Illum previous editions

ILLUM 6 October 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1174216

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

L-ewwel darba li kont rajtu kelli biss tliet snin. Tant kemm kien għoġobni, kont xtaqtu mill-ewwel. Ommi kienet ħaditni magħha fuq il-monti, ħalli tixtri xi kalzetti għal May, oħti ż-żgħira. Oħti kienet għadha tarbija ta' sena. Hekk malli kont għaddej minn ġol-Belt, wara ruxmata nies kollha aljenati jħarsu lejn l-oġġetti esebiti fuq il- monti, jgħaffġu wieħed fuq l-ieħor u ħafna minnhom jaħbtu miegħi għax ma kinux qegħdin jarawni nżomm parti min-naħa t'isfel tad-dublett t'ommi mgħaffeġ f 'idejja żgħar żgħar, nimxi warajha qalb dak il-ġenn kollu ta' għajjat tal-bejjiegħa tal-monti, min jgħajjat bl-ogħla ħanġra minnhom, rajtu mdendel ma' pajp tal-plastik qalb xi pupi oħrajn li kienu jistunaw miegħu. Hu kien l-isbaħ wieħed fosthom. Waqaft bilwieqfa nħares lejh. Dak il-ħin ridtu. Iż-żebgħa kkulurita fuq l-injam, il-wiċċ miżmugħ b'mod perfett ta' buffu, għajnejh skuri donnhom ikellmuk u dak il-kappell aħmar tal-injam fuq rasu kienu biżżejjed biex iħajruni għalih. Ma bqajtx inxomm ir-riħa ta' ħut li kien hemm fl-arja, il-fwejjaħ tan-nies, l-għagħa li kien hemm madwari. Lanqas kont naf fejn kienet baqgħet sejra ommi! Imma bqajt hemm għal xi ħin inħares lejh u nitbissimlu. F'qalbi kont naf li anke hu kien qed jitbissimli. U li xtaq jiġi miegħi. Ta' tifel ċkejken li kont, xħin indunajt li kont intlift, għamilt idejja quddiem għajnejja u bdejt nibki. "Għax waqaft hawn, Gerardo?" smajt leħen ommi wara li kont ilni hemm nibki xi siegħa, mingħajr ħadd biss ma jinduna bija! Mingħajr ma weġibtha, mort niġri ngħannaqha, nitfissed magħha u nxomm ir-riħa tfuħ tagħha. Għollejt subgħajja bil- mod u wrejtulha. Il-marjunett. Ridtu. Akkost ta' kollox. U ommi, bejn minħabba l-fatt li kienet għadha kemm ħadet qatgħa għax kienet tilfitni u bejn għax ma kellhiex moħħ qrid, xtratuli mill- ewwel. U hekk malli tawhuli f 'idejja, indunajt. Indunajt li dan il-marjunett kien speċjali. U kull fejn immur kont nieħdu miegħi. Għal xi żmien. Għax imbagħad meta bdejt nikber ftit ieħor, bdejt nippreferi nilgħab bil- kompjuter milli noqgħod ninħela fuq dak l-imbierek marjunett. Iżda oħroġ il-għaġeb, kull darba li kont inpoġġih fil- kaxxa tal-kartun indikata minn ommi fejn kienet twarrabbli l-ġugarelli qodma u tpoġġihom fil-kamra tal- imbarazz fuq, hekk malli kien jasal il-lejl u kont nistenbaħ minħabba xi ħmar il-lejl, kont insibu hemm fuq is-siġġu ta' kamarti, mitfugħ bl-addoċċ, qisu kien tefgħu hemm xi ħadd. Fil-bidu ma kontx nagħti kas. Kont naħseb li oħti, li issa kienet saret tifla mdaqqsa, setgħet kienet qiegħda tgerfex hemm fuq u biex tinkini kienet terġa' tpoġġihuli hemm. Imma darba minnhom, tant irrabjajt li dan il-marjunett qadim kien reġa' sab postu f 'kamarti, li tlift il-paċenzja, qbadtu u waddabtu barra minn ġot-tieqa għal ġol-ġnien fejn kien hemm xi siġar u pjanti forsi jeħel ma' xi zokk minnhom u oħti ma tilħqux! Iżda ħaġa tal-iskantament, filgħodu erġajt sibtu fuq dak l-imbierek siġġu! Kont bdejt nistmerru. Nibża' minnu. Dak kif kien hemm? Kif kien ġie lura? B'idejja jirtogħdu, qbadtu u bdejt inħares lejh, niflih b'għajnejja kollha mistoqsijiet. U hekk... hekk kif dawwartu bil-kontra, rajt il-kliem miktub fuq in-naħa ta' wara ta' dahru, qishom mibruxin fl-injam, qishom minquxin b'reqqa liema bħalha. "Għidilhom ċaw," qrajt b'leħen għoli. Ma fhimtx eżatt dik x'kienet tfisser. Kulma kienet hija sentenza bla sens. Jew le. Ma kinitx. Għax dakinhar filgħaxija, il-ġenituri tiegħi u ta' May ma reġgħux ġew lura d-dar wara x-xogħol. Kellhom inċident tat- traffiku. Mietu. Għaddejt minn żmien ta' tbatija kbira. Meta ġġarrab it-telfa ta' xi ħadd għażiż, m'hemmx deskrizzjoni xierqa biex tirrakkuntaha. Insejt kollox dwar il- marjunett. Ma rajtu mkien iżjed. Ma kellix moħħu. Kienet ġiet iz-zija Linda tgħix magħna sabiex tieħu ħsieb lili u lil oħti. U darba fost l-oħrajn, hekk kif kont qed niġbor l-imbarazz f 'kamarti, rajtu mitfugħ taħt il-gwardarobba, mimli għanqbut u trab li kien niżel minn mal-ħajt fuq il-fil tad- dar. Hekk kif erġajt rajtu, ftakart. Ftakart fil-mewt tal-ġenituri. Fl-iljieli li kont insibu f 'kamarti. U qbadt dan il-marjunett, ħriġt barra fil-ġnien u dfintu ġol-ħamrija. Ma tantx kien kbir, allura ma tantx ħadli ħin. Għaddiet xi ġimgħa. Kont għadni kemm dħalt lura mill-kulleġġ fejn kont nattendi. Hekk malli kont għaddej minn quddiem il-kamra t'oħti, rajt xi ħaġa familjari li laqtitli l-attenzjoni. Il-marjunett. Kien qiegħed hemm fil- kamra t'oħti! Nadif daqs tazza! Bdejt inħoss qalbi tħabbat mija mija f 'sidri, dħalt inħaffef fil-kamra t'oħti u b'għajnejja mimlijin vini ħomor, dawwartu bil-kontra. "Għidilha ċaw," lissint minn taħt b'leħen miksur. Tfajtu għall-ħajt u mort nibki f 'kamarti. Ma damitx nofs siegħa t-telefonata. Oħti kienet mietet! Il-karozza li kienet fiha, kienet waqgħet minn irdum għal isfel! Bdejt nheżżeż snieni flimkien, qbadt il-marjunett, ħriġt fil-ġnien, tfajtu f 'qabda weraq nexfin u ħraqtu! Iva ħraqtu! Mhux suppost kien għadu jeżisti! Għaddew xi snin. Batejt ħafna f 'ħajti. Familja ma kellix. Anke ziti kienet kompliet b'ħajjitha u bilkemm kont għadni naraha. Kont krejt appartament ma' wieħed minn sħabi. Konna ngħadduha sew u kont ngħidlu kollox. Però fuq il-marjunett ma kont ngħid lil ħadd! Kieku kienu jgħadduni b'miġnun, kif probabbli qegħdin taħsbu intom! Imma darba fost l-oħrajn, hekk kif kont qiegħed fis- salott tal-appartament nieħu birra waħdi, nistenna lil sieħbi dieħel lura ħalli nippjanaw festin tal-Milied, ftaħt magażin li kien hemm fuq it-tavolina u hekk kif kont qed inqalleb, rajtu hemm fuq stampa minnhom. Tant kont sirt nistmerru, li qallibt il-paġna ta' malajr! Ma flaħtx narah! Kien jagħmilli wisq memorji koroh! Sa siegħa wara, sieħbi kien għadu ma ġiex. Bdejt inċempillu fuq il- mowbajl, nibki kemm niflaħ, moħħi fil-marjunett! Żgur kien ġralu xi ħaġa! Il-mowbajl bdejt nisimgħu jdoqq fil-qrib. Imma sieħbi ma kienx ġie lura! U hekk malli ħriġt 'il barra mis-salott u għaddejt minn fejn ix-xaft, rajtu. Minn ġol-ħġieġ rajtu għoqda fix-xaft, jidher mgħawweġ b'mod mhux normali! Sieħbi kien ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post! Kien waqa' fix-xaft minn fuq il-bejt! Mort inqalleb fil-magażin u erġajt rajt ir-ritratt tal- marjunett. Fil-ġenb tiegħu kien hemm notament imħażżeż b'pinna, donnha friska. "Għidlu ċaw." Bdejt nibża' mill-marjunetti kollha. Mill-pupi kollha. Ma ridt nara xejn minn dan! Illum ninsab miżżewweġ. Għandi l-isbaħ mara tad- dinja. Tifhimni. U tħobbni. Meta qaltli li konna qegħdin nistennew tarbija, bilkemm flaħt noqgħod bilwieqfa bil- ferħ! Lestejnielha kamra apposta. Kamra kbira. Kont ferħan! Sa dakinhar li kont miexi mal-mara qrib ħanut tal- antikitajiet! Hekk malli konna għaddejjin id f 'id, it-tnejn inparlaw ma' xulxin, rajtu fil-vetrina! Il-marjunett! "Ejja, iġri! Tbiegħed minn hawn!" għedt lil mara malajr. Mort id-dar. Ippruvajt ninsa. Imma ma stajtx. Xi ġimgħa wara rajt il- marjunett bilqiegħda fuq is-siġġu fil-kamra tat-tarbija li kienet għadha ma twelditx! "Dak inti xtrajtu?" ilbieraħ staqsejt lil marti b'leħen jirtogħod. "Iva, rajtu f 'ħanut tal- antikitajiet u għoġobni!" weġbitni hi. Wara smajt it-telefon idoqq. Lanqas flaħt inwieġbu. Mort fil-kamra tat-tarbija, qbadt il-marjunett b'idejja u rajt x'kien hemm imnaqqax wara dahru. "Għidulu ċaw." Domt ħafna nibki. Issa għadni kemm ċempilt l-isptar. "Il-mara tinsab f 'koma wara inċident ikrah tat-traffiku," qaltli l-infermiera. "It-tarbija?" staqsejt. Imma kont naf it-tweġiba. "Jiddispjaċini, sinjur." Mort niġri fil-kamra tat- tarbija, lest biex inkissru. Iżda l-marjunett ma kienx għadu hemm. Tgħid meta ser nerġa' narah? illum | Il-Ħadd 6 ta' Ottubru 2019 Rakkont 20 Sharon Calleja Il-marjunett

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 October 2019