Illum previous editions

illum 12 October 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/396529

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 35

Il-Ħadd 12 ta' Ottubru 2014 | illum 9 jinstab b'€2000 f 'butu Każ ta' omiċidju Kif il-Pulizija waslitilhom l-aħbar li Renzo Borg seta' kien vittma ta' xi ħadd mhux magħruf u li kollox kien jindika li l-mewt kienet kawża ta' tiri ta' arma tan-nar, issa l-Pulizija kellhom każ ta' omiċidju. Għaldaqstant l-investigazzonijiet għaddew ukoll f 'idejn it-Taqsima tal- Omiċidji fejn beda jinvestiga l-Ispettur Chris Pullicino flimkien mas-Supretendent Neville Aquilina, illum Assistent Kummissarju, l-Ispettur Paul Bond tad- Distrett, illum irtirat mill- Korp u l-Ispettur Joseph Mercieca mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Mill-ewwel ħarġet ordni biex jingħalaq l-aċċess għal Triq il-Ħaġra l-Wieqfa u parti mit-toroq l-oħrajn biex ix- xena tar-reat tkun priservata u ħadd ma tħalla jersaq qabel ma waslu aktar Pulizija fosthom dawk tal-Forensika. Il-Pulizija eżaminaw il- karozzi li kienu fil-qrib u fosthom sabu karozza bajda Mazda 323 li l-magna tagħha kienet għadha sħuna. Irriżulta li l-karozza kienet ta' Renzo Borg. Idoqq il-mobile Meta l-Pulizija fetħu l-karozza ta' Borg biex jaraw isibux xi ħjiel li seta' jgħinhom fl-istħarriġ, fost l-oġġetti li sabu kien hemm il-mobile tal-vittma u ammont ta' droga. Sakemm il-Pulizija kienu għadhom fuq il-post, il- mobile ta' Borg daqq darbtejn. Filwaqt li fl-ewwel telefonata min ċempel identifikat min kienet, li rriżulta li kienet persuna li kienet taf lil Borg, fit-tieni telefonata meta min ċempel staqsa min kien qed jirrispondi u sar jaf li kienu l-Pulizija, dan qata' l-linja. Għaldaqstant il-mobile ngħata f 'idejn l-espert tal- Qorti biex ikun eżaminat u jidentifika mhux biss min kien dak li ċempel, iżda wkoll is-sejħiet li rċieva u li għamel il-vittma dakinhar u fil-jiem ta' qabel. Ammont sostanzjali ta' flus Meta l-Pulizija eżaminaw il-ħwejjeġ li kien liebes Borg, f 'wieħed mill-bwiet tiegħu nstabu madwar €2,000 fi flus kontanti. Dan il-fatt kompla saħħaħ it-teżi tal-Pulizija li qtil kien wieħed ippjanat u l-għan ewlieni kien li Borg jiġi eliminat darba għal dejjem. Minkejja l-ammont sostanzjali ta' flus kontanti li kellu fuqu l-vittma, il-qattiel ried biss joqtlu u mhux jisirqu. Kien għalhekk li l-investigazzjonijiet komplew jikkonċentraw fuq traffikar ta' droga u użura b'enfasi aktar fuq in-negozju ta' droga. Il-Pulizija kienu għamlu tfittxija intensiva fl- appartament li kellu jmur fih Borg. Hemmhekk ma kienu sabu lil ħadd iżda elevaw droga u diversi oġġetti relatati mat-traffikar u l-abbuż tad- droga. Barra dawn l-oġġetti, il-karozza tal-vittma wkoll ittieħdet lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar eżamijiet forensiċi bit-tama li l-qattiel seta' għamel kuntatt mal-karozza ta' Borg. Sorsi qrib l-investigaturi qalu li minħabba l-ammont ta' droga kokaina li nstabet fl- appartament li kellu Borg fil- blokk Old Trafford, kif ukoll ammont ieħor fil-karozza tiegħu, komplew saħħew din it-teżi li dan kien qtil ippjanat. Fil-jiem u ġimgħat ta' qabel il-qtil ta' Renzo Borg, il-Pulizija mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga kien għamlu diversi arresti fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra. Kalibru żgħir L-inkjesta Maġisterjali f 'dan il-każ tmexxiet mill-Maġistrat Dr Miriam Hayman li mexxiet l-aċċess fuq il-post. Hija ħatret diversi esperti fosthom lill-Brigadier Maurice Calleja, il-Perit Richard Aquilina, it- Tabib Forensiku Mario Scerri u s-Seroloġista Marisa Cassar flimkien mal-Uffiċjali tax- Xena tar-Reat. Meta saret l-awtopsja fuq il- katavru ta' Borg, il-patoloġisti kkonfermaw li l-vittma kellu żewġ toqbiet żgħar f 'dahru. Huma sabu wkoll iż-żewġ balal li kienu sparati mill-qrib u li dawn kienu ta' kalibru żgħir, .22mm, tant li daħlu imma ma ħarġux. Waħda mill-balal instabet qrib il- qalb u l-oħra ftit 'il bogħod li kkawżaw emoroġija interna. Mar jiġbor xi flus L-investigaturi f 'dan il-każ baqgħu jimxu fuq it-teżi li Renzo Borg inqatel jew minħabba traffikar ta' droga, fejn negozju seta' mar ħażin, jew minħabba użura jew it- tnejn flimkien. L-istess investigaturi jemmnu li Renzo Borg mar ix-Xemxija biex jiltaqa' ma' xi ħadd biex jitħallas. Il- Pulizija ma jeskludux li dawn il-flus setgħu kienu ġejjin minn traffikar ta' droga. Għaldaqstant il-qattiel jew qattiela kienu fost dawk li kellhom jagħtuh il-flus minn dan in-negozju. "Fejn tidħol l-użura jew dejn kbir, l-aktar jekk ġej minn traffikar ta' droga, ma tagħmilx sens li l-vittma jinqatel għax ikollu jagħti l-flus, imma għax ikollu x'jiġbor," qalilna sors qrib il-Pulizija li għandu esperjenza kbira f 'numru ta' investigazzjonjiet ta' użura. Sid ta' ristorant Renzo Borg kien diġà għadda minn inkwiet ieħor. Huwa kien sid tar-ristorant u bar 'Strawberry Grove' li kien jinsab fi Triq il-Mazzola fil- Qawra. Illum dan in-negozju nbidel u anke l-isem inbidel. Borg, flimkien ma' xi sħab, kellhom ibigħu n-negozju malajr bl-irkant madwar tliet xhur qabel ma Renzo Borg inqatel minħabba li kienu nstabu ħatja ta' negliġenza u kienu ordnati jħallsu s-somma ta' madwar €66,000 lil tfajla li tmin snin qabel, meta kienet għadha tifla żgħira, sofriet ġrieħi gravi. It-tfajla kienet tilfet partijiet mis-swaba meta kienet qed tilgħab ma' ħbieb tagħha qrib it-taraġ tar-ristorant u qasrija waqgħet fuqha. Il-Qorti kienet ordnat li s-somma flus kellha titħallas fi żmien ġimagħtejn. Barra minn hekk kien irriżulta wkoll li Borg kellu wkoll ammont sostanzjali ta' dejn li kien ilaħħaq l-eluf ta' ewro. Fil-fatt fl-2005 Borg kien tressaq il-Qorti meta kien naqas li jħallas madwar €233,000 li kien iddejjen minn wieħed mill-banek lokali. Sena qabel kien ukoll akkużat b'serq ta' madwar €3,500 f 'elettriku li ntuża fir- ristorant 'Strawberry Grove' għad-danni tal-Korporazzjoni Enemalta. Appell Bħalma qed nagħmlu ma' kull storja ta' delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. Il-bieb tal-appartamenti Old Trafford Flats fejn kien dieħel il-vittma Ritratti: John Pisani Triq il-Ħaġra l-Wieqfa fejn inqatel Renzo Borg

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 October 2014