Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/916776
Opinjoni 20 illum | Il-Ħadd 17 ta' Diċembru 2017 " Hawnhekk għadek kif wasalt no man's land," qaltli l-Ambaxxatrici Cecilia Pirotta kif inżilt minn karozza li ħaditni minn Tel Aviv għal Ġerusalemm. L-ET Pirotta hija l-Ambaxxatriċi ta' Malta fl-Iżrael. Ħarist 'il fuq u rajt binja antika maestuża, sabiħa ferm. "Hawn hu n-Notre Dame ta' Ġerusalemm," qaltli. Laqgħuni żewġ Palestinjani Insara edukatissimi u b'Ingliż impekkabbli li wrewni t-triq biex nidħol ġo dan is-santwarju. "Ministru, jien se nieqaf hawn," qaltli l-Ambaxxatriċi. "Hawnhekk hu litteralment il-green line, minn hawn 'il quddiem issa jieħu ħsieb l-Ambaxxatur Malti fil- Palestina." Fhimtha mill-ewwel. Ma riedet tagħmel xejn l-Ambaxxatrici biex b'xi mod turta naħa jew oħra jew ma timxix b'attenzjoni diplomatika. Għaliex kull ħaġa li tolqot l-Iżrael u l-Palestina trid titmexxa b'kawtela liema bħalha. Dħalt in-Notre Dame u qaluli li din hija proprjetà tal-Vatikan u li hija proprju l-post minn fejn tgħaddi eżatt il-burdura li tifred Ġerusalemm tal-Punent (Israel) minn Ġerusalemm tal-Lvant. Wara ftit passi ltqajt ma' mara anzjana b'wiċċ simpatiku, liebsa l-iswed, griż u l-abjad. Kellmitni bil-Malti. Qaltli li hija soru Maltija li ilha snin twal tgħix Ġerusalemm. Ma ntbaħtx li kienet soru għaliex kienet liebsa pajżana. "Aħjar tilbes b'mod li tkun qrib in-nies u bħan-nies milli b'mod differenti minnhom," qaltli hi u titbissem. Urietni t-triq għal fuq il-bejt tan-Notre Dame fejn kien hemm xena spettakolari li ġġib Ġerusalemm kollha taħtek. Toqgħod taħseb, belt daqs naqra, li fiha tant sinjifikati għal tant nies. Ġerusalemm hu l-post fejn hemm l-Ort tal- Ġetsemani, il-Golgota, il-post fejn bata u ssallab Ġesù, fejn indifen Ġesù u fejn reġa' qam minn bejn l-imwiet. Hu l-post fejn fih seħħew l-avvenimenti ewlenin tal-Bibbja li tant smajna dwarhom mit-tfulija. Hu wkoll post importanti għall-Musulmani li jemmnu, fost oħrajn, li f 'dan il-post Muhammad tela' s-sema. Huwa post importanti għal-Lhud minħabba l-Kotel jew il-ħajt li huma jemmnu li kien jifforma parti mit-Tempju l-Imqaddes. Dan kollox f 'daqsxejn ta' belt mill-iktar żgħira iżda li f 'kull kantuniera tagħha hemm sens tremend ta' storja. Għax l-istorja għandha x-xejriet nebbiexa tagħha wkoll. Toqgħod tqis, Ġesù li kien Lhudi mrobbi f 'belt li kemm fi żmienU elfejn sena ilu u kemm issa hija Lhudija (Nażżaret), għandu mijiet ta' eluf kbar ta' persuni li jemmnu fih minn madwar id-dinja kollha bħala iben Alla l-Messija… għajr il- poplu tiegħu stess. *** "Hawnhekk mhux vera li n-nies jiġġieldu ħabba r-reliġjon. Din hi ħrafa. In-nies hawn jiġġieldu minħabba l-art; dik hi l-problema," qaltli s-soru Maltija. U veru. Fil-ħin kollu li għamilt fil-Lvant Nofsani ma rajt xejn li b'xi mod jipponta lejn l-intolleranza reliġjuża. Anzi. Kont sorpriż pożittivament kemm hemm tolleranza reliġjuża. Rajt Lhud tradizzjonalisti għaddejjin mexjin bla problemi ta' xejn f 'nofs Palestinjani Musulmani. Rajt Musulmani jgħaddu minn ħdejn il-kwartier Nisrani (sew jekk Kattoliku Ruman, Grieg Ortodoss jew Armen)… Rajt esponenti ta' kull forma ta' varjazzjoni tar- reliġjonijiet monoteisti jitħalltu mingħajr assolutament ebda problema. Kont sorpriż ħafna kif f 'din il-belt daqs naqra kulħadd jirrispetta r-reliġjon ta' kulħadd. U l-ħafna li ma jemmnux jew huma moderati jirrispettaw u jiġu rispettati wkoll. Din rajtha mhux biss f 'Ġerusalemm tal-Punent u f 'Ġerusalemm tal-Lvant imma anke fl-eqqel tal-Iżrael u fl- eqqel tal-Palestina. Is-soru għandha raġun. In- nies ma jiġġieldux minħabba r-reliġjon. Jiġġieldu minħabba l-art. *** L-art f 'din iż-żona hija storja kumplessa ħafna fejn hemm żewġ fatturi ewlenin li jilagħbu ħafna. L-ewwel fattur hu dak ta' żewġ popli – il-poplu Lhudi u l-poplu Palestinjan li t-tnejn batew ħafna, f 'kuntesti totalment differenti, matul is-snin. Snin ilu mort Auschwitz u qalbi ħarġet għall-poplu Lhudi li batew immens b'mod li bilkemm nistgħu nifhmu. F'Ġerusalemm żort il-Yad Vashem li hu l-mafkar għall- vittmi tal-Olokawst Lhudi. Ix-xeni ta' tkexkix u l-krudeltà li sofrew il-Lhud ma tista' tinsiehom qatt. Bla dubju ta' xejn il-poplu Lhudi għandu dritt għal artu u għandu dritt li jgħix fil-paċi f 'artu. M'hemm assolutament ebda sens f 'min jgħid mod ieħor. Kull poplu għandu dritt għal artu u li jgħix fil-paċi f 'artu, aħseb u ara poplu bħal dak Lhudi li għadda minn massakru tant krudili u tant mimli mibegħda li minn wara l-Gwerra 'l hawn irnexxielu jagħlaq bil-mod il-feriti u jħares 'il quddiem. Għandi biss ammirazzjoni lejn il-poplu Lhudi li f 'Iżrael irnexxielu jiżviluppa f 'livelli bla preċedent f 'setturi bħall- informatika, ix-xjenza u l-ambjent. Aħna li ġejjin minn pajjiż żgħir fil-Mediterran nistgħu forsi napprezzaw iktar minn ħaddieħor kemm imxew 'il quddiem f 'Iżrael minkejja l-iskarsezza tar-riżorsi naturali. Kif għidt lill-Ministru tal-Ġustizzja tal-Iżrael Ayelet Shaked (li hija popolari mmens f 'pajjiżha) hija x-xewqa ġenwina tiegħi li ż-żewġ pajjiżi tagħna jibqgħu jikkollaboraw u jkabbru kemm jistgħu bil-fatti l-ħbiberija bejn xulxin. Il-poplu Palestinjan qed ibati. M'hemmx argument fuq dan. Il-preżenza tal-forzi tal-ordni tal-Iżrael tħossha kullimkien. F'Ġerusalemm tal-Lvant rajt gruppi ripetuti ta' żgħażagħ Iżraeliti lebsin bl-uniformi bis-snieter f 'idejhom għassa għal li jista' jinqala' żewġ piedi 'l bogħod minni. Fil-Punent tax-xmara Ġordan (fil- media tissejjaħ 'West Bank') – żona Palestinjana – issib checkpoints li jieħdu ħsiebhom l-Iżraeliti, issib settlements ġodda Iżraeliti… insomma l-impressjoni li ħadt hi li l-Iżrael jgħasses kullimkien b'attenzjoni kbira u għadu għaddej jarroga artijiet fil-Palestina permezz ta' djar (settlements) ġodda. Madanakollu, f 'dawk iż-żoni Palestinjani li jissejħu żoni A skont il-ftehim ta' Oslo (bħall- ibliet ta' Ramallah u Betlem) jidher milli rajt li l-preżenza Iżraelita hi ħafna inqas jekk mhux ineżistenti. Fl-Istrixxa ta' Gaża – żona oħra Palestinjana – li tmiss mal-Eġittu qaluli li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali hi ħafna u ħafna agħar iżda hemmhekk ma mortx u qaluli li kważi impossibbli li tmur. Il-Palestinjani għandhom dritt għal arthom u għandhom dritt li jgħixu fil-paċi f 'arthom- il- West Bank, l-Istrixxa ta' Gaża u Ġerusalemm tal-Lvant. Min jgħid li l-poplu Palestinjan m'għandux dritt għal artu u għas-sovranità tiegħu qed jiżbalja. Il-Palestinjani għandhom dritt jgħixu f 'awtonomija u f 'indipendenza u f 'art mhux okkupata. *** Hu fl-interess kemm tal-Iżrael u kemm tal-Palestina li jkun hemm paċi fir-Reġjun u huma jistgħu jkunu l-ikbar garanti għall-paċi favur xulxin jekk xi darba l-proċess ta' paċi jagħti l-frott. Id-dikjarazzjoni però ta' Donald Trump li se jieħu l-ambaxxata Amerikana minn Tel Aviv għal Ġerusalemm kienet pass fid-direzzjoni l-ħażina u spiċċat saħħet idejn l-estremisti Palestinjani (il- Hamas) mal-poplu Palestinjan u dgħajfet idejn min kien lest li jimxi t-triq tal-paċi u l-moderazzjoni. Sakemm Donald Trump ma jirtirax dak li qal jew – tal- anqas - ma jispeċifikax fi kliem appożitu li kien qed jirreferi għal Ġerusalemm tal-Punent qed nirriskjaw li s-sena l-ġdida wara l-festi tibda fuq nota ħażina f 'dan ir-reġjun. *** Huwa f 'dan il-kuntest kollu li aħna ħadna l-presepju Malti – xogħol l-artist Manwel Grech – f 'Betlem. Il-presepju jirrappreżenta l-paċi u s-sliem. Aħna bħala Malta se nibqgħu nimbuttaw u nagħmlu ħilitna biex ngħinu kemm nifilħu favur il-paċi u favur soluzzjoni b'żewġ stati (a two state solution). Aħna u l-Lhud u aħna u l-Palestinjani għandna ħafna komuni, mhux l-inqas il- lingwa. Nittama biss li l-paċi fir-reġjun tirrenja, illum qabel għada. Paċi fl-art lill-bnedmin ta' rieda tajba. OWEN BONNICI Paċi fl-art Id-dikjarazzjoni però ta' Donald Trump li se jieħu l-ambaxxata Amerikana minn Tel Aviv għal Ġerusalemm kienet pass fid- direzzjoni l-ħażina u spiċċat saħħet idejn l-estremisti Palestinjani (il- Hamas) mal-poplu Palestinjan u dgħajfet idejn min kien lest li jimxi t-triq tal-paċi u l-moderazzjoni.