Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1174216
11 Il-Ħadd 6 ta' Ottubru 2019 | illum Aħbarijiet 11 Aħbarijiet l-bandisti qed jonqsu' ... tindirizza din l-isfida? għandha disa' servizzi, f 'dawk il-ġranet ma tistax tmur iddoqq ma' baned oħra," spjegalna l-Viċi President tal- Għaqda. "Banda oħra ma tistax taqla' bandisti li huma rreġistrati ma' banda li dakinhar ikollha servizz." Fil-ġranet l-oħra, dak il-bandist se jidher disponibbli. "Ikollok bżonn bandist, tidħol f 'dan il-programm, tara liema bandisti huma disponibbli, il- prezzijiet u l-bqija," spjega Xuereb. L-Għaqda Każini tal-Banda se tkun qed taħtar bord magħmul minn surmastrijiet professjonali, li se jirreġistra wkoll lil dawk li jkunu jridu jiġu rreġistrati iżda li mhuma membri tal-ebda każin tal-banda. Fost oħrajn, il-Bord tal-Verifika u tal-Kurrikulum Komuni, se jkun qed jistabbilixxi r-remunerazzjoni għas- servizzi ta' daqq ta' kull mużiċist. Il-klassifikazzjoni tal-bandisti se tkun tiddependi mis-surmast u d-delegat tal-banda li magħha jkunu jdoqqu. Iżda l-prezzijiet mhux se jkunu esaġerati? Staqsejna lil Xuereb għaliex inħasset il-ħtieġa li l-baned jibdew iżommu aktar għas-servizzi. Jekk qed ngħidu li bandist ma jistax jibqa' jitlob kemm irid, allura l-ispejjeż fuq il-baned mhux se jonqsu? "Irridu npoġġu saqajna mal-art. Il- maġġoranza tal-każini tal-baned ma għandhomx aktar minn 15-il bandist tal-post. Biex taqla' erbgħin bandist bit-€30 ara kemm se tiġik. Għandek ukoll it-trasport," insista Xuereb. Semma wkoll kif diversi każini tal- baned, partikolarment dawk żgħar, kienu qed jispiċċaw ma jaċċettawx servizzi għax kienu qed jitilfu l-flus. Fi kliemu, dawn ir-regolamenti, se jgħinuhom. U dawk il-festi li ma għandhomx każin? Mhux piż kbir fuqhom? Hemm festi li ma għandhomx każin tal-banda tagħhom. Kumitat jieħu ħsieb li jorganizza kollox hu u anke jekk ir-riżorsi tiegħu mhumiex daqs ta' każin tal-banda, l-ispejjeż ikunu kbar, speċjalment għax kull banda fil- festa tiegħu tkun mistiedna. Dawn mhux se jintlaqtu ħażin? X'jaħseb dwar dan Omar Xuereb? "Iva se jkollhom ftit problema," ammetta Xuereb. "Iżda ġust li banda tiġi tagħtik servizz u qed titlef? X'tippreferi li kull banda tgħidlek le u tispiċċa bla baned jew inkella li tħallas l-€1,200 u jkollok banda?" kompla jistaqsi. Tenna li l-Għaqda kienet qed tinnota żieda sostanzjali fl-ammont ta' baned li kienu qed jirrifjutaw is-servizz. Ħinijiet u waqfiet uniformi għal kulħadd Ma' Xuereb tkellimna wkoll dwar il-ħinijet. Xi drabi jkun hemm min jesaġera. Marċ jibda u ma jispiċċa qatt. L-Għaqda Każini tal-Banda ħarġet ukoll regolamenti fuq dan. Mill-1 ta' Jannar li ġej, spjegalna Xuereb, is-servizz tal-banda mistiedna mill-ħruġ min-niċċa sal-Ħamis ma għandux ikun aktar minn tliet sigħat u li matulu għandu jkun hemm żewġ waqfiet biex il-mużiċisti jingħataw x'jixorbu. F'każ ta' marċ ta' filgħodu, is-servizz ta' banda mistiedna ma għandux jaqbeż l-erba' sigħat u kull siegħa, il-bandisti għandhom jingħataw x'jixorbu. Programmi jew kunċerti tal-festa, mill-1 ta' Jannar, ma jistgħux ikunu itwal minn 120 minuta, fejn il-bandisti għandhom jingħataw bibita waħda, b'forma ta' flixkun biex ikun jista' jintuża tul il-kunċert jew programm. Anke l-għadd ta' bandisti f 'banda se jkun irregolat Omar Xuereb kompla jispjega mal-ILLUM kif anke l-għadd ta' bandisti li jdoqqu f 'banda se jkun irregolat. Fi kliemu, banda ma għandhiex għalfejn tmur iddoqq bi 80 bandist. Fil-fatt, ir-regolamenti ġodda jistabbilixxu li kull banda, għal servizz ta' mhux aktar minn tliet sigħat, ma għandux ikollha aktar minn 50 bandist u mhux inqas minn 45. Għall-ewwel ħames snin minn meta jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti, l-Għaqda se tkun qed tagħlaq għajnejha sa 55 bandist. Għall-marċijiet ta' filgħodu banda tista' tkun komposta sa mhux aktar minn 70 bandist. Iżda x'sens tagħmel din il-proposta? Fi kliem Xuereb, din se tkun qed tnaqqas l-iżvantaġġ li jbatu l-baned li ma għandhomx bandisti tal-post, jiġifieri bandist li jkun tgħallem jew li huwa rreġistrat magħha. Imma fakkarnieh li hemm baned li għandhom ħafna bandisti tal-post. Dawn xorta waħda jaqilgħu bandisti minn barra, għax imbilli jkollok ħafna bandisti tal-post, ma jfissirx li jkollok biżżejjed bandisti jdoqqu kull strument li huwa neċessarju biex tkun ifformata banda b'saħħitha. Omar Xuereb spjega kif l-Għaqda ħadet ħsieb ukoll lil dawn il-baned u għalhekk ħolqot mekkaniżmu biex ikun stabbilit kemm banda tista' taqla' bandisti. Dan il-mekkaniżmu jiffunzjona billi jinħadem persentaġġ ta' 40% fuq kemm hemm mużiċisti tal-post irreġistrati u jitnaqqas mill- ammont ta' mużiċisti permessi. Pereżempju, jekk banda għandha 40 mużiċist tal-post, 40% tagħhom jammonta għal 16-il bandist. Dan l-ammont jitnaqqas minn 45 (il- minimu ta' mużiċisti permessi f 'servizz). B'hekk, ifisser li din il- banda tkun tista' taqla' 29 mużiċist barrani. Il-banda tkun magħmula minn 16-il mużiċist tal-post u 29 bandist barrani. F'każ li aktar minn 40% tal-mużiċisti tal-post jattendu għas-servizz, jew saħansitra jattendu kollha, ma jkunux jistgħu jittieħdu passi dixxiplinarji kontra l-banda, anke jekk l-ammont ta' bandisti jaqbeż il-50. Madanakollu, il-mekkaniżmu xorta waħda jidħol fis-seħħ, biex ikun stabbilit kemm il-banda tista' taqla' bandisti barranin. Ovvjament, dawn ir-regoli japplikaw għall-baned mistiedna. Banda li qed iddoqq fil-festa tagħha stess, tista' toħroġ kemm il-bandist trid. 'Wara tliet xhur jagħti servizz, il-bandist irid jitħallas' Omar Xuereb kompla jispjega kif bil- għan li l-bandist jaqla' l-ħlas dovut lilu, dawn ir-regolamenti jorbtu lill-każini tal-banda biex iħallsu lill-mużiċisti rreġistrati magħhom u mużiċisti barranin sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara s-servizz. "Jekk il-festa tiegħi hija f 'Awwissu, sa tliet xhur wara rrid inkun ħallast lill- bandist," insista Xuereb. L-istess jgħodd meta każin tal-banda, jistieden banda oħra għall-festa tiegħu. Il-ħlas ma għandux jissupera t-tliet xhur. Tim ta' monitoraġġ Jekk hemm regoli, irid ikun hemm min jinfurzahom u għalhekk Omar Xuereb spjega magħna kif se jkun iffurmat tim ta' monitoraġġ biex jassigura li l-każini tal-banda jimxu mar-regolamenti. F'każ ta' ksur ta' regolamenti, banda tista' tkun sospiża mill-Għaqda u saħansitra tingħata multa, fost oħrajn. Bandist u għad għandek mistoqsijiet? Intant nhar is-Sibt li ġej, 12 ta' Ottubru se ssir laqgħa, fis-sede tal- Għaqda Mużikali Sant'Antnin ta' Birkirkara għall-bandisti kollha. Il-bandisti kollha se jkollhom ċans li jistaqsu l-mistoqsijiet kollha li għandhom rigward dan id-dokument u r-regoli l-ġodda. Il-laqgħa tibda fid-9:30am.