Illum previous editions

ILLUM 21 October 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1041935

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

K ien ilu ħames snin joħroġ magħha. Fil-bidu, kollox ward u żahar. Kull fejn kont tara lil Jeanette, kont tara lil Michael. U viċe versa. Ix-xrara nar ta' mħabba bejniethom kienet b'saħħitha tabilħaqq. U kull min kien jarahom flimkien, kien jgħir għalihom bil-konnessjoni qawwija li kienet teżisti bejn dawn iż-żewġ żgħażagħ. Imma x-xitan donnu f 'kollox ideffes denbu... Michael kien sab xogħol importanti. Xogħol għal qalbu. Jagħmel dak li dejjem xtaq. Interprenditur ta' ditta importanti. U għalkemm Jeanette kienet ferħana ħafna għalih u kienet tħossha kburija bil-mod ta' kif kien qed jirnexxi Michael, bdiet tinduna li l-affarijiet bejniethom, kienu bdew jinbidlu. Qabel kien imur ħdejha kuljum. Kull filgħaxija. Iċemplilha, ifittixha, juriha li jħobbha, ifissidha... Issa kien sar imur għandha darba fil-ġimgħa, u kien ikun il-ħin kollu jibgħat il- messaġġi, iċempel, u moħħu f 'elf ħaġa oħra. "Michael, ejja noħorġu ftit illejla..." qaltlu, hekk kif kienu qegħdin bilqiegħda fuq is- sufan, jaraw it-televixin. Le, biex inkun preċiża, hi tara t-televixin u hu jibgħat xi emails minn fuq il-kompjuter. "U fejn trid tmur...hemm daqshekk bard hemm barra!" weġibha mingħajr ma ta kas eżatt ta' x'kienet qiegħda tgħidlu. "Jekk jogħġbok!" insistiet, b'leħen miksur. U kien dak il-ħin, li donnu kien raha għall-ewwel darba f 'dawn l-aħħar sitt xhur. Jeanette. Meta kienu ltaqgħu, kien raha bħala l-isbaħ tfajla li qatt kien ra fid-dinja. Kien iffansjaha mill-ewwel u sar iħobbha maż-żmien minħabba l-karattru ferrieħi li kellha. Imma issa kienet saret xi ftit fitta. Il-ħin kollu ċċempillu, il- ħin kollu teqred biex jagħmlu hekk jew hekk, il-ħin kollu trid l-attenzjoni! "Mur waħdek!" qalilha, isabbat idejh fuq l-iskrivanija li kien hemm taħt il- kompjuter tad-dar tagħha. U għal mument baqgħet mismuta tħares lejh. U mingħajr ma weġbitu, telqet tiġri 'l barra. U hu nduna. Induna li kien żbalja. Induna li dan l-aħħar bilkemm kien għadu jkellimha. "Jeanette!" sejħilha u telaq jiġri fit-triq warajha. Barra kien hemm ftit frisk, imma ma kinitx kesħa esaġerata, bħalma kien iddeskrivilha hu. "Aħfirli, qalbi..." qalilha xħin laħaqha. U tgħannqu fit-triq, eżatt quddiem il-ħanut tal- ġojjellerija. "Ara biex naħfirlek, trid tixtrili dik il-ġiżirana tal- perli!" qaltlu bid-daħqa, tħares b'għajnejha jixgħelu lejn il-vetrina li kienet biswithom. Michael tbissmilha u ħares lejn fejn kienet qiegħda tindikalu hi. "M'intix belha! Kemm hi sabiħa!" qalilha. "Unika. Bellezza...Irridha Michael, irridha!" qaltlu, tixxennaq lejha. "Meta jkolli biżżejjed...taf li għadni ninvesti, qalbi..." qalilha. "Jekk tridni naħfirlek hux!" U komplew sejrin lejn ħanut fil-qrib, jieħdu drink flimkien. Kemm kienet ħadet pjaċir dakinhar! Kemm kien ilu ma joħroġha ftit! Dejjem imħabbat! Dejjem waħedha! U kienet insietha. Dik il-ġiżirana. Il-ġiżirana tal-perli. U hu iżjed minnha! Aktar u aktar minħabba l-fatt li malli telaq minn magħha, tgħidx kemm kellu jirċievi u jagħmel telefonati biex isolvi xi problemi li kienu jinqalgħu ta' kuljum! Kienet għaddiet ġimgħa. Ġimgħa eżatt. Kienet ix-xita. U Jeanette kienet sejra lura lejn id-dar tagħha. Kien dalam sew u donnha l-karozza tagħha ma bdietx taħdem sew. U eżatt ma' liwja minnhom, xegħlitilha bozza li ma kinitx taf x' kienet tfisser u l-karozza ntfiet. Ma setgħetx tkompli ssuq! Għalkemm kienet ix-xita, kellha toħroġ barra ssir għasra u tiċċekkja x'kien ġralha l-karozza. Imma hi ma kinitx tifhem! Daħlet lura fil-karozza u bdiet iċċempel lil Michael. Imma għalxejn. Mank kien għadu jaqbad il-mowbajl meta kienet iċċempillu! Dejjem hekk kien jagħmel! Issa x'setgħet tagħmel? Ħarġet barra, u għalkemm kienet qiegħda ssir għasra, bdiet tipprova twaqqaf lil xi ħadd. U waqaf hu. Daniel. U imnalla kien hu! Irranġalha l-karozza. Sar għasra minħabba fiha, għinha tqabbadha, u biex is-servizz ikun komplut, kien saq warajha sa darha! "Idħol aħsel idejk!" qaltlu. "Grazzi mill-qalb!" U dakinhar kienet indunat. Michael ma kienx għadu jagħti kasha. Michael lanqas biss kien indenja jċemplilha lura. Michael ma kienx għadu jimpurtah minnha. U ddeċidiet. Iddeċidiet li ma setgħetx tkompli b'relazzjoni hekk. Imma malli qaltlu, ħadha vera ħażin! Għalkemm kien dejjem imħabbat b'xogħlu, Michael iddispjaċih li kienet telqitu biex tirranġa ma' xi ieħor li kien għinha darba ħabba l-karozza! Kien iddispjaċih li kienet telqitu u ma riditx taħfirlu! "Almenu...tini ċans ieħor Jeanette!" kien karbilha. "Jien inħobbok!" "Ma tarax!" qaltlu. "Issa qiegħda ma' Daniel. Ma nistax nitilqu hekk...għax int iddeċidejt li tiġi lura f 'ħajti!" "Jien qatt ma tlaqtek Jeanette!" beda kważi jgħajjat. "Kuljum! Tlaqtni kuljum! U ma kontx għadni neżisti għalik!" ħatfitu. "Aħfirli, Jeanette!" "Ma tarax! Itlaq! Daqt ġej Daniel!" qaltlu. U telaq. U ma reġax mar lura. Imma minn dakinhar kollox inbidel. Ix-xogħol umbrah. Ma kienx għadu jimpurtah. Ma kien għadu jimpurtah minn xejn! Lil Jeanette kien tilifha! U darba minnhom eżatt malli ħareġ mid-dar, aljenat, jaħseb fuqha, beda jħoss it-triq iddur bih, beda jara kollox ċpar, beda jibki hu u miexi. Kien sema' dakinhar stess. Kienu qalulu. Jeanette kienet ser tiżżewweġ! U hu kien tilifha għal dejjem! U eżatt malli kien ser jaqsam it-triq. Ma rahiex. Ma ratux. Karozza għaddejja riħ. Karozza li ma setgħetx iżżomm il-brejk. U eżatt malli libset il-libsa l-bajda. Eżatt malli telgħet fuq l-artal. Eżatt malli l-qassis beda d-diskors tiegħu. Kulħadd ferħan. Kulħadd daħqan. "Hawn xi ħadd li qed jopponi għal dan it-tieġ?" staqsa l-qassis. Leħnu dewa mal-knisja kollha. Kulħadd ħares lejn il-bieb ta' barra. Kulħadd stennieh jiġi. Kulħadd kien jaf li kien għadu jħobbha. Kulħadd kien jaf li kien għadu jridha. Jeanette ħarset lejn il-bieb. Vojt. Ma kien hemm ħadd. Fl-aħħar. Fl-aħħar, Michael kien aċċetta l-fatt li Jeanette kienet ser tiżżewweġ lil ħaddieħor. U l-qassis kompla jgħid id- diskors tiegħu. "Aħfirli..." donnha semgħetu jgħidilha fis-subkonxju ta' moħħha. U dak il-ħin, rat it-tifel iż- żgħir li kien xogħlu jwaddab il-fjuri quddiem, jersaq maġenbha, iżomm kaxxa f 'idu. "Rigal għalik," qalilha. Skiet. Kull min kien fil-knisja waqaf jitkellem. Kulħadd iħares lejha. Kulħadd jistenna biex jara dak ir-rigal x'kien! U malli fetħitha, qalbha għamlet tikk. Il-ġiżirana tal-perli! Il-ġiżirana tal-perli ta' meta kienet qiegħda ma'... Ħarġilha d-dmugħ. Ħasset qalbha tinqasam f 'elf biċċa! U mingħajr ma ħasbitha darbtejn, telqet tiġri 'l barra! "Jeanette!" beda jgħajjat l-għarus. Iżda Jeanette kienet diġà telqet! U malli qabdet it-triq lejn daru, rat geġwiġija ta' nies jagħlqu t-triq. Kien ġara aċċident! Marret tiġri, bil-libsa tat-tieġ f 'nofshom biex tara x'kien ġara. U ratu hemm, mitluq mal- art, f 'nofs għadira demm! "Michael!" bdiet tgħajjat u twerżaq, tħossha ppanikjata. Kienet tajritu karozza! U kien qed jitlef ħafna demm! "Jeanette..." qalilha b'leħen maħnuq. "Naħfirlek Michael, naħfirlek!" qaltlu, iżżommu u tibki fuqu. "Qed inħoss il-bard..." qalilha, jidher debboli. "Ara ma jfettillekx terġa' titlaqni!" qaltlu. U baqgħet miegħu sa xħin ħaduh l-isptar. Imbagħad marret ħdejh, iżżommlu jdejh, tagħmillu kuraġġ. U dakinhar stess, Michael beda jħossu aħjar. Wiċċu beda jieħu l-kulur. "Imnalla kienet din il- ġiżirana tal-perli..." qaltlu, xi jumejn wara, hekk kif kienet qiegħda l-isptar ħdejh. "Liema ġiżirana tal-perli?" staqsieha hu, ma jifhimx eżatt x'kienet qiegħda tgħidlu. Daniel kellu qalbu maqsuma! Ma setax jifhem għaliex malli kienet fetħet ir-rigal li kien fettillu jixtrilha waqt it- tieġ, Jeanette kienet telqet tiġri 'l barra riħ! U ħallietu fuq l-artal iħossu redikolu! Kellu jħabbat wiċċu mal-mistednin kollha li kien hemm u jfehmhom li t-tieġ kien tħassar! Tgħid kellha x'taqsam dik l-imbierka ġiżirana... Ġiżirana tal-perli? illum | Il-Ħadd 21 ta' Ottubru 2018 20 Rakkont Sharon Calleja Il-ġiżirana tal-perli

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 October 2018