Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/890545
illum | Il-Ħadd 22 ta' Ottubru 2017 B il-ħoss tat- taqtir imdaqqas itektek b'mod kontinwu fuq id-drapp jiżloq tal-umbrella, Ashley qasmet it-triq b'ħeffa liema bħalha, hekk kif kienet għodda rifset għadira oħra b'dak iż-żarbun tat-takkuna li kienet libset dik l-għodwa friska ħalli jikkumplimenta l-libsa pulita li kellha moħbija taħt il-kowt oħxon u mfelfel li kellha fuqha. Wiċċha kien ruxxan u għajnejha kienu qegħdin ileqqu b'mod insolitu. Illum. Illum kienet waslet dik il- ġurnata. Iva, illum. Kien ilha xi sitt xhur tistenna. Ashley kienet intiża ħafna fid-dinja tal-arti. L-hena tagħha kienet il-pittura u dak kollu li għandu x'jaqsam ma' esebizzjonijiet ta' arti. Kienet siefret ħafna drabi. Kull darba li kienet tkun ser issir xi eżebizzjoni prima, għid li Ashley kienet ser tkun waħda minn tal-ewwel li tattendi. U kienet tifli pittura, pittura, tara l-kuluri, il-mod ta' kif kienu jkunu mpinġijin, il-kreattività tagħhom. Insomma, biex inkunu għidna kollox, Ashley kienet saret esperta tal-pittura. U mhux l-ewwel darba li kienet tiġi maħtura bħala membru ta' ġurija meta kien ikun hemm xi kompetizzjonijiet tax-xorta. Ħadet nifs twil hekk kif waslet ħdejn il-bieb u rat li kien għadu magħluq. Tat titwila ħafifa lejn l-arloġġ li kellha mdawwar mal-polz. Kienu diġà saru l-għaxra neqsin kwart. Kien għad fadal kwarta sabiex tinfetaħ l-esebizzjoni famuża li ġiet hawn Malta. Ashley resqet daharha mal-injam oħxon tal-bieb, tistkenn mix-xita li donnha kienet żdiedet aktar taħt il-gallarija tal-bini kbir li kien iservi bħala ċentru tal- esebizzjonijiet . Dan l-artist Ġermaniż kien magħruf madwar id-dinja kollha għal pitturi oriġinali tiegħu. Skont l-aħħar informazzjoni li kienet sabet fuq l-internet is-Sur Heinrich Werner kien artist prominenti li kellu ħabtiet uniċi fuq il-mod kif kien ipinġi l-espressjonijiet tal-individwi. Kull min kien jara l-pitturi tiegħu kien jissaħħar iħares lejhom u peress illi ismu kien ixxerred madwar id-dinja, il-pitturi tiegħu kienu saru jiswew ħafna flus. Kienet ġiet kmieni għaliex ħasbet li kienet ser issib xi serbut nies fil-kju ħalli jidħlu għal din l-esebizzjoni famuża! Iżda oħroġ il- għaġeb, jew għax forsi kienu beżgħu minn dan il-maltemp qawwi li kien ħakem lill- gżejjer Maltin jew forsi għax dak li jkun kien iħalli għall- aħħar, u din l-esebizzjoni kien fadlilha xahar sħiħ hawn, Ashley ma kienet sabet lil ħadd qabilha! Peress illi kienet qiegħda tistkenn taħt il-gallarija u x-xita ma kinitx għadha qiegħda tilħaqha, għalqet l-umbrella u bdiet togħrok idejha ma' xulxin, tħares lejn il-ħwienet tal-kafè li kien hemm faċċata, lejn in-nies li kien hemm wara l-ħġieġ għall-irdoss u għal mument xtaqet li kienet qiegħda hemm ġew magħhom. Imma ma tantx damet tistenna. Ftit ħin wara kienet qiegħda ġewwa, ittakkan fuq il-madum abjad u kbir li kien hemm fis-swali kbar ta' dan iċ-ċentru. Dawret rasha hekk kif daħlet ġewwa l-kuritur u sabet ruħha fl-ewwel sala li kienet tagħmel parti minn grupp ta' swali kbar li kellhom il-ħitan tagħhom imżejna b'dawn il-kapulavuri sbieħ. Żammet in-nifs. L-eċċitament kien ħa kontroll ta' ġisimha kollu. Peress illi dan il-pittur kien famuż għal turija ta' mixja artistika li tirrifletti l-kultura, il-mentalità u l-passjoni tan-nies, il-wirja kienet kollha bbażata fuq esebizzjonijiet ta' wċuħ differenti u figuri ta' persuni li kienu jidhru kważi reali! Ashley waslet quddiem l-ewwel pittura. Xi ġmiel! Xi sbuħija! Żammet sidirha u ċċassat. Għalkemm kienet semgħet ħafna affarijiet pożittivi, qatt ma stenniet dan id-dettall, dawn il-kuluri! Il-pittura kienet ta' mara sabiħa, imdejqa, tħares b'għajnejn kbar, imnikkta. It-tpinġija li kellha warajha kienet ta' kamra mudlama, skura... Ashley ħassitha tissaħħar. Pittura isbaħ minn oħra. Kien hemm pitturi ta' tfal, ta' irġiel, ta' nisa, ta' xi koppja qegħdin iżommu id f 'id, ta' xi xwejjaħ jew xwejħa... Imma l-aktar ħaġa li laqtitha, kien il-fatt li kollha kemm huma kienu jidhru mdejqin. Donnhom nies reali, fattizzi eżatti, donnhom maqfulin wara l-kanvas, lesti biex joħorġu, donnu kulma kien jonqoshom kien li jitkellmu, li jibku, li jsejħulha. Tant kemm kienu reali, bdiet tħoss id-dwejjaq jaħkmilha ġisimha kollu. Ħasset enerġija ta' dwejjaq... ta' niket. Hekk kif irranġat troffa xagħar sewda li ġiet quddiem għajnejha, waqfet zoptu bilwieqfa bilkemm tiċċaqlaq. Ratha. Pittura. L-isbaħ pittura li qatt kienet rat f 'ħajjitha. L-isbaħ raġel li qatt kienet tefgħet għajnejh fuqu. Ashley ħasset ġisimha jqum xewk xewk, hekk kif għajnejha ltaqgħu ma' tiegħu. Ir-raġel li kien qiegħed f 'din il-pittura. Għolliet idha 'l fuq u messet id-drapp tal-kanvas, kważi titbissem, kważi tħoss id-dmugħ jifforma fit-truf ta' għajnejha. Konfuża. Għajnejh kbar u ċelesti. Xagħru iswed tuta, xufftejh kienu kbar. Perfetti. Irranġat in-nuċċali u flietu aktar mill-qrib. Inħasdet. Dak il-ħin ħasset nifs sħun, qrib ta' ħaddejha! Qabżet bil-ħasda! "Għoġbitek?" Ashley kważi ppanikjat għaliex ma kinitx indunat bih. Il-pittur! Il-pittur innifsu kien qiegħed maġenbha, iħares lejha u jkellimha b'ton barrani! U hi! Hi mank kienet indunat bih! X'għarukaża! Kien raha tmiss il-kanvas! Kien qabadha tmiss il-pittura famuża tiegħu! "Ħafna!" weġbitu bi tlaqliq u fixla kbira. Irranġat ftit il- kowt u ħarset lejn l-art għax stħat. "Kemm inti sabiħa..." qalilha. Inħasdet. Għajnejha għolew lejn tiegħu u ħasset ħalqha jinfetaħ waħdu. "Jien?" "Iva." Leħnu oħxon u fond. "Irrid inpinġik..." qalilha. "Lili?" staqsietu. Ried ipinġi lilha? Dan il-pittur famuż ried ipinġi propju lilha? "Iva lilek. Issa jekk trid..." "Naċċetta!" weġbitu, imbellha. Ħadha f 'kamra żgħira li kien hemm wara s-sala, poġġieha bilqiegħda f 'pożizzjoni irpużata, ħareġ kanvas ġdid, mar warajh u beda juża l-pniezel b'mod professjonali immens. Tgħidx kemm damet f 'dik il-pożizzjoni! Imma lanqas kieku qalilha biex tiċċaqlaq, għax kienet għadha mbellha li hi kienet ser tispiċċa bħala waħda mill-kapulavuri tas- Sur Heinrich Werner! Għamlet ġimagħtejn. Ġimagħtejn sħaħ. Tmur kuljum. Tieqaf tħares lejn il-pittura ta' dak ir-raġel sbejjaħ li kien donnu sar persuna li kienet taf, persuna li kien saħħarha għal warajh. "Dak kien jismu Dieter Friedrich..." kien qalilha l-pittur innifsu meta staqsietu fuqu. "L-ewwel darba li rajtek... indunajt li ħadt grazzja miegħu." Waqaf jitbissem. "Kollha jieħdu grazzja miegħu... u għalhekk... għalhekk issa, sinjorina Ashley, issa inti ser tkun bħalu..." Tbissmitlu. Hekk hu. Kienet ser tkun bħalu. Finalment, waslet dik il-ġurnata li suppost kellha tkun lesta. Il-pittura tagħha. Dakinhar, kienet marret kmieni iżjed mis-soltu. Kellha ħafna friefet fl- istonku li bilkemm felħet għalihom. Tant kemm kienet eċċitata, bilkemm felħet tmur tfittxu! Minflok, peress illi ma riditx tistenna, marret tħaffef lejn il-kamra fejn kienu għaddew dawn l-aħħar ħmistax. Sabet il-bieb magħluq. Oħroġ il-għaġeb, hekk xħin dawret il-pum, infetaħ. Ashley daħlet ġewwa. Ratha. Il-pittura tagħha kienet mgħottija b'liżar abjad. Qalbha kienet qiegħda tħabbat mija mija. Ħassitha kważi ser tagħmel xi ħaġa ħażina għaliex mingħajr ma qagħdet tistenna lilu, kixfitha bilmod. Issa kemm kienet ser tagħti titwila, tara d-dettal li kien għamel tagħha u mbagħad terġa' tgħattiha ħalli jarawha flimkien. Hekk malli d-drapp żelaq minn fuqha, Ashley ħasset saqajha jiġġammjaw mal- art. Qabditha r-rogħda. Għajnejha nfetħu beraħ. Il-bżieq ta' ġo ħalqha nixef kollu. "Stennejtek." Leħnu ħasadha. Is-Sur Heinrich Werner ħareġ minn ġo daħla skura li kienet tagħmel parti minn naħa ta' wara tal-kmajra. "Għalfejn?" Bdiet tħossha stramba. Bdiet tibża'. X'kien qed jiġri? Għalfejn il-pittura li suppost kien hemm hi fiha, kien fiha sfond biss? "Għax inti ser issir parti mill-pittura... ovvja..." Għajnejn Ashley imtlew bid-dmugħ hekk kif Heinrich resaq lejha u beda jmelsilha rasha. "Imma jiena ma rridx..." "Kull min irid ikun parti mill-pittura tiegħi, irid iħallas prezz... bilfors..." Minn dakinhar 'l hemm ħadd aktar ma ra lil Ashley Saliba, li kienet iffissata fuq l-arti u fuq il-pittura. Ħadd aktar ma sema' biha. Ir-ritratti tagħha daru mal-kontinenti kollha, bħala tfajla nieqsa. Ir-ritratti tagħha kienu mwaħħlin mat-tavli tan-nies nieqsa għand il-pulizija. U jkolli ngħid li hemm aktar ritratti maġenbha. Ritratti ta' nies oħra. Iva. Ħafna minnhom donnhom jixbhu lill-pitturi li kien iħobb jagħmel is-Sur Heinrich Werner. Imma bejnietna, għax donnu ħadd ma jinduna bihom. U jekk ikolli ngħid, xħin mort jiena l-wirja sabiħa ta' dan l-artist prestiġġjuż, rajt pittura ġdida. Pittura li kien għamel hawn Malta. U kienet biswit dik ta' raġel sabiħ. Raġel li wiċċu jsaħħrek... raġel b'għajnejh ċelesti u xagħru iswed. Waqaft nosserva l-pittura ta' dan ir-raġel u impressjonajt ruħi. Iżda dik il-pittura l-ġdida li kienet saret l-aktar riċenti kienet sabiħa wisq. Tfajla b'xagħarha iswed, imnikkta, għajnejha kbar, ileqqu. 24 Rakkont Sharon Calleja Il-pittura Għalkemm kienet semgħet ħafna affarijiet pożittivi, qatt ma stenniet dan id-dettall, dawn il-kuluri! Il-pittura kienet ta' mara sabiħa, imdejqa, tħares b'għajnejn kbar, imnikkta