Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/890545
Aħbarijiet 12 illum | Il-Ħadd 22 ta' Ottubru 2017 L-illum.com.mt bi stejjer esklussivi kemm minn Malta u minn barra minn xtutna dwar dan l-assassinju Daphne Caruana Galizia tmut fi splużjoni ta' karozza bomba fil-Bidnija L-ILLUM kienet fost l-ewwel li rappurtat il-każ tal-karozza bomba li wassal għal qtil ta' Caruana Galizia. Il-blogger u ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet fi splużjoni ta' karozza li seħħet għall-ħabta tat-3pm. L-isplużjoni seħħet fi Triq il-Bidnija fil-limiti tal-Mosta, ftit 'il bogħod mir-residenza tagħha u tant kienet qawwija li l-karozza nqerdet għal kollox u spiċċat fl-għelieqi tal-madwar. Caruana Galizia kienet qed issuq il-karozza fil-ħin tal-isplużjoni u ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post. Hija kienet qed issuq karozza tal-kiri, Peugeot 108 tal-kiri. Daphne Caruana Galizia twieldet f 'Tas-Sliema fl-1964 u kienet ilha aktar minn 30 sena fil-ġurnaliżmu. Adrian Delia jwaqqa' l-libelli li fetaħ fil- konfront ta' Caruana Galizia It-Tlieta filgħodu, l-ILLUM żvelat li l-Kap tal- Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien se jwaqqa' l-libelli kollha li fetaħ fil-konfront ta' Daphne Caruana Galizia. Delia kien fetaħ ħames libelli dwar akkużi u stejjer differenti li kienet kitbet Caruana Galizia dwaru fosthom meta akkużatu li għandu kont bankarju f 'Jersey u li, allegatament, minn dan il-kont għaddew flus mill-prostituzzjoni. It-tfal ta' Daphne lesti jkomplu bil-libelli li nfetħu kontra ommhom It-Tlieta stess l-ILLUM infurmat lill-qarrejja li t-tfal ta' Daphne Caruana Galizia lesti jidħlu 'fiż-żarbun' ta' ommhom f 'każ li l-libelli li għaddejjin bħalissa, jew li huma pendenti u li nfetħu minn Ministri tal-Gvern ma jitwaqqgħux. Fil-fatt f 'każ ta' mewt, każ ta' libell jekk ma jitwaqax minn min għamlu jista' jkomplieh qarib jew persuna oħra. Fost il-persuni li fetħu kawżi ta' libell kontra Caruana Galizia hemm il- Ministri Chris Cardona u Konrad Mizzi. X'wassalna lill-qarrejja tagħna din il-ġimgħa jbaldacchino@mediatoday.com.mt Jesmar Baldacchino Casa jitlob diskussjoni urġenti fil-PE dwar il- qtil ta' Caruana Galizia Kienet l-ILLUM l-ewwel li żvelat kif l-MEP Malti David Casa kien se jitlob lill-Parlament Ewropew biex issir diskussjoni urġenti mal-Kummissjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f 'Malta. Mal-ILLUM, David Casa qal li Kummissjoni Ewropea għandha turi t-tħassib tagħha fuq dak li ddeskriva bħala l-kollass tas-saltna tad-dritt f 'Malta billi tiftaħ l-investigazzjonijiet. Casa sostna li huwa ferm ċar li s-sitwazzoni setgħet ġiet evitata li kieku l-Kummissjoni ħadet azzjoni mal-ewwel meta ġiet infurmata bl-istat tas-saltna tad-dritt f 'Malta. Sospiż is-Surġent li għadda rimarki dispreġġjattivi wara l-mewt ta' DCG It-Tlieta, l-ILLUM irrappurtat kif is-Surġent Ramon Mifsud ġie sospiż mill-Korp tal-Pulizija wara r-rimarki dispreġġjattivi li għadda fuq il-profil personali tiegħu fuq Facebook wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-każ u l-kumment tas-Surġent Mifsud ġie investigat mit- Taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Pulizija. Fuq Facebook ftit tal-ħin wara li dehru l-kummenti tal-Ispettur, bdiet ukoll petizzjoni biex jinġabru l-firem sabiex jiġi sospiż minnufih mill-Korp. Fil-31 ta' Diċembru tal-2014, Caruana Galizia kienet kitbet fuq is-Surġent Mifsud. Il-ġurnalisti magħqudin favur il-ħarsien tal- espressjoni Il-Ħamis, numru kbir ta' ġurnalisti fosthom l-Editur tal- ILLUM Albert Gauci Cunningham u L-Editur Eżekuttiv tal-Maltatoday, attendew għal mixja silenzjuża fit-toroq tal-Belt Valletta b'tifkira tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Uħud mill-ħurnalisti kellhom f 'idejhom kartelluni favur il-libertà tal-espressjoni u l-ħarsien tad-demokrazija. Il-ġurnalisti ressqu rikors fil-Qorti sabiex il-Maġistrat Anthony Vella, li qed imexxi l-inkjesta dwar il-qtil ta' Caruana Galiza, jaċċerta li kull sors li jista' joħroġ mill- investigazzjonijiet li qed isiru jiġi protett. L-ILLUM se tibqa' tinvestiga u tirrapporta dan il-każ u se tibqa' tinforma bl-aħjar mod lill-qarrejja tagħha kemm permezz tal-gazzetta tal-Ħadd kif ukoll permezz tas-sit elettroniku www.illum.com.mt.