- plejers Maltin. Jekk klabb Malti jrid jakkwista plejer barrani li spiċċalu l-kuntratt kulma jrid jagħmel hu li bejniethom jiftehmu pakkett ta' salarju. 'Kulħadd jista' jmur il-Qorti... għall- plejers dan mhux daqstant faċli' Mamo, li fil-passat lagħab għal numru ta' snin mal-aqwa klabbs, fl-ogħla diviżjonijiet f 'pajjizna elenka l-fatt li "fid-dinja kulħadd jista' jmur il-Qorti, dan anke jekk wieħed ikollu sempliċiment argument mal-ġar tiegħu, dawn jiftħu proċeduri legali fil-Qorti sabiex dan jiġi solvut, però jekk jagħti l-każ li plejer irid jiddefendi ruħu fil-Qorti fuq xi każ relatat mal-futbol, dan mhux daqshekk faċli." Dan għaliex il-plejers Maltin ma jistgħux jiftħu proċeduri legali kontra l-klabbs tagħhom, dan sakemm ma jingħatawx il-barka mill-kunsill tal-MFA. Din 'il-barka', hi importantissima, dan għaliex jekk plejer, jiftaħ proċeduri legali kontra l-klabb tiegħu mingħajr l-approvazzjoni tal-kunsill tal-MFA, il-plejer ikkonċernat jiġi sospiż minn kull tip ta' attività tal-futbol sakemm jinqata' l-każ mill- Qorti. Mamo spjegalna kemm din hi "verament sitwazzjoni kkumplikata" hekk kif l-istess kunsill li għandu deċiżjoni importanti li jagħti l-approvazzjoni lill-plejers biex imexxu proċeduri legali tagħhom, huwa magħmul minn rappreżentanti tal- istess klabbs. "Ma nafu bl-ebda plejer li qatt ingħata permess, meta kien hemm xi plejer talab għal permess, il-kunsill dejjem irrufjutaw." "Din mhix illegali," spjegalna Mamo, "però din qatt ma ġiet ikkontestata minħabba l-prezz kbir li plejer irid iħallas. Jekk xi darba tiġi kkonestata minn xi plejer li jkun qed jaffaċja problemi simili, żgur li jkollu każ b'saħħtu quddiem il-Qrati, għaliex fl-aħħar mill-aħħar din hi 'restraint of trade', u fil-passat plejers bħal Jean Marc Bosman, rebħu każijiet simili quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja", saħaq Mamo. (Ara kaxxa) Intant Mamo fakkar li "artiklu 35 tal- Konstituzzjoni ta' Malta jistipula li, l-ebda persna ma tista' tiġi obbligata li taħdem f 'xi xogħol sfurzat." "Kull sena jiġu bosta plejers b'din il-problema, bħalissa għandna żewg plejers li qegħdin nieħdu ħsieb il-każ tagħhom. Min jaf kemm ġew iktar li qatgħu qalbhom jew inkella ħallsu għad-domanda tal-klabbs ", sostna Mamo. Mistoqsi fuq kif ħadd qatt ma għamel xejn dwar dan, Mamo qalilna li "Ħadd ma jrid jerfa' responsabbiltà, għaliex biex tirregolarizza ma tantx takkwista voti, dan flimkien mal-fatt li kulħadd jaqta' qalbu biex imur jiġġieled il-Qorti. Nifhimha hux, tagħmel erba' snin, sitta tiġġieled, tkun waslet biex jew tilħaq tispiċċalek il-karriera." L-unika soluzzjoni li jibqagħlu plejer sabiex ikun jista' jimxi għal klabb ieħor hi, li jagħmel 30 xahar ma jilgħabx, u b'hekk plejer jiġi 'free release'. Però kif spjegalna kowċ ta' tim lokali tal-futbol f 'pajjiżna "realistikament dan ikun qtil u qerda tal-karriera qasira ta' plejer tal- futbol". lcarter@mediatoday.com.mt Liam Carter Plejer li jkun spiċċalu l-kuntratt mat-tim tiegħu ma jistax jaqbad u jinaqgħad ma klabb ieħor. L-ewwel jeħtieġ li l-klabbs interessati fil-plejer iħallsu somma ta' flus għalih alavolja dan ma jkunx għad fadallu kuntratt mal-istess klabb.