Illum previous editions

ILLUM 6 October 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1174216

Contents of this Issue

Navigation

Page 27 of 31

Sports 28 NHAR it-28 ta' Settembru li għadda, il-boxer ewlieni Malti, Christian 'Ċoqqos' Schembri rritorna fir-ring kontra l-boxer mir-Repubblika Ċeka, Jan Marsalek, fi promozzjoni organizzata minn Prize Boxing Promotions. Marsalek kien avversarju validu ħafna, fejn kellu ħames rebħiet b'knockout minn sitt ġlidiet, u sfortunatament iċ-Ċoqqos din id-darba, minkejja ġlieda li kienet kompetittiva u wirja tajba ħafna min-naħa tiegħu, huwa ma ħariġx rebbieħ. Iċ-Ċoqqos daħal ġo din il-ġlieda ppreparat ħafna bħal dejjem. Kien qiegħed f 'forma fiżika u psikoloġika tajba peress li wara perjodu żgħir ta' mistrieħ fis- sajf, wara r-rebħa tiegħu kontra D'Antoni, huwa kompla bit-taħriġ kontinwu tiegħu. Fit-taħriġ tiegħu, hu għamel xogħol siewi ħafna mal-kowċ tiegħu Quendar Pena, fejn huma komplew jipperfezzjonaw l-affarijiet li ħadmu fit-taqbida ta' qabel. Barra minn dan, huwa għamel sparring mal-aħjar boxers li seta' viċin il-piż tiegħu għal fuq minn 100 round, biex ikun żgur fl-aħjar forma fiżika u bir-riflessi veloċi u pronti. Iżda Marsalek niżel hawn Malta preparat daqs iċ-Ċoqqos, u huma għamlu tmien rounds isserrati u bbilanċjati ħafna, u taw gost lill-folla numeruża ta' partitarji li marru jarawhom. Fl-ewwel rawnd, iċ-Ċoqqos ħareġ kawt jistudja lill-avversarju, li min-naħa tiegħu, kif mistenni, ħareġ jagħmel pressjoni u jattakka liċ-Ċoqqos. Lejn l-aħħar tar-rawnd, iċ- Ċoqqos qabad jirrispondi billi jaħrab id-daqqiet tal-avversarju u jirrispondi b'tiegħu. L-istorja nbidlet fit-tieni rawnd, fejn iċ- Ċoqqos qabad jimxi 'l quddiem u jieħu n-nofs tar-ring, jitfa' pressjoni fuq l-avversarju u jwaddab serje ta' daqqiet veloċi u b'saħħithom li bdew jagħmlu effett fuq l-avversarju. Ta' min jgħid li Marsalek kien naqra iqsar miċ-Ċoqqos, u allura beda jipprova jidħol taħt ras iċ- Ċoqqos u jiġġieled mill-viċin biex jinnegalu l-vantaġġ tat-tul li kellu. Fl-aħħar minuti tar-raba' rawnd, seħħ dak li bdew jibżgħu minnu l-kowċis taċ-Ċoqqos, fejn waqt li Marsalek daħal ġewwa u hu u ċ-Ċoqqos bdew jiġġieldu f 'distanza qasira, ħabtu ras ma' ras u fetaħ qasma fuq għajnejn iċ-Ċoqqos. Din affettwat liċ-Ċoqqos fejn hu beda jiġġieled iktar minn distanza twila, u xi daqqiet Marsalek beda jolqtu b'daqqiet iktar effettivi milli beda jitfa' ċ-Ċoqqos. L-affarijiet marru agħar għaċ-Ċoqqos fis-sitt rawnd fejn wara li reġgħu ħabtu ras ma' ras u fetaħlu qasma oħra fuq wara ta' rasu, Marsalek laqtu wkoll b'upper cut fil-fwied vera tajba li ċ-Ċoqqos ħassha u kellu jieħu żewġ passi lura biex jirkupra n-nifs. B'hekk Marsalek reġa' ħa l-momentum tal-ġlieda favurih u baqa' sejjer 'il quddiem jitfa' d-daqqiet għat-tul tal-aħħar żewġ rawnds - is-seba' u t-tmien wieħed. Min-naħa tiegħu, iċ- Ċoqqos kellu wirja tajba ta' boxing f 'dawn iż-żewġ rawnds, fejn huwa kellu daqqiet numerużi u beda juża saqajh biex joħroġ mill- periklu u jħalli lil Marsalek jagħti fl-arja u jserraħ mal-ħbula. Minkejja dan, Marsalek xorta rnexxielu xi drabi jolqot liċ- Ċoqqos b'daqqiet effettivi li setgħu kienu qed jimpressjonaw lill-ġurija iktar mill-movimenti intelliġenti taċ-Ċoqqos. Fl-aħħar tat-taqbida l-boxers it-tnejn li huma għollew idejhom kunfidenti li rebħu, u l-partitarji qamu fuq saqajhom iċapċpu u jfaħħru lil dawn iż-żewġ boxers li ħallew, litteralment, ir-ring mimli għaraq u demm tagħhom biex taw lill-partitarji ġlieda mill-aqwa. Sfortunatament din il-gwerra ma marritx favur iċ-Ċoqqos, fejn żewġ membri tal-ġurija taw iktar punti lil Marsalek u wieħed liċ- Ċoqqos. B'hekk Marsalek rebaħ dik li tissejjaħ 'Split Decision'. Minkejja d-diżappunt kbir li kellu ċ-Ċoqqos tar-riżultat u ta' kif ħalla l-ġlieda taħrablu minn taħt idejh, huwa kien kemxejn sodisfatt b'ċerti aspetti ta' teknika li rnexxielu juri fil-ġlieda, fosthom il-qalb u l-kuraġġ li wera biex minkejja tliet qasmiet (għajnejh rasu u geddumu) hu baqa' jiġġieled u spiċċa r-rawnds kolla u r-rispett li rebaħ mingħand in-nies tal-qalb li wera. Huwa stqarr li jixtieq jerġa' jagħmel re-match ma' Marsalek u jekk kollox imur ħarir u jfiqulu sewwa l-qasmiet, dawn għandhom jerġgħu jiltaqgħu fis-27 ta' Novembru. Iċ-Ċoqqos xtaq jirringrazzja lill- partitarji kollha tiegħu tas-sapport u l-kuraġġ li jagħmlulu f 'kull taqbida, lill-familja u lill-mara tiegħu tas-sapport fil-ħajja ta' kuljum tagħhom. Huwa xtaq ukoll jagħmel ringrazzjament bħas-soltu lill- isponsors li jgħinuh fil-karriera tiegħu li huma Fort Fitness, Remax Alliance, Virgata Holdings, Printart u Doma Korean Restaurant. illum Il-Ħadd 6 ta' Ottubru 2019 Ma joħroġx rebbieħ iżda juri qalb kbira minn Cristian Antony Muscat Christian 'Ċoqqos' Schembri (Xellug)

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 October 2019