Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1041935
7 Aħbarijiet Il-Ħadd 21 ta' Ottubru 2018 | illum "Naħdmu daqs in-nies tal-post iżda nitħallsu biċ-ċiċri," l-istudenti jilmentaw 20 għaqda jitolbu li l-prezz ta' kirja ma jogħliex b'aktar minn 10% bejn kuntratt u ieħor ILKOALIZZJONI ta' 20 għaqda non governattiva (NGO), li fi Frar ta' din is-sena kienet ippreżentat il-Proposta għal Regolamentazzjoni tal- Kera f 'Malta, laqgħet il-White Paper li ppreżenta l-Gvern fir-rigward tal-kirjiet b'mod pożittiv. L-NGOs iżda qed jippropnu li kuntratt ta' kera ma jistax ikun inqas minn tliet snin, b'inċentivi fiskali li jinkorġġixxu lis-sidien biex jidħlu f 'kuntratti twal. Il- Gvern qed jitlob li ssir perjodu minimu kuntrattwali, għalkemm fil-White Paper ma speċifikax kemm għandu jkun twil dan il-perjodu. "Pereżempju, sid ta' proprjetà li jagħti kirja ta' seba' snin iħallas inqas taxxa fuq id-dħul mill-kera minn sid ta' proprjetà li joffri kuntratt ta' erba' snin. Fil-każ ta' kerrejja li jikru għal perjodu ta' żmien qasir bħal studenti, ħaddiema temporanji u individwi li qed iwettqu xogħlijiet fuq il-proprjetà ewlenija tagħhom, il-kuntratti għandhom ikunu eżentati mit- tul kuntrattwali minimu ta' tliet snin, bil-kundizzjoni li jingħataw provi validi iżda raġonevoli ta' dan." Intant, dawn l-NGOs qegħdin jipproponu wkoll li meta jkun itterminat kuntratt jew inkella meta jiskadi, sid il-proprjetà ma jistax jgħolli dik il-kirja b'iktar minn 10%. Jiġifieri jekk kirja kienet ta' €500 fix-xahar, meta jispiċċa kuntratt u jsir wieħed ġdid il-kirja tista' togħla biss b'€25 fix-xahar. L-20 għaqda qed jipproponu wkoll li jkun hemm dak li jissejjaħ Rent Value Index, jiġifieri indiċi li jirrifletti l-prezz tal-kirja f 'żona u skont il-klassi ta' proprjetà. Dawn l-NGOs jipproponu li l-prezz inizjali tal-kirja m'għandux ikun ogħla minn 10% ta' dik il-medja. Min-naħa l-oħra wrew qbil totali mal-miżuri biex id-depożitu jkun miktub fil- kuntratt kif ukoll li jkun hemm inventarju ta' dak kollu li kien hemm fl-appartament meta l-inkwilin daħal jgħix fih. L-20 għaqda li qegħdin jippreżentaw din ir-reazzjoni għall-White Paper dwar il-kera huma: Moviment Graffitti, Alleanza Kontra l-Faqar, Malta Tenant Support, Women's Rights Foundation, Forum Komunita' Bormliża, Malta Humanists Association, The Millennium Chapel, Żminijietna – Voice of the Left, aditus Foundation, Platform of Human Rights Organisations in Malta (PHROM), Malta Gay Rights Movement, The Critical Institute, Spark 15, Mid-Dlam għad-Dawl, Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, SOS Malta, African Media Association Malta, Koperattiva Kummerċ Ġust, Integra Foundation u Third World Group L-Alternattiva Demokratika trid perjodu minimu kuntrattwali ta' sena "Il-proposti fil-White Paper dwar ir-Regolamentazzjoni tas-Suq tal-Kera huma ġeneralment pass 'il quddiem, u jekk implementati bla dubju jservu biex joħolqu stabilità tas-suq tal-kera fil-qafas ta' protezzjoni ġusta kemm tal- inkwilini kif ukoll tas-sidien. Hemm ħtieġa imma li jkun hemm diskussjoni serja biex ikunu evitati diffikultajiet bla bżonn." Dan qalu Carmel Cacopardo Chairperson ta' Alternattiva Demokratika huwa u jikkummenta f 'konferenza tal-aħbarijiet f 'Bormla dwar il-proposti tal-Gvern għar- regolamentazzjoni tas-suq tal-kera fil-White Paper ippubblikata riċentement. Hu kompla jghid "kif ġustament jikkummenta d-dokument ippubblikat mill- Gvern, dan il-pajjiż fil-passat kellu sistemi ta' kontroll riġidi u kienu dawn il-kontrolli li qatlu s-suq tal-kera. Imma morna minn estrem għall- ieħor tant li llum qegħdin f 'sitwazzjoni bla ebda forma ta' regolamentazzjoni: għax drajna li f 'dan il-pajjiż jew nejja jew maħruqa." "Huwa għaldaqstant floku li soġġett għall-eċċezzjonjijiet proposti fil-White Paper il-kirja minima tkun għal perjodu ta' sena u li jekk ma jkunx hemm il-ħsieb li l-kirja tiġġedded jingħata avviż adegwat. Kien wasal iż-żmien ukoll li jkunu regolati d-depożiti li jistgħu jintalbu biex jagħmlu tajjeb għal ħsarat, kontijiet mhux imħallsa jew xi materja oħra. Minn dak li nisimgħu kontinwament dan hu qasam fejn kienu qed isiru l-abbużi u huwa għaldaqstant tajjeb illi jinħoloq mekkaniżmu kif dawn l-abbużi jkunu rregolati." "Anke ż-żidiet tal-kera li jitħallsu tul il-perjodu tal- kuntratt huwa tajjeb li jkunu regolati sewwa u dan għax hu meħtieġ u anke ġust biex kulħadd ikun jaf fejn qiegħed." Carmel Cacopardo kompla jgħid li "fil-kuntest tal-proposti li qed jagħmel il-Gvern, dwar kirjiet li jagħlqu Alternattiva Demokratika jidhrilha li m'għandhiex tinħoloq eċċezzjoni li tiġġustifika terminazzjoni prematura ta' kuntratt ta' kirja biex sid ta' post jieħdu lura għar- ragunijiet li jissemmew fil-White Paper: għall-użu tiegħu jew ta' qraba, bejgħ jew inkella żvilupp mill-ġdid. Dawn jistgħu jkunu raġunijiet validi biex kirja ma tiġġeddidx imma mhux biex tkun terminata qabel il-waqt." Carmel Cacopardo kkonkluda billi qal li "biex is-suq tal- kera tal-proprjetà residenzjali jissaħħaħ mhux biżżejjed li jkunu regolati l-kirjiet mis- settur privat. Huwa importanti li jkun hemm ukoll preżenza aktar qawwija tal-qasam tal-akkomodazzjioni soċjali pprovdut li jrid jibqa' disponibbli għall-vulnerabbli billi ma jinbiegħx imma jibqa' jintuża minn dawk li għandhom ħtieġa għalih." Ara wkoll paġni 4, 5, 12, 13 u 19 L-istudenti tal-MCAST isemmgħu leħinhom dwar is-sistema ta' apprentistat NUMRU ta' studenti fl- MCAST tkellmu ma' din il-gazzetta u ilmentaw dwar is-sistema preżenti ta' ħlas għall-perjodu tal-apprentistat tagħhom. Mal-ILLUM huma spjegaw kif, tul ix-xhur tas- sajf, għal 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa huma b'kollox tħallsu, €232.94. Dan minkejja l-wegħda tal-Gvern li jibdew jitħallsu b'paga minima għal dan il-perjodu ta' xogħol. Peress li l-korsijiet fl-MCAST huma bbażati fuq edukazzjoni vokazzjonali, ħafna mill- istudenti li qed isegwu korsijiet f 'oqsma bħal: inġinerija, restawr, u edukazzjoni bikrija, huma meħtieġa li fix-xhur tas-sajf jibdew l-apprentistat tagħhom fuq bażi ta' full-time. Dan l-istadju ta' apprentistat ġeneralment jibda ftit wara li jiġi fi tmiemu l-aħħar semestru. Però jeżistu anke korsijiet fejn waqt is-sena skolastika minflok lezzjonijiet fil-klassi, l-istudenti jkollhom apprentistat. Skont l-informazzjoni li għaddewlna l-istudenti, għal kull erba' ġimgħat xogħol fis- sajf, dawn l-istudenti tħallsu, €232.94, ji7ġifieri €22 kuljum dan, bħala għotja ta' stipendju speċjali. B'hekk dawn l-istudenti qegħdin jitħallsu bir-rata ta' €2.75 fis-siegħa. Intant xi ftit minn dawn l-istudenti qegħdin jitħallsu wkoll, €49.97 addizzjonali fil-ġimgħa mill- kumpanija li huma jaħdmu magħha. Fil-manifest elettorali tal- 2017, il-Partit Laburista kien wiegħed lill-istudenti kollha li jibdew jitħallsu l-paga minima għall-perjodu tal-apprentistat tagħhom. Apparti minn dan fil-wegħda tal-Gvern kien hemm imniżżel li, il-kumpaniji li joffru dan l-apprentistat se jkunu mgħejjuna mill-Gvern ukoll, dan bit-tisħiħ tal-inċentivi fiskali li dawn jingħataw. Student partikolari li tkellem ma' din il-gazzetta sostna li mhuwiex kontra dawn l-iskemi, għaliex fi kliemu stess dawn "huma ta' għajnuna kbira," però fl-istess ħin qal li, peress li l-apprentistat huwa parti sostanzjali mill-kors ta' studju, dan qed ikun żvantaġġ għalih u studenti fl-istess sitwazzjoni tiegħu. "Naħdmu sigħat ta' full-time, mit-tnejn sal-ġimgħa. Studenti oħra li m'għandhomx dan l-apprentistat, jaħdmu xogħol ieħor fis-sajf li fih jaqilgħu paga ħafna aktar minna," spjegalna l-istudent. Hu kompla jgħid kif, "nifhem li l-apprentistat huwa biċċa xogħol tajba għalina, għaliex prattikament qegħdin nieħdu l-esperjenza, però mhux sew li naħdmu daqs nies tal-post, iżda nitħallsu biċ-ċiċri," irrimarka l-istudent. Fuq din il-kwistjoni, din il- gazzetta tkellmet ma' Ahmed Lamlum, President tal-Kunsill tal-Istudenti fi ħdan l-MCAST. Mal-ILLUM, Lamlum saħaq li, "din hi kwistjoni li l-Kunsill sikwit jitħaddet fuqha, tant hu hekk li l-ġimgħa d-dieħla għandna laqgħa dwar dan." Il-President spjega li l-għan tagħhom hu, "li l-ewwel nett jiżdiedu l-pagi tal-istudenti li jagħmlu dan il-perjodu ta' apprentistat u fejn dan ma jkunx possibbli għall-inqas jitnaqqsu s-sigħat li jaħdmu l-istudenti," temm jgħid Lamlum. L-ILLUM tkellmet ukoll ma' Ryan Attard, li huwa l-Koordinatur tal-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM) fi ħdan l-MCAST. Mal-ILLUM hu spjega kif bħala organizzazzjoni, huma wkoll kemm-il darba qajmu diskussjoni rigward din l-affari. "Din il-kwistjoni tkellimna ħafna fuqha. Tant hu hekk li, anke konna għamilna laqgħa mal-amministrazzjoni tal-MCAST bl-għan li nindirizzaw din il-kwistjoni, saħaq Attard. Hu kompla jgħid kif, "minkejja dan kollu, s'issa għadna ma smajna xejn." Dwar dan, din il-gazzetta bagħtet ukoll mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni, bqajna ma rċivejna ebda tweġiba. lcarter@mediatoday.com.mt Liam Carter