Illum previous editions

ILLUM 21 October 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1041935

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 31

23 illum | Il-Ħadd 21 ta' Ottubru 2018 TV/Ċinema First Man Films ġodda għal din il-ġimgħa KUMMIEDJA ħelwa addattata għall-festa ta' Halloween, li qed issir popolari ħafna f 'pajjiżna, hi Goosebumps 2: A Haunted Halloween. Dan is-sequel għall-film Goosebumps tal-2015 hu bbażat minn fuq serje popolari ta' kotba tal-biża' minn R. L. Stine li ġew maqlubin f '25 lingwa u nbiegħu madwar 400 miljun kopja. Din il-produzzjoni tiffoka fuq il-familja Quinn, Sarah (Iseman), żagħżugħ li tattendi skola sekondarja, ħuha Sonny (Taylor), iżgħar minnha u ommha Kathy (McLendon-Covey), li dalwaqt se jsibu ruħhom f 'avvenimenti ġodda tad-daħk u tal-iħirsa. Sonny, flimkien ma' sieħbu tal-iskola, Sam (Harris), bħala l-Junk Brothers iġemmgħu affarijiet li ħaddieħor qed ineħħi jew jarmi. Meta dawn jidħlu f 'dar abbandunata biex jiġbru l-iskart li s-sid ma jridx, jiltaqgħu ma' Slappy (vuċi ta' Avery Lee Jones), pupu skartat ta' ventrilokwist, li għall-ewwel jgħinhom meta xi bulijiet tas-soltu jiġu għalihom. Dan Slappy jkun għal qalbu fid-dar tal- familja Quinn, imma l-buzillotti tiegħu malajr iqajmu kaos sħiħ. Però, mhux ħaġa faċli li teħles minn pupazz imsaħħar! Goosebumps 2: A Haunted Halloween għandu jipprovdi xalata sabiħa lit-tfal kollha, l-aktar meta l-pupazz jirxoxta ħafna oġġetti marbuta mal-festa ta' Halloween u jqajmu paniku sħiħ mhux biss fil-familja addottiva tiegħu, iżda anki fil-belt kollha f 'lejliet din il-festa! ILKONKWISTA tal-ispazju bejn iż-żewġ superpotenzi, l-Amerika u r-Russja, bdiet għal-aħħar tas-snin ħamsin. Is-Sovjetiċi mill-ewwel ħadu s-supremazija u kienu l-ewwel li rnexxielhom itellgħu astronawta (Yuri Gagarin), jorbita madwar id-dinja. Il- mibki President Amerikan, John F. Kennedy, wiegħed li sal- aħħar tas-snin sittin itellgħu bniedem fuq il-qamar. First Man jiffoka fuq l-astronawta Neil Armstrong (Gosling), l-ewwel bniedem (mhux waħdu) li rifes fuq wiċċ il-qamar. Dan ix-xogħol ibbażat minn fuq il-ktieb ta' James R. Hansen, First Man: The Life Of Neil R. Armstrong , hu rakkont intimu mill-perspettiva ta' dan il-bniedem iddedikat, anki dwar ir-reazzjoni tiegħu mal- familja. Fl-1962, Armstrong irnexxielu jidħol fin-NASA Aeronautic Group u fl-1965 bil-familja b'kollox mar joqgħod fi Houston, Texas. Fix-xogħol tiegħu ta' taħriġ bħala astronawta kellu xi disfatti u anki ġieli ħelisha ħafif mill-mewt. Blata soda għalih kienet Janet (Foy), il-mara tiegħu li ssaportiet ħafna mumenti ta' iżolazzjoni, dwejjaq, qtigħ il-qalb u anki kważi disperazzjoni minħabba x-xogħol skabruż tiegħu, kif ukoll meta mietu diversi kollegi tiegħu b'disgrazzji. Huma t-tnejn għaddew minn kalvarju bit-telfa tat-tifla ċkejkna tagħhom. Meta hu ġie magħżul minn NASA biex ikun wieħed mit-tliet astronawti fuq il-vjaġġ ta' Apollo 11 għall-qamar f 'Lulju 1969, Janet u ż-żewġ subien qatgħu qalbhom li jarawh aktar. Hawn hu sar aktar deċiż li jimbarka fuq dan il-vjaġġ storiku biex iderri wara din it-telfa kiefra u biex jagħmel unur lil pajjiżu. First Man jerġa' jgħaqqad lil Ryan Gosling mad-direttur Damien Chazelle wara s-suċċess ta' La La Land . Din il-produzzjoni hi tassew awtentika, robusta, mimlija tensjoni, b'final solenni tal-inżul fuq il-qamar. Gosling u Claire Foy huma tassew fantastici, mghejjuna minn direzzjoni soda. Goosebumps 2: A Haunted Halloween Atturi Ewlenin: Wendy McLendon- Covey; Madison Iseman; Jeremy Ray Taylor; Caleel Harris; Ken Jeong. Direttur: Ari Sandel. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 90 min Ċert. P.G. F'KULL gwerra, speċjalment bħal dik terribbli tat-Tieni Gwerra Dinjija, wieħed jassumi li jsiru atti speċjali, bħall-erojiżmu tal- mument, xi ħarba spettakulari u xi aġir altruwistiku. Każ tassew stramb u uniku, li kieku mhux għax iddokumentat ma kienx jitwemmen, qed jiġi mfakkar fil-film Ġermaniż, The Captain (Der Hauptmann), ambjentat kollu kemm hu mil-lat tan-Nazisti. Will Herold (Hubacher), suldat ta' 21 sena, fl-aħħar ġimghat tal- gwerra jinsab dizilluz u jirnexxielu jiżgiċċa mir-riġment tiegħu. Meta jkun jiġġerra kważi fi stat ta' ġuħ, isib ġo jeep abbandunat libsa ta' Kaptan Nazista, jisraqha biex jistkenn mill- bard u l-ksieħ. Issa, minn moħħu bdew għaddejjin ħafna ħsibijiet għoljin, fosthom dak li kull suldat Ġermaniż jimxi wara l-kaptan. B'arja fuqu, jieħu l-identità ta' dan ir-rank u jibda jeżerċita ordnijiet stretti, b'ħafna suldati li tilfu r-riġment tagħhom, jakkumpanjawh. Ironikament, kull fejn imur jibda renju ta' qtil u terrur, fosthom fuq dawk maqbuda li abbandunaw lill-istakkament tagħhom, l-istess kif għamel hu qabel. The Captain , li hu bis-sottotitoli, hu maħdum appuntu bla kulur, biex joħroġ atmosfera tetra ta' biża' u orrur. Minn bniedem li ħarab mill-qilla tal-SS, wara jieħu l-istess identità mostruża ta' dawk li ħarab minnhom. Din l-istorja vera hi bbażata minn fuq il-Biċċier ta' Elmstad. Di hi produzzjoni tassew effettiva li ddaħħlek f 'qoxortok u ġġiegħlek tirrefletti bil-kbir fuq kif bniedem mingħajr skrupli u bla ruħ fejn jista' jasal. The Captain Carmel Bonnici Atturi Ewlenin: Ryan Gosling; Claire Foy; Jason Clarke; Corey Stoll; Patrick Fugit; Ciaran Hinds. Direttur; Damien Chazelle. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 121 min Ċert: 12A Atturi Ewlenin: Max Hubacher; Milan Peschel; Frederick Lau; Bernd Holscher; Waldemar Kobus; Alexander Fehling. Direttur: Robert Schwentke. Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas. Tul: 118 min. Ċert. 15.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 October 2018