Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/916776
Il-Ħadd 17 ta' Diċembru 2017 | illum Opinjoni 19 D an l-aħħar sirt naf mill- qrib Taljan li jaħdem hawn Malta. Propjament hu minn Sardenja fejn irritorna wara snin twal jaħdem f 'Turin. Minħabba nuqqas ta' xogħol, aċċetta mill-ewwel offerta li saritlu sabiex jaħdem hawn Malta. Illum għandu xogħol stabbli u jaqlagħha u jikolha. Ġab ukoll neputi ta' ħabib tiegħu jaħdem hawn Maltan li kien ukoll bla xogħol. It-tnejn li huma jaħdmu bis-sħiħ u ma jitilfux opportunità ta' overtime. Igergru mill-pagi hawn Malta imma dejjem aħjar taħdem milli toqgħod qiegħed. Kultant żmien dan il-ħabib tiegħi jrid jibgħat parti sostanzjali mill-paga tiegħu lil oħtu Sardenja li minħabba l-problemi finanzjarji tagħha, ma tkampax mingħajr l-għajnuna tiegħu. Minkejja illi l-qagħda ekonomika fl-Italja qiegħda titjieb bil-mod il-mod u l-istatistika turi illi l-qagħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, qiegħed jonqos, għad fadal ħafna nies iddisprati. Tant illi jispiċċaw jitilqu pajjiżhom sabiex jaħdmu xi mkien ieħor. Jagħmlu hekk għax mhumiex għażżenin u ma jridux jiddependu fuq il-ġenituri tagħhom u l-għajnuna soċjali. Hemm bosta u bosta rħula mferrxa mal-Italja bi ftit prospetti ta' xogħol u ż-żgħażagħ ikollhom bil-fors jemigraw, lejn bliet oħra fl-Italja jew barra. L-Italja għal snin twal kienet pajjiż ta' emigrazzjoni. Imma wara l-aħħar gwerra esperjenzat boom ekonomiku illi poġġieha għal xi żmien fis-snin tmenin bħala l-ħames l-akbar ekonomija tad-dinja. Imma fl-aħħar għoxrin sena, esperjenzat deklin sever. Illum, għandha xorti għadha rkuprat il- kontrazzjoni ekonomika li kellha wara l-kriżi tal- 2008. Għalkemm hemm diversi setturi li rkupraw sew, speċjalment fis-settur tal-esportazzjoni, xorta għad hemm bosta bla prospetti serji ta' xogħol. Għala l-Italja spiċċat f 'din il-qagħda? Bosta Taljani jagħtu l-ħtija lill-ewro illi l-pajjiż adotta fis-sena 2000. Imma llum, ftit huma dawk illi realistikament qed isejħu għall-ħruġ mill-ewro. Anke l-Moviment 5 Stelle qed ibiddel it-ton tiegħu fuq l-Ewropa u l-ewro issa illi qiegħed viċin illi jduq il-poter. Sa ċertu punt, għandhom raġun it-Taljani jagħtu tort lill-ewro talli l-Italja għaddiet minnn burraxka ekonomika. Qed ngħid hekk għaliex għal ħafna u ħafna snin, gvernijiet suċċessivi Taljani kienu jsibuha ferm konvenjenti illi meta jkun hemm saram fl-ekonomija, fil-pront jiżvalutaw il-lira. L-effett immedjat kien illi l-esportazzjonijiet Taljani jsiru aktar kompettivi, l-importazzjoni tiġi tiswa aktar u l-iżbilanċ fil-kont kurrenti kien jonqos drastikament askapitu ta' inflazzjoni rampanti. Il- libertà monetarja li kienet tgawdi l-Italja kienet tippermetti illi l-pajjiż jipposponi r-riformi strutturali illi tant kien jeħtieġ u illi pajjiżi kompetituri bħall-Ġermanja ħadnu. Meta l-Ġermanja kienet qed taffaċja kriżi ekonomika, il-klassi politika ma qagħdetx tittrateni. Minħabba l-esperjenza storika qarsa tar- Repubblika ta' Weimar bejn iż-żewġ gwerer meta l-pajjiż sofra minn iperinflazzjoni u l-mark kien jiswa anqas mill- karta strazza, il-Ġermanja ta' wara l-gwerra dejjem fitxet illi jkollha munita f 'saħħitha u l-inflazzjoni taħt kontroll. L-industrija tagħha tgħallmet tesporta minkejja s-saħħa tad-Deutsche Mark. U l-istess baqgħu l-affarijiet meta l-Ġermanja qalbet għall-ewro. Meta kien hemm il-bżonn, il-gvern soċjal- demokratiku mmexxi minn Gerhard Schroder adotta riformi strutturali illi servew lill-Ġermanja ferm sew. Tant irnexxew dawn ir-riformi ekonomiċi illi l-Ġermanja għadha sal-lum tgawdi l-frott tagħhom .u s-suċċessur ta' Schoder, Angela Merkel għadha fit-tmun għalkemm forsi qed noqorbu lejn it- tramont ta' żmienha. Mhux l-istess jista' jingħad għall-Italja u anke għall- Franza. Iż-żewġ pajjiżi kaxkru saqajhom. Fil- każ tal-Italja, l-inerzja riformatriċi kienet l-aktar evidenti fi żmien Berlusconi illi tela' fil-poter bl-għajta li kellu aġenda liberali għall-Italja. Fir-realtà, Berlusconi kien aktar fi ħsiebu jissalvagwardja l-interessi tiegħu u ta' ħbiebu milli jwettaq ir- riformi ferm meħtieġa li kellha bżonn l-Italja. Meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja, l-ispread (id-differenza) bejn ir-rati tal-imgħax fuq it-titoli Taljani u dawk tedeski sploda u Berlusconi spiċċa taħt pressjoni kbira anke mill-Ġermanja u kellu jirriżenja. Kif l-Italja tħobb tagħmel meta tkun dahra mal-ħajt, ġie inkarigat gvern teknokratiku mmexxi mill- eks-kummissarju Ewropew, l-ekonomista Mario Monti. Il-gvern ta' Monti wettaq bosta mir-riformi illi kienu tant meħtieġa imma ovvjament dan affetwa l-popularità ta' Monti. Warajh ġie Matteo Renzi illi ħażin jew tajjeb ukoll ipprova jwettaq riformi ta' ċertu piż, speċjalment fil-qasam tas-suq tax-xogħol. Kif nafu, Renzi kellu jirriżenja wara t-telfa kbira illi kellu fir- referendum kostituzzjonali. Illum l-Italja hija mmexxija minn Paolo Gentiloni illi ssorprenda lil kulħadd kemm irnexxielu jmexxi mingħajr skossi minkejja li m'għandux bażi elettorali u maġġoranza f 'saħħitha. Imma taħt Gentiloni, l-Italja bdiet tgawdi l-frott tas-saġrifiċċji li wettqet fil-passat riċenti tagħha. Hemm element ieħor illi jtellef ferm il-kompetitività tal-Italja. Dan hu l-element qawwi ta' korruzzjoni u kriminalità illi jippervadi l-pajjiż. Minkejja illi l-pajjiż għandu maġistratura dinamika u forzi tal-ordni li ma tiċċajtax magħhom, il-kriminalità organizzata, speċjalment dik ta' natura mafjuża, hija ferm f 'saħħitha. Aktar mill-majfa Siċiljana, illum l-N'dragheta kalabriża tikkontrolla s-suq tat- traffikar tal-kokaina u bosta kuntratti pubbliċi f 'bosta bnadi tal-Italja. Il-klassi politika ma qagħdetx lura u kulħadd jiftakar l-iskandli illi l-inkjesti tal-maġistrati ta' Milan u bliet oħra kixfu. L-ex prim ministru soċjalista Bettino Craxi, ħabib ta' Mintoff, spiċċa jmut eżiljat f 'Tunes. U bħalu ġew koinvolti bosta politiċi demokristjani u ta' partiti oħra li wkoll kellhom bosta ħbieb hawn Malta fost in- Nazzjonalisti. Anke l-aktar maġistrat magħruf f 'dawn l-inkjesti, Antonio DiPietro illi dan l-aħħar ġie Malta wkoll spiċċa taħt dell qawwi ta' korruzzjoni fir-rigward tal-fondi pubbliċi illi l-partit tiegħu kien jirċievi. Wieħed m'għandu jiskanta xejn illi l-kriminalità Taljana qiegħda wkoll titfa' għajnejha fuq Malta u tuża lil pajjiżna sabiex taħsel il-flus tagħha. Ilu jkun hawn min jissuspetta illi bosta attivitajiet ekonomiċi li hawn fil-pajjiż huma ffinanzjati minn sorsi xejn nodfa. Ma jfissirx illi t-Taljani kollha huma korrotti. Niltaqa' ta' spiss ma' Taljani li huma verament tal-affari tagħhom, ta' onestà impekkabli u li jaħdmu u jistinkaw il-ħin kollu. Dawn it-Taljani ġew traditi mill- klassi politika illi medhija fl-interessi tagħha u fil-ġlieda qalila tas-sopravvivenza tagħha ppermettiet korruzzjoni mifruxa fl- oqsma kollha tal-ħajja, istitwiet sistema klijentari illi mhi xejn ħlief korruzzjoni istituzzjonali u pprokrastinat sabiex twettaq ir-riformi illi kienu meħtieġa. Ir-riżultat kien illi wara bosta u bosta snin ta' qagħda ekonomika ferm tajba, il-pajjiż ma kienx ippreparat meta faqqgħet il- kriżi u ċ-ċittadini għadhom ibatu l-konsegwenzi sal-lum. Jekk irridu nibżgħu għall- qasam finanzjarju illi huwa ferm importanti f 'pajjiżna illi qed jispiċċa taħt skrutinju bla preċedent minħabba l-mod kif qed jopera dan il-gvern, irridu noqogħdu ferm attenti minn infiltrazzjonijiet ta' natura kriminali. Din il- ġimgħa pajjiżna evita bil- ħniena li jiġi ttimbrat minn risoluzzjoni tal-Parlament Ewropew bħala 'tax haven' kif emenda tal-grupp soċjalista riedet. Ħadd m'għandu jilludi ruħu illi l-veto li għandha Malta fil-qasam fiskali hu etern u qatt ma jista' jintmess. Kull min hu rasu fuq għonqu jafu dan imma l-gvern tagħna qajla jagħti każ. L-ekonomija sejra tajba bil-ferneżija ta' bini li għaddejja u l-atteġjament regulatorju pjuttost ħafif illi l-gvern adotta. U allura għalfejn wieħed joqgħod jinkwieta fuq għada meta llum l-affarijiet sejrin tajjeb ? Irridu nitgħallmu mill- esperjenza Ttaljana u nevitaw l-iżbalji illi wetqu l-ġirien tagħna. Irridu nwettqu r-riformi ekonomiċi meta hemm lok illi jsiru, mhux meta niġu mġiegħla nwettquhom. Irridu niżguraw illi s-suq jaħdem sew u illi ħadd ma jabbuża mill- pożizzjoni tiegħu fis-suq. Sfortunatament, f 'pajjiżna ftit aħna konxji minn dan. Irridu nippreparaw ruħna għall-isfidi tal-ġejjieni bħall- bdil tal-klima, l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika illi dejjem ser isiru aktar importanti f 'ħajjitna. Dawn l-iżviluppi ser jeliminaw mijiet ta' eluf ta' impjiegi kif nafuhom illum mentri bosta impjiegi ġodda għad iridu jitwieldu. Hu kkalkulat illi nofs it-tfal fl-iskola primarja llum għad iridu jaħdmu f 'impjiegi illi għadhom ma ġewx ivvintati. Daqshekk trid tkun aġili s-sistema edukattiva tagħna. Fuq kollox, l-ebda pajjiż, l-ebda soċjetà ma jistgħu jimxu 'l quddiem jekk il- ħajja pubblika ma titmexxiex bl-akbar trasparenza u b'regoli ċari għal kulħadd. Dan l-aħħar wieħed Ġermaniż li jaħdem hawn Malta ħassu ffrustrat bl- arbitrarjetà u n-nuqqas ta' trasparenza ta' ċertu setturi taċ-ċivil tagħna u qalli illi fil-Ġermanja r-regoli huma iebsa u m'għandekx tistenna dispensi. Imma meta wieħed iwettaq dak kollu mitlub minnu, ser jakkwista dak li jkun jixtieq. Hawn Malta probabilment ikollok tkellem lil xi ħadd jew ieħor biex min suppost jara l-affarijiet bis- sens, jiftaħ għajnejh. Jekk inħallu l-korruzzjoni tippermea l-ħajja pubblika kif donnu aktar u aktar Maltin qed jemmnu illi hu l-każ, żgur illi l-pajjiż ser ibati l-konsegwenzi. Mhux illum jew għada forsi, imma żgur f 'xi ħin jew ieħor. Ilni ngħid u nerġa' ngħid illi l-qaddejja pubbliċi għandhom jitħallsu sew, anzi ferm sew, għall- isforzi tagħhom. Li nibqgħu ninsistu fuq ħlasijiet ridikoli u nippretendu illi kulħadd qiegħed jagħmel sagrifiċċji kbar għall-patrija mhu xejn ħlief daħq fil-wiċċ. Dejjem nirripetu l-istess affarijiet kif irrepetiet il-President din il- ġimgħa meta tenniet il-ħtieġa ta' riforma kostituzzjonali. Tali riformi għandhom fuq kollox jiżguraw is- separazzjoni tal-poteri u illi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ssir dejjem u kullimkien u mhux skont il-kapriċċ ta' min hu fil-poter. U fuq kollox għandhom jillimitaw il- poteri tal-Prim Ministru illi huma esaġerati f 'dan il-pajjiż. Il-verità hi illi bosta huma komdi bl-affarijiet kif inhuma u m'għandhomx aptit kbir għal riformi radikali. Ma jantiċipawx illi l-affarijiet jistgħu jinbidlu ferm malajr fid-dinja ferm dinamika li ninsabu fiha. Nittama illi dak li nibża' minnu ma jseħħ qatt imma kif jgħid il-qawl, aħseb fil-ħażin ħalli t-tajjeb ma jonqosx. ellisjoseph@gmail.com Kelma għall-ġid JOE ELLIS