Illum previous editions

illum 12 October 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/396529

Contents of this Issue

Navigation

Page 24 of 35

Il-Ħadd 12 ta' Ottubru 2014 | illum 25 Kummercjali MINN JOHN BUSUTTIL DAN l-aħħar kelli x-xorti li nżur l-Indja. Mort bil-ħsieb li se nara pajjiż ieħor iżda ssorprendejt ruħi, għax l-Indja ma żżuriex iżda tesperjenzaha. L-Indja ma tmurx biex tara l-meravilji li ssawru fiha matul iż-żminijiet, iżda tmur biex tara dinja oħra. Dinja li ma ssibha fuq l-ebda skrin tat-televiżjoni u lanqas qatt se jirnexxilek taqbad l-immaġini tagħha f 'xi skrin diġitali tal-kamera li jkollok. Għax l-Indja trid tgħixha. L-Indja jgħixu fiha 1.2 biljun persuna, għandha 28 lingwa uffiċjali iżda jitkellmu b'400 lingwa differenti, hemm diversi reliġjonijiet bil-Hindu l-aktar popolari. Il-Hindu, Musulmani, Buddisti, Siks, Kristjani u oħrajn jgħixu f 'armonija flimkien u jattendu t-tempji rispettivi tagħhom mingħajr problemi ta' xejn. Interessanti l-fatt li l-Hindu u l-Buddiżmu huma l-aktar żewġ reliġjonijiet antiki u jmorru mijiet ta' snin lil hinn mill-era ta' Kristu. Iżda barra l-monumenti, mawżoleums, palazzi u fortizzi li trid seba' għajnejn biex tarahom, l-Indja hu l-pajjiż li fiha tesperjenza dinja ferm differenti minn dak li qatt rajt jew żort. Jekk mingħalik li tkun taf l-Indja billi tara xi dokumentarju fuq it-televiżjoni tmur ferm żbaljat. Għax l-Indja trid tmur fiha, trid ixxomm ir-riħa tal-baqar, ir-riħa tal- inċens kulfejn tidħol, ir-riħa tal-ħwawar. Tisma' l-ħornijiet li ma jiqfux fit-toroq kaotiċi li jagħmel l-Indja dik li hi. Fit- toroq prinċipali tiltaqa mal- baqar, xadini, ħnieżer, iġmla, klieb, nagħaġ u ħmir, li jgħixu f 'armonija flimkien mal-istess poplu Indjan. Dan il-fatt għall-bidu kien xokkanti għalija, kelli dak li jgħidulu xokk kulturali, iżda aktar ma bdejt inqatta' ġranet hemm aktar bdejt nadatta ruħi għal din il-ħajja. Ħajja storbjuża u kaotika iżda mimlija tbissim. Fl-Indja wieħed jesperjenza l-faqar ta' poplu sempliċi, spiritwali u fejn f 'dawk l-għajnejn kbar u suwed ir-rabja ma titfaċċa qatt. Sinjur jew fqir, iħares lejn il-ħajja b'mod pożittiv. Kulfejn tersaq jilqgħuk billi jpoġġu jdejhom ma' xulxin, ibaxxu rashom, jagħlqu għajnejhom u jgħidulek 'Namaste'. Mhux għax servili iżda kelma li tfisser li qed jilqa' l-ispirtu tiegħek ġo fih. Ħafna huma li jwaqqfuk fit-triq biex jieħdu ritratt miegħek għax il-bniedem abjad għalihom hu attrazzjoni li jkunu jixtiequ jżommu l-laqgħa tagħhom miegħek bħala memorja. Ħafna huma dawk li jiċċassaw lejk, iżda dik parti mill-kultura tagħhom kulma għandek tagħmel hu li titbissmilhom, u jitbissmulek lura. Ħafna ma jiddejqux jekk tgħidilhom li tixtieq teħdilhom ritratt, anzi jippużawlek. Din hi l-Indja fejn ħġieġa biss kienet tifred il-faqar ta' dawk li jgħixu f 'faqar assolut, imdawrin minn miżbla u annimali u l-lussu kbir tal- lukanda Blu Radisson li kont fiha jien fejn faqgħuni bl-ikel bnin tagħhom. Ma stajtx nifhem kif wieħed jista' jaċċetta dan il-faqar fit-toroq prinċipali ta' belt daqshekk vasta u mogħnija b'daqshekk teżori u bini maestuż. It-tweġiba kienet li dawn ma jafux li dawk li jgħixu fis-slums u fit-toroq hekk twieldu u trabbew hekk u ma jafux ħajja oħra barra dik li jgħixu. Qaluli li dik hi l-Indja li tagħmilha differenti minn pajjiżi oħra. It-toroq prinċipali ta' Delhi li fiha jgħixu 16-il miljun abitant jinbidlu litteralment mil-lejl għan-nhar. Mal-lejl jkunu l-kamra tas-sodda għal eluf ta' nies, kollha reqdin fuq ir-rickshaws tagħhom, fuq il-bankini, fuq is-central strips u anke fuq is-soqfa tat- trakkijiet. Malli jibda jbexbex it-toroq jittrasformaw ruħhom f 'dinja vibranti u mimlija ħajja. Dawk li raqdu fit-triq tarahom jinħaslu bil-bramel mimlija ilma u anke jnaddfu snienhom. Flok il-ħoss tal-qanpiena tal- knejjes li mdorrijin bihom fl- Ewropa, fl-Indja wieħed jisma' l-ħoss tal-ħornijiet fejn il-ħorn ifisser li 'jien qiegħed ħdejk u ħallini ngħaddi'. Toroq b'erba' kareġġjati, jinbidlu f 'sitta jekk mhux aktar. Kulħadd għaddej u kulħadd idoqq il-ħorn u kieku tara lil xi ħadd jgħajjar lill-ieħor jew jitmasħan mal-ieħor anke jekk itajru bir-rota jew bil- mutur (u dawn rajthom jien), jieqfu jiġbruh jgħidu żewġ kelmiet u jibqgħu għaddejjin. It-tuk tuks (speċi ta' taxi mutur) jimlew it-toroq fejn sit għal tlieta min-nies jimtela b'sitta, sebgħa u anke aktar. Dak li aħna tant niftaħru bihom aħna l-Maltin, bil- karrozzi tal-linja antiki, huma kapulavur mqabblin ma' dawk Indjani li għandhom żmien minn kważi żmien Kristu, iżda xorta jservu biex iwasslu għad-destinazzjoni tagħhom lill-Indjani li joħonquhom. Dan kollu li jagħmel l-Indja differenti, l-Indja dik li hi. Li min imur hemm darba jkun irid jibqa' jmur. Għax l-Indja hi esperjenza kbira, hi esperjenza spiritwali, b'kultura differenti għal kollox minn dik Ewropea u moderna. L-Istorja Indjana hi waħda rikka, fejn imperaturi u rejiet bi tradizzjonijiet differenti ħallew wirt dinji li huma meravilji tad- dinja. Postijiet bħal Taj Mahal, Amber Fort u oħrajn iħalluk bla kliem. L-esperjenza tiegħi fl- Indja kienet maqsuma fi tnejn. L-ewwel parti esperjenzajt it-triangolu tad-deheb, billi żort Delhi, Jaipur u Agra bit-Taj Mahal ħallieni mmeraviljat u t-tieni parti mort fin-naħa ta' fuq tal-Indja fir-reġjun tal- Bahir fejn twieled Buddha, ġie mdawwal u għamel l-ewwel prietka tiegħu. Hemmhekk esperjenzajt l-omm tax-xmajjar kollha, il-mama Ganga, ix- xmara Ganges. Iżda dwar din l-esperjenza nikteb l-ġimgħa d-dieħla. L-Indja għandha seħer li tħallik għal dejjem taħseb dwarha. L-Indja ħalliet impatt fuqi li ma nistax nispjegah. L-Indja: pajjiż li jsaħħrek Il-karozzi tal-linji u l-baqar ipassu maġenbhom Ritratti: John Pisani

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 October 2014