Illum previous editions

illum 12 October 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/396529

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 35

Il-Ħadd 12 ta' Ottubru 2014 | illum 15 Min ħajrek biex toħroġ għal politika? Jien ġej minn familja Laburista fejn Anton Buttigieg kien il-kuġin ta' ommi. Iżda l-familja tiegħi qatt ma kienet involuta b'mod attiv fil-politika. Jien qatt ma mort mass meetings jew kont xi delegat f 'xi kumitat tal-partit. Biex iħajruni għal politika kienu tawni karrotta billi għamluni delegat speċjali fil-kumitat tar-Rabat u meta mort qas biss kont naf fejn hu l-każin tal-Labour. Iżda kien Joseph Muscat li ħajjarni noħroġ għal politika, għax fih rajt bniedem bilanċjat u b'ideat ġodda, taf fejn int miegħu u tista' tkellmu faċilment barra hekk ħassejt li pajjiżna kellu bżonn bidla. Għax jien nemmen li partit m'għandux idum fil-gvern aktar minn 10 snin. Joseph talabni biex ngħinu nibdlu u jien ħassejt li għandi dmir lejn pajjiżi. Li kien għadu ħaj missieri żgur li ma kienx iħallini noħroġ għal politika għax dejjem emmen li fil-poltiika trid titgħawweġ biex togħġob u aħna familja ta' karattru dritt. Qatt emmint li se titla' fil- parlament fl-ewwel kontestazzjoni tiegħek? Le qatt m'emmint li se nitla'. Kont naħseb li se nġib 2,000 vot, il- Labour itella' żewġ siġġijiet u jien nibqa' barra u jien fil-politika nkun biss parti mill-Istorja. X'taħseb li kienet ir-raġuni li tlajt mela? Nofs il-voti li ġibt ġew mill-kamp li kienu jivvutaw lin-Nazzjonalisti. Qatt ma ħassejt li nappella għal- Laburisti akkaniti. Tlajt għax ivvutawli l-Laburisti moderati u dawk li riedu bidla. X'kienet eżatt ir-raġuni tar- riżenja tiegħek minn Segretarju Parlamentari? Fl-10 ta' Marzu filgħodu qomt bil-ħsieb li jien se nkun biss parti mill-Istorja tal-Labour u l-karriera politika tiegħi tispiċċa hemm. Iżda fi ftit sigħat inbidlet l-istorja tiegħi. Tlajt fil-parlament u ftit sigħat wara bagħat għalija l-Prim Ministru Muscat u qalli li kont se nkun parti mill-kabinett. Ġraw wisq affarijiet f 'daqqa u qas kont naf x'qed jiġri. Bħala dekasteru ma kellix għażla. Niftakar li kif ingħatajt id-dekasteru tlabt li nibqa' nipprattika l-professjoni tiegħi. Ma kontx kuntent bid-dekasteru għalhekk bqajt naħdem u nipprattika l-professjoni tiegħi. Li kieku kelli ningħata dekasteru li jgħoġobni nitlaq il-professjoni tiegħi. Kont għażilt li nidħol l-isptar il-Ħadd naħdem fuq bażi volontarja għax f 'dik il-ġurnata kont qisni qed nieħu injezzjoni ta' adrenalina wara ġimgħa naħdem f 'settur li ma kontx kuntent fih. Liema dekasteru tixtieq mela? Min għandu jkun jaf, jaf. Taqbel mal-kodiċi ta' etika li jekk tkun fil-kabinett ma tistax tipprattika l-professjoni tiegħek? Ma naqbilx għax dawk il-kodiċi saru biex jiffavorixxu lill-avukati. Għax avukat jista' jaħdem u ma jidhirx iżda tabib jaħdem fuq pazjent hu u bilfors irid jidher ma jistax jinħeba wara ħaddieħor. Kuntent bis-sitwazzjoni tal-isptar ta' Għawdex? Bħala infrastruttura qed isir ħafna xogħol u hu tajjeb li jsir dan għax jagħmel tajjeb għall-għajn. Iżda l-isptar ta' Għawdex għandu bżonn jgħolli l-kwalità tas-servizz tiegħu. L-isptar hu aċċessibbli għal poplu Għawdxi iżda mhux ta' kwalità. Irridu nqarrbuh għal livell ta' Mater Dei. Il-kirurgi jridu jkunu l-istess ta' Mater Dei billi ikun hemm rotazzjoni tagħhom. Kien importanti ħafna li s-saħħa waqgħet taħt id-dekasteru tal- Ministeru tas-Saħħa ta' Malta għax ma kienx jagħmel sens li s-saħħa ta' Għawdex kien jaqa' taħt il- Ministeru ta' Għawdex. F'Għawdex hemm problema li biex tasal s'għand il-konsulent l-ewwel trid tmur għand tabib tal-familja, meta suppost li l-ewwel tmur għand trainee consultant li jkun qed jitħarreġ biex jispeċjalizza f 'dak is-settur u taħt il-konsulent. Irid ikun hemm skala sħiħa bħal fil-kas tal-Mater Dei. Qegħdin naħdmu fuq dan il-proċess iżda dan irid iż-żmien. Irridu nżidu n-numru ta' trainee consultants ħalli jkunu jistgħu jaħdmu Għawdex. Anke l-poliklinika tinsab fi stat diżastruż. Irid jinbidel il-post tagħha u żżid is-servizzi u dik li hemm tibqa' berġa għax kif inhi mhi klinika xejn. Hemm żewġ żoni aċċessibli u żgur li din trid tkun fejn tintleħaq b'mod komdu bit- trasport pubbliku. Ingħatajt pożizzjoni ta' ċermen ta' bord li jmexxi l-isptar ta' Għawdex. Dan bħala kumpens għax irriżenjajt? Lanqas xejn. Talbuni ngħin fl-isptar ta' Għawdex u aċċettajt. Nagħmlu volontarjament u ma nitħallasx tiegħu għax li nagħmel għal Għawdex nagħmlu minn qalbi. Kif inhi s-sitwazzjoni tal-mard fl-għajnejn f 'Malta mqabbla ma' dik Ewropea? L-aktar li jispikka f 'Malta hi z-zokkor fl-għajnejn. Hemm bżonn jibda jsir 'active screening' billi min ikun ibati bid-dijabete kull sitt xhur irid jagħmel testijiet fuq għajnejh. Għax b'hekk il-gvern jiffranka ħafna flus fil-kura tal- għajnejn meta jkun tard wisq. Dan tajjeb għal pazjent u tajjeb għal gvern. Din is-sistema saret fl- Islanda u fi 13-il sena nies li tilfu d-dawl minħabba d-dijabete naqsu minn 2.5% għal 0.5%. Qed naħsbu biex isir dan u biex żgur naraw li kulħadd jagħmel dawn it-testijiet ikun hemm vannijiet jduru fil- villaġġi jagħmlu t-testijiet. Issib ħin għal familja tiegħek? Mhux kemm nixtieq. Ix-xogħol jitla' fuq rasek. Il-ftit li nagħtihom nara li jkun ħin ta' kwalità. Kull sena nsiefru darbtejn il-familja kollha, fis-sajf u fl-ewwel tas-sena. Imma int issiefer aktar minn darbtejn fis-sena? Tista' tgħidilna fejn tħobb tmur? Minn meta kelli 15-il sena kont immur insegwi lil Juventus meta jilagħbu. Mhux dejjem iżda ħafna drabi. Għandi biljett ta' staġun sħiħ u kif insib iċ-ċans immur narahom. Kont fil-grawnd fit- traġedja ta' Heysel u anke fiċ- Champions League Final f 'Ateni kontra Hamburg. Iżda xi ħaġa li l-ebda Juventin ma jagħmilha hi, li jien għandi ħabib kbir li hu Interist u dan dejjem iġorrni miegħu nara lill-Inter. Fil-fatt meta rebħu l-aħħar Champions League mort nara l-partiti kollha sa ma refgħu t-tazza. Aħna qegħdin 30 Juventin li ħafna drabi niltaqgħu, nieklu ikla tajba Turin u naraw il-partita. Normalment noqgħod biss lejl. Se tikkontesta elezzjoni oħra? Mija fil-mija iva. Naf li hawn min ħareġ xnigħa li ma nerġax noħroġ, iżda definittivament li se nerġa' noħroġ. X'tixtieq tara li jsir f 'Għawdex? Aktar investiment mill-privat. Il-privat irid ikun il-mutur tal-ekonomija Għawdxija. Jien wieħed mill-ixprunaturi favur link permanenti għax hekk biss l-Għawdxi ma jibqax ċittadin tat- tieni klassi. Iż-żgħażagħ Għawdxin qed jitilfu anke promozzjonijiet biex jiġu Għawdex u jkunu qrib il-familja. Kieku jkun hemm link permanenti m'għandhomx għalfejn jitilqu x-xogħol tagħhom f 'Malta biex jgħixu Għawdex. Anke għal uliedi ma narax futur daqshekk sabiħ f 'Għawdex. Jekk iridu jikbru jkollhom jitilqu minn hawn. Tħajjarhom jinvolvu ruħhom fil- politika? Mhux se ninkoraġġihom jekk ma jurux xewqa huma iżda ibni l-kbir jidher li hu miġbud għad-dinja politika. ma kontx kuntent" "Li kien għadu ħaj missieri żgur li ma kienx iħallini noħroġ għal politika" "L-isptar hu aċċessibbli għal poplu Għawdxi iżda mhux ta' kwalità" "Meta l-Juventus rebħu l-aħħar Champions League mort nara l-partiti kollha"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 October 2014