Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/728391
J iġu mumenti fejn il- bandiera bajda u ħamra għandha tirbaħ fuq kull kunsiderazzjoni partiġġjana oħra. Jiġu mumenti fejn ikun mitlub minnek li tagħmel dak li hu tajjeb għal pajjiżna u turi li inti matur politikament u li għandek għal qalbek lil Malta u dak li tirrappreżenta. Il-vot fil-Parlament Ewropew dwar Leo Brincat, Malti bħalek u bħali, kien wieħed minn dawn il- mumenti. Il-Partit Nazzjonalista vvota kontra Malti f 'forum internazzjonali u ħadem biex Malti jeħel mill-eżami tal- Parlament Ewropew. F'dan it-test, il-Partit Nazzjonalista għażel li jarmi fil-landa tal-iskart l-interess nazzjonali quddiem il- barranin u jpoġġi fiċ-ċentru, l-interess partiġġjan. Għadni ma ltqajtx ma' persuna waħda li hi waħda, indipendentement mit- twemmin politiku, li qaltli li l-Partit Nazzjonalista mexa tajjeb fil-kwistjoni Brincat jew li għamel sewwa. Hemm fatturi oħrajn li iktar ikabbru d-dnub kontra pajjiżna quddiem il-barranin tal-Partit Nazzjonalista. L-ewwel nett. Il-persuna nnifisha- Leo Brincat. Jekk hemm bniedem fil-politika li minkejja karriera twila ta' iktar minn 30 sena fil- Parlament qatt ma tebba' l-integrità u l-isem tiegħu, dan hu Leo. Leo kien Segretarju Parlamentari u iktar tard Ministru responsabbli minn diversi oqsma diffiċli u kontroversjali u qatt ma naf li xi ħadd qal nofs ta' kelma fuq ħmieġ jew korruzzjoni fejn jidħol hu. Fuq policies u deċiżjonijiet s'intendi wieħed jista' jaqbel jew ma jaqbilx fuq kollox bħalma wieħed jista' jaqbel jew ma jaqbilx mad- deċiżjonijiet li nieħu jien stess bħala Ministru, iżda żgur li ħadd ma jista' jgħid nofs ta' kelma kontra l-integrità ta' Leo Brincat. Anke fejn tidħol preparazzjoni. Forsi aħna għandna memorja qasira imma Leo fil-karriera politika tiegħu għamel id-differenza fejn jidħol skrutinju tan- nefqa pubblika. Biżżejjed insemmi kif fiż-żmien qasir li kien Ministru tal- Finanzi mexxa 'l quddiem liġijiet li saħħu l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u kif, fl-Oppożizzjoni, kien Chairperson impekkabbli tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament. Għalhekk ma kontx nara persuna iktar addattata minn Leo biex jagħmel ġieħ mhux biss lil Malta imma anke lill-Ewropa fil-Qorti tal- Awdituri. It-tieni nett. Kif ġabu ruħhom l-esponenti tal- Partit Nazzjonalista? Ma tridx tkun professur biex tinduna li fi Brussell, in-Nazzjonalisti bdew jirreċtaw li se jagħmlu dak li kien mistenni minnhom fil-konfront ta' Malti bħali u bħalek, iżda minn taħt imminawh bl-addoċċ. Tant li kien hemm esponenti li ġurnata minnhom għaddejjin jagħmlu r-retweets fuq it-twitter account ta' Leo favur tiegħu u ġurnata wara joħorġu jgħidu li jistħu li huma Maltin taħt il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat. It-tielet nett. Kif konna ġibna rwieħna aħna fl-istess pożizzjoni? Nibdew minn hawn. Simon Busuttil ħareġ jgħid li huwa jkun lest li jappoġġja n-nomina tal-Awditur Ġenerali jew l-Ombudsman flok Leo. Mela qed jgħid li hu jkun lest li jappoġġja kull Malti basta ma jkunx b'xi mod assoċjat mal-Partit Laburista. Rewind ftit snin u naraw lil min kienu nnominaw tal- Partit Nazzjonalista b'Simon Busuttil midħla sew fih għall-Qorti tal-Awdituri: l-eks Ministru Josef Bonnici u l-eks Ministru Louis Galea. Mela Josef Bonnici u Louis Galea setgħu jiġu nominati għall-Qorti tal-Awdituri u Leo Brincat ma setax jiġi nominat, skont Simon Busuttil. Terġa' kemm meta ġie nominat Bonnici u kemm meta ġie nominat Galea, il-Partit Laburista kien ra l-interess nazzjonali u għen kemm felaħ lil dawn iż-żewġ Maltin bħali u bħalek biex jinħatru fuq il-Qorti tal- Awdituri u jagħmlu ġieħ lil pajjiżna. L-istess meta kien imiss lill-eks viċi Prim Ministru Tonio Borġ biex jinħatar Kummissarju wara l-każ John Dalli. Dakinhar ukoll, il-Labour seta' jgħid ħafna affarijiet dwar Tonio Borġ u l-pożizzjonijiet tal- għanqbut kontra l-LGBT iżda m'għamilx hekk. Għenu kemm felaħ biex inħatar Kummissarju u jagħmel ġieħ lil pajjiżna. Nawgura lil Leo, li wara kollox ġie approvat mill- Kumitat tal-Parlament Ewropew li l-iktar ikollu x'jaqsam ma' dan il-qasam, li jiġi approvat mill-Kunsill Ewropew u jibda l-ħidma tiegħu ma jdumx. M'għandix dubju li Leo se jagħmel ġieħ lil Malta bl-integrità, ħila u kapaċità tiegħu. Malta l-ewwel u qabel kollox. Dejjem. Ċedoli sigrieti Simon Busuttil reġa' għamilha! Nhar il-Ħadd li għadda f 'intervista li fiha rnexxielu jiġġieled ma' nies li f 'pajjiżna jħaddmu eluf ta' persuni u qalleb ras kulħadd jipprova jifhem x'inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar l-ambjent vis à vis il-fishfarms u l-Programm ta' Ċittadinanza b'Investiment ta x'jifhem li mill-iskema Ċedoli, il-Partit Nazzjonalista ġabar tliet miljuni li qabel ma kellux u li webbel lill-partitarji tiegħu b'elezzjoni malajr. U s'intendi, mill-ewwel reġa' tefa' l-ispotlight fuq l-iskema skandaluża u korrotta ta' Ċedoli sigrieti. B'differenza: li issa mhux qed nitkellmu fl- arja imma dwar – jekk dejjem għandna nemmnu li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni – flus li ddaħħlu fil-but tal-Partit Nazzjonalista. Qed ngħid dejjem jekk għandna nemmnu li qal il- Kap tal-Oppożizzjoni għaliex mill-impressjoni li ħadt minn intervista li Simon Busuttil ta lil Lovin Malta, ma kienx hemm attwalment influss qawwi ta' flus ġodda, imma bidla ta' djun antiki li diġà kellu l-Partit Nazzjonalista f 'ċedoli. Però l-fatt li ħadd ma jaf eżatt huwa l-aqwa eżempju tal-għaliex il-Partit Nazzjonalista qed jimxi b'mod inaċċettabbli. Qas laħqet nixfet il-linka fuq il-liġi tal-finanzjament tal- Partiti – li daħħalnieha wara 25 sena ta' tkaxkir tas-saqajn – li l-PN ma għamilx ħiltu kollha biex jevadi u jumilja l-istess liġi li vvota favur tagħha. Kif dejjem ngħid, bit-tpaċpiċ tista' tgħid ħafna affarijiet, imma bil-fatti tagħmel id- differenza. It-trasparenza mhijiex lussu li jużah Simon Busuttil meta jaqbillu biss. Kull ġurnata li tgħaddi fejn fiha l-PN jibqa' jopera sistema ta' dejn sigriet u mhux garantit, ikompli jikkonferma li l-PN huwa maħtuf minn klikka egoista – kif intqal minn esponenti tal-PN stess - ta' interessi li jien, inti u kulħadd ma jafux min huma għax moħbija. Il-Ħadd 18 ta' Settembru 2016 | illum Opinjoni 17 OWEN BONNICI "Għadni ma ltqajtx ma' persuna waħda li hi waħda, indipendentement mit-twemmin politiku, li qaltli li l-Partit Nazzjonalista mexa tajjeb fil- kwistjoni Brincat jew li għamel sewwa" Malta l-ewwel u qabel kollox. Dejjem.