Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/906958
illum | Il-Ħadd 26 ta' Novembru 2017 22 Opinjoni F it-23 ta' Marzu 1994, tfajla li kienet qiegħda tistudja l-mediċina, ħadet, bil-moħbi, pistola li missierha kien qala' bħala premju għall-aktar student formidabbli fl-iskola militari, u sparat u qatlet lilha nfisha. It-tfajla kienet għadha kemm irritornat id-dar minn btala f 'Moska fejn aktarx saret taf min verament kien Ratko Mladic, missierha. Jingħad li sakemm kienet fil-kapitali Russa, Ana Mladic skopriet li missierha kien wieħed mill-agħar kriminali tal- gwerra li rat l-Ewropa, tant li filwaqt li ħafna kienu jqisuh bħala eroj u patrijott, ħafna aktar kienu jqisuh bħala l-Bojja tal-Bożnja. Mladic kellu mħabba kbira lejn Ana. Kienet il-favorita u f 'diversi okkażjonijiet li fihom kienet tinġabar il-familja, Mladic kien ipoġġi 'l bintu fejnu u joqgħod jiċċaċċra magħha. Fi kliem ieħor, Ana kienet il-mimmi t'għajnejh. Il-ġeneral Serb qatt ma aċċetta li bintu kkommettiet suwiċidju u baqa' jgħid li xi ħadd ried jivvendika ruħu minnu u qatillu 'l bintu kiesaħ u biered. Filmat miġbud waqt il-funeral ta' Ana Mladic juri lil missierha jibki u jolfoq fuq it-tebut ta' bintu. Imbgħad martu terfagħlu wiċċu minn ġot- tebut tal-bint u Ratko Mladic jogħsfor b'qalbu maqsuma. Jingħad ukoll li wara s-suwiċidju ta' bintu, Mladic qatt ma reġa' ġie f 'tiegħu. Dan il- filmat jikkuntrasta bl-ikrah ma' filmat ieħor li fih Mladic jidher ixejjen quddiemu lill-Kurunell Karremans li kien qed imexxi s-suppost difiża tal-Bożnijaċi f 'isem in-Nazzjonijiet Uniti. Hanwhekk Mladic mhux biss jidher bħala l-ġeneral imma litteralment iġib lill-Olandiż fejn irid hu, b'dan tal-aħħar jirtogħod bil-biża'. Din il-ġimgħa Mladic ingħata sentenza ta' għomru l-ħabs għas- sehem tiegħu fil-ġenoċidji fil-Bożnja, speċjalment dak fi Srebrenica wara ġuri twil f 'The Hague. Filwaqt li wħud setgħu ħassew ċertu sodisfazzjon li Mladic se jħallas bil-kumplament ta' għomru għal dak li wettaq, oħrajn għadhom iqimuh bħala patrijott kbir ta' pajjiżu, saħansitra eroj. Bħal oħrajn, Mladic huwa persunaġġ kuntradittorju: minn banda huwa mostru li qatel numru kbir ta' nies fit-tentattiv tiegħu li jnaddaf lill-Bożnja Serba mill- Musulmani, fuq oħra huwa r-raġel tal-familja, miġnun u mitluf fuq bintu, li jibki u jolfoq fuq it-tebut tagħha meta min jaf kemm-il tebu mela bi rġiel u żgħażagħ Bożnijaċi. Mladic ma kienx l-uniku wieħed. Waqt li kien għadu mistoħbi, jipprova jiskansa l-ġustizzja, il-kittieba Kroata Slavenka Drakulic ippubblikat numru ta' stejjer ta' figuri prominenti fit-traġedja eks-Jugoslava, li filwaqt li l-istorja se tibqa' tiftakarhom bħala kriminali, fil-ħajja privata tagħhom kienu kollox minbarra krudili. Fil-ktieb tagħha They Would Never Hurt a Fly (2004), Drakulic tippreżentalna dan il-paradoss fil- bijografija ta' diversi nies li kellhom sehem importanti fit-traġedja Jugoslava. Huwa wieħed mill- paradossi tal-gwerra, ta' kwalunkwe gwerra. Kulħadd jiftakar il-każ ta' Adolf Eichmann, pereżempju, bid- devozzjoni kbira lejn uliedu waqt li kien jibgħat eluf u eluf ta' wlied fil- kmamar tal-gass f 'Auschwitz. Filwaqt li fil-ktieb tagħha Drakulic tħares lejn Mladic bħala, fl-aħħar mill-aħħar, tellief, kemm fuq il-front militari u kemm fuq l-aspett familjari, Ed Vulliamy, il-ġurnalist li wera għall-ewwel darba l-kampijiet tal- konċentrament Serbi lid-dinja lura fl-eqqel tal-gwerra Jugoslava, f 'artiklu li kiteb f 'The Guardian nhar l-Erbgħa stess, jara li anki jekk fuq bażi personali Mladic jista' jidher bħala l-antieroj pereċċellenza, attwalment huwa rebbieħ kemm minħabba li ħafna għadhom iqimuh u kemm minħabba li, wara kollox, irnexxa fil- missjoni tiegħu: li jnaddaf etnikament ir-Repubblika Serba fi ħdan il-Bożnja Ħerżegovina. Fi Srebrenica għad hemm nisa jibku l-irġiel tagħhom li għadhom 'mitlufa' sal-lum, jew aħjar, li l-katavru tagħhom għadu ma nstabx. Fi tmiem is-snin tmenin l-Ewropa għaddiet minn mewġa storikament interessanti ħafna meta r-reġimi komunisti fl-Ewropa ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant waqgħu wieħed wieħed f 'temp relattivament qasir. Il-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin, ir-Rivoluzzjoni Ġentili fiċ-Ċekoslovakkja, it-tmiem tat- tmexxijiet tal-Ungerija u l-Bulgarija, u r-rivoluzzjoni stramba li seħħet fir- Rumanija bil-qtil tal-koppja Ceasescu ġabu magħhom eċitament kbir mal- Ewropa kollha. Ħafna raw rebbiegħa li kellha żżernaq għoxrin sena qabel imma li kienet inħasdet bil-minġel jaqta' ħafna tal-Unjoni Sovjetika (li eventwalment ikkrollat ukoll). Imma l-Ewropa kienet, għal żmien twil, il-kontinent tal-azzar u d-dmija, u l-ottimiżmu u l-ewforija tat- tmeninijiet ma tawlux wisq, hekk kif bdiet tinfetaq il-Jugoslavja u kif bdiet tirrepeti ruħha l-istorja li konna ħsibna li mhu se titwettaq qatt aktar. Jekk hemm xi ħaġa li ħadna mit-traġedja Jugoslava u li rġajna ftakarna fiha dil-ġimgħa wara s-sentenza mgħoddija f 'The Hague, hija li fl-Ewropa bqajna sal-lum ma tgħallimniex. Dik hija t-tagħlima li ħadna: erġajna rajna t-tindif etniku, il-kampijiet tal-konċentrament, il- qtil, il-ġenoċidju, immexxija minn nies li aktarx li sa ftit qabel faqqgħet il-kriżi lanqas dubbiena ma kienu joqtlu. Lanqas dubbiena… IMMANUEL MIFSUD Mladic huwa persunaġġ kuntradittorju: minn banda huwa mostru li qatel numru kbir ta' nies fit-tentattiv tiegħu li jnaddaf lill-Bożnja Serba mill-Musulmani, fuq oħra huwa r-raġel tal-familja, miġnun u mitluf fuq bintu Jekk hemm xi ħaġa li ħadna mit-traġedja Jugoslava u li rġajna ftakarna fiha dil-ġimgħa wara s-sentenza mgħoddija f 'The Hague, hija li fl-Ewropa bqajna sal-lum ma tgħallimniex. Ratko Mladic ritratt meħud minn thenational.today