Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/906958
illum | Il-Ħadd 26 ta' Novembru 2017 Sports 34 Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? Kollox beda meta z-ziju tiegħi ħajjarni nibda nilgħab il-futbol man-nursery tal-Pietà Hotspurs illi dak iż-żmien kellhom talenti verament kbar. Kelli seba' snin u din kienet il-bidu ta' triq sabiħa li wasslitni fejn ninsab illum. F'din in-nursery tgħallimt ħafna ħiliet fil-logħba tal-futbol. Wara kollox hija akkademja li għadhom ifaħħruha sal-lum il-ġurnata. Pietà Hotspurs tellgħu ħafna plejers li aktar 'il quddiem saru famużi u lagħbu fl-aqwa timijiet tal- Kampjonat Premier. Minn Pietà ċċaqlaqt għall- akkademja ta' Birkirkara FC. Xi tgħidli dwar din l-esperjenza? Kienet esperjenza oħra pożittiva li tilgħab ma' Birkirkara. Hemmhekk għamilt kważi ħames snin u tista' tgħid illi ż-żgħożija tiegħi qattajtha hemmhekk. Komplejt nitgħallem ħafna taħt diversi kowċis li għenuni niżviluppa l-ħiliet tiegħi. Fil-karriera tiegħek tal-futbol ġieli sejħulek Birkirkara biex terġa' tirritorna magħhom? Iva, kien hemm interess li jerġgħu jakkwistawni magħhom u ma kinitx ta' darba jew tnejn. Madankollu qatt ma waslu fi ftehim u għalhekk komplejt il-karriera tiegħi ma' Balzan. Kellimni proprju dwar din l-esperjenza illi kellek ma' Balzan FC. Ingħaqadt magħhom meta kelli sittax-il sena. Dak iż-żmien kien hemm żewġ kowċis verament tajbin ili huma Alfred Attard u Ivan Zammit. Dan tal-aħħar kien sejjaħli sabiex nilgħab mal-kbar. U ovvjament ta' sittax-il sena tieħu pjaċir filwaqt li tħossok onorat li ġejt imsejjaħ biex tilgħab fl- iskwadra prinċipali tat-tim. Kellek ukoll parenteżi ma' Vittoriosa Stars hux hekk? Xi tgħidli dwar iż-żmien li lgħabt magħhom? Iva, kienet esperjenza pożittiva wkoll fejn lgħabt fl-Ewwel Diviżjoni ma' Vittoriosa Stars. Niftakar illi kont ħadt l-aqwa plejer ta' dik id- diviżjoni. It-tim kien immexxi minn Oliver Spiteri. Konna tlajna Premier dik is-sena u xi ħaġa li nibqa' ngħożż huma l-partitarji illi verament kienu wara dan it-tim. Dak iż-żmien jien kont b'self ma' Balzan u għalhekk sena wara rritornajt lura ma' dan it- tim biex sentejn wara kelli x-xorti li nerġa' nkun ikkowċjat minn Oliver Spiteri. Kemm tgħallimt mill-kowċis kollha illi kont magħhom? Ifhem kull kowċ għandu s-sistema tiegħu, ħadd mhu l-istess però nistqarr illi titgħallem mhux ftit mingħandhom. Bla dubju li l-aħħar żewġ kowċis li kelli jiġifieri Oliver Spiteri u Jesmond Zerafa għandhom sistema differenti ta' kif jaslu għal-logħba però t-tnejn li huma għandhom il-ħila jgħaqqdu l-grupp u jien nemmen illi dik hija l-iktar ħaġa importanti biex tmexxi tim tajjeb. Is-sena l-oħra kontu viċin ħafna li tirbħu l-kampjonat peress illi kellkom tim tajjeb. Madankollu ma rnexxielkomx tagħmlu dan. X'ġara eżatt? Ifhem is-sena l-oħra kien hemm timijiet tajbin ħafna bħal kull staġun wara kollox. Kollha lesti jisfidaw għall-unuri u bla dubju illi qatt ma tkun faċli iżżomm il-konsistenza tul il-kampjonat kollu. Dan bħalma nafu xi ħadd irid jirbaħ u xi ħadd irid jitlef jiġifieri dak hu l-futbol. Niftakar illi sentejn ilu kellek staġun tal-ħolm hekk kif spiċċajt l-aqwa skorer tal-kampjonat. X'tiftakar minn dak iż-żmien? Dak l-istaġun kien ifisser ħafna għalija. Bħal dejjem jien nieħu l-logħba b'serjetà kbira u dak l-istaġun kien wieħed speċjali meta spiċċajt l-aqwa skorer tal-istaġun. Kienet sena partikolari għal Balzan għax konna wasalna wkoll fil-finali tal-FA Trophy iżda sfortunatament konna tlifna bil-penalties kontra Sliema. Jien kont tajt kontribut sabiex it- tim jasal fil-finali hekk kif skorjajt ħafna mill-gowls tat-tim. Barra minn hekk kelli l-fiduċja tal-kowċ Oliver Spiteri illi kien jilgħabni kważi f 'kull logħba. B'hekk tħossok motivat li tagħti l-mija fil-mija tiegħek fil-grawnd. Kellimni ftit dwar il-president ta' Balzan is-sur Anton Tagliaferro. Is-sur Tagliaferro huwa bniedem tal-ġenn! Hu għandu għal qalbu l-logħba tal-ballun u dejjem jara illi l-plejers ma jkun jonqoshom xejn meta jkunu mat-tim tiegħu. X'ġara din is-sena? Bħal qisu l-kowċ il-ġdid Marko Micovic ftit inkludik fil-bidu tal-istaġun li bdejtu ma' Balzan. Jien iffirmajt kuntratt ta' erba' snin ma' Balzan u wara li fl-ewwel staġuni skorjajt b'mod regolari, ħsibt illi kont ser insib aktar spazju fit-tim. Mis-sena l-oħra d-dehriet tiegħi mal-ewwel ħdax ta' Balzan bdew jonqsu anke minħabba l-fatt illi t-tim ġab ħafna plejers u kien hemm kompetizzjoni kbira għall- post. Qabel ma ntemm is-suq ta' trasferimenti bdejt nara illi ser terġa tiġri l-istess storja u għalhekk meta diversi klabbs bdew juru interess illi jġibuni b'self għażilt lil Ħamrun Spartans. Inħoss illi għamilt l-aqwa deċiżjoni fiċ-ċirkostanza u ninsab lest li nagħti l-almu tiegħi sabiex ngħinhom jiksbu postijiet ogħla fil- klassifika. Fl-ewwel ġranet ma' Ħamrun stajt nosserva li hemm żgħażagħ ferm promettenti u li l-kowċ jemmen fil- kapaċitajiet tiegħi u din hija xi ħaġa pożittiva. Anke l-barranin huma ta' livell tajjeb, irnexxieli niskorja u jidher illi diġà dħalt fi qlub il-partitarji numerużi Ħamruniżi. Semmejna lil Ħamrun. Kemm qed titgħallem mill-kowċ Jacques Scerri? Jacques Scerri huwa motivatur u kapaċi jgħaqqad il-grupp. Jiċċajta ħafna iżda mbagħad waqt il-ħin ta' serjetà jrid li x-xogħol isir bl-aħjar mod. Nista' nsejjaħlu bniedem metikoluż u professjonali f 'dak li jagħmel. Waqt il-ħin tat-taħriġ kulħadd huwa ferħan u lest jisma' minn kulma jgħidilna hu. Int qiegħed ukoll mal-armata. Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol? Iva, jirnexxieli nlaħħaq max- xogħol u mal-futbol bla problemi. Jien nemmen illi l-importanti hu li tkun flessibbli u organizzat u kapaċi tlaħħaq sew. "Żgur kont inkun nixtieq li niġi msejjaħ man-Nazzjonal aktar u aktar meta int li tkun tħobb il-futbol u tagħti l-aqwa tiegħek fil-grawnd. Kont inkun xi ftit iddispjaċut iżda madanakollu xorta kont niffoka fuq il- klabb li kont nilgħab miegħu u mbagħad kont nirraġuna li xi darba jew oħra s-sejħa għan-nazzjonal xi darba tasal bħalma fil- fatt ġara." 'Jidher illi diġà dħalt fi qlub il-partitarji Cristian Antony Muscat Lydon Micallef - fost l-aqwa elementi li pproduċa l-futbol Malti f 'dawn l-aħħar snin u li ngħaqad ma' Ħamrun Spartans f 'Awwissu li għadda fejn mal-ewwel beda jimpressjona. "Importanti li m'għandhom jaqtgħu qalbhom qatt. Minkejja illi forsi tista' ssib xi bsaten fir-roti jew xi diffikultajiet int trid tibqa' għaddej sa ma l-ħolma tiegħek issir realtà. Jekk ġietek logħba ħażina, tgħallem mill-iżbalji tiegħek u prova agħmel aħjar darb'oħra. Tħarreġ iktar u tejjeb iktar il-ħiliet tiegħek."