Illum previous editions

illum 18 September 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/728391

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 35

Aħbarijiet 5 Il-Ħadd 18 ta' Settembru 2016 | illum L-umiljazzjoni ta' Leo: Tradiment jew falliment? Minn Albert Gauci Cunningham KIEN hemm min sejjaħlu 'tradiment'. Kien hemm min sejjaħlu 'falliment'. Kien hemm min qal li tort ta' Muscat, u oħrajn li qalu li tort ta' Busuttil. Iżda x'messaġġ verament intbagħat bid-disfatta Maltija fil-Parlament Ewropew? U, strettament minn angolu politiku lokali, min għamel vittorji u min tilef? Il-poplu hawn barra, lil hinn mid-Dar Ċentrali u lil hinn mill-Kwartieri x'qegħdin jgħidu? Jimpurtahom mill-kandidatura ta' Brincat? Jew din hi kwistjoni lil hinn mill-interess dirett tagħhom. B'maġġoranza ta' 381 Membru Parlamentari Ewropew kontra l-kandidatura ta' Brincat, l-ILLUM tħares lejn ir-ramifikazzjonijiet politiċi ta' dan l-episodju mhux wisq pjaċevoli għall-immaġini politika ta' pajjiżna u kif se jaffetwa direttament, liż-żewġ partiti politiċi ta' pajjiżna. Il-każ Panama mhux se jorqod... Il-każ Panama, jitgħatta kemm jitgħatta b'saffi ta' aħbarijiet pożittivi, ċifri, statistiċi, riklami, miżuri, laqgħat tal-massa u attentati ta' dehriet li jippruvaw jibnu immaġgini pożittiva tal-Ministru Konrad Mizzi, mhux se jorqod. Dan mhux qed ngħiduh illum, imma għidnieh lura fil-ħarġa tal-ILLUM nhar il-Ħadd 10 ta' April li għadda meta f 'analiżi dwar il-każ Panama, konna elenkajna l-ħames għażliet li kellu quddiemu Joseph Muscat. Dakinhar konna prevedejna li l-Gvern se jmur għall-ewwel għażla, jiġifieri dik li jħalli l-kwistjoni tmut sakemm tintesa'. Dakinhar konna ddeskrivejna din l-għażla bħala "l-agħar waħda u l-iktar waħda elettoralment riskjuża...r-riskji li l-Gvern jagħżel li jħalli l-kwistjoni tmut u forsi jinsew in-nies huma kbar u jistgħu jgħarrqu miflok jirranġaw is-sitwazzjoni." L-ILLUM kienet elenkat għażla oħra, jiġifieri dik li l-Gvern ta' Muscat idawwar l-attenzjoni fuq is-suċċessi ekonomiċi u jittama li dan ikun biżżejjed biex itaffi ftit mill-każ Panama. F'dik l-analiżi konna għidna li din l-għażla tista' tkun effettiva, għalkemm xorta hija waħda riskjuża. Ħames xhur wara, issa huwa pruvat bl-aktar mod ċar li l-każ Panama, mhux se jorqod, u issa mhux talli waqaf mal-kosta ta' pajjiżna, talli wasal fl-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Gvern ta' Muscat se jkollu, irid jew ma jridx, jibqa' jiffaċċja oppożizzjoni riżoluta li tibqa' kontinwament u b'persistenza tqanqal il-każ Panama, li għall-PN huwa bħal baqra li se tibqa' tipproduċi l-ħalib ad eternum. Forsi vera, il-każ Panama ma waqqax Gvernijiet u forsi vera wkoll li l-popolarità ta' Muscat baqgħet ogħla minn ta' Busuttil. Imma kif jgħidu bit-Taljan, tardare si, scappare no u bil-Malti ngħidu l-ġarra, ġejja u sejra fl- aħħar tinkiser. Mingħajr l-azzjoni immedjata li tieqaf titratta persuna bħala politikament indispensabbli, il-każ Panama se jibqa' jsawwat lill-Partit Laburista u l-ingassa se tkompli tissikka. Fid-dawl tal-fatt li l-każ li fih huwa mdaħħal hu, qiegħed kontinwament u b'persistenza jimbarazza lill-kollegi tiegħu, issa anke fuq livell Ewropew, Konrad Mizzi ma jifdallu ebda għażla ħlief li b'rispett lejn dawk ta' madwaru jirrinunzja kull pożizzjoni li għandu fil-Kabinett. X'inhuma l-implikazzjonijiet politiċi tal-vot dwar Brincat? Il-PN tradixxa lill-pajjiż, jew il-PL żebilħu minħabba l-każ Panama? L-ILLUM tanalizza Tkompli f 'paġna 6 u 7

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 September 2016