Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/728391
illum | Il-Ħadd 18 ta' Settembru 2016 Aħbarijiet 10 Il-ħajja hija d-dritt ta' kull annimal L-ILLUM tiltaqa' ma' tliet żgħażagħ li għall-imħabba lejn l-annimali ma jieklux laħam, tiġieġ, ħut, bajd, ħalib… Minn Ruben Anthony Xuereb "LI tkun tkun vegan ifisser li tmur kontra kull qtil ta' annimali biex jittieklu, kif ukoll kontra l-konsum ta' prodotti li ġejjin mill-annimali," tgħid Magdalena Tsapos, fundatriċi tal- grupp Vegan Malta, "għax il-ħajja hija d-dritt fundamentali ta' kull annimal." L-ILLUM tiltaqa' ma' tliet membri tal- NGO Vegan Malta, Magdalena Tsapos, Chris Borg u Leila Scott li tkellmu ma' din il-gazzetta dwar x'wassalhom jieqfu jieklu laħam, b'rispett għall-ħajja tal-annimali u bi protesta kontra l-mod krudili kif dawn jiġu mrobbija u maqtula sabiex isiru ikel. Ħafna nies hawn Malta għandhom il-kultura u l-mentalità li l-annimali ġew maħluqin min Alla sabiex jittieklu mill-bniedem. Għal dan, Magdalena kella risposta pronta, hekk kif qalet li anke wieħed mill-kmandament jgħid 'La toqtolx' u mkien ma jispeċifika li qed jgħid għall-bnedmin biss. Hija żiedet tgħid li kieku Alla ħoloq l-annimali biex jinqatlu u jittieklu mill-bniedem, għaliex ħoloqhom b'emozzjonijiet u l-kapaċità li jħossu, jħobbu u jbatu? Hawn min saħansitra għadu jaħseb li jeżisti xi mod 'uman' kif jinqatlu l-annimali. It-tliet vegans li tkellmu mal-ILLUM qalu li mod 'uman' għall- qtil huwa paradoss li ma jeżistix. Chris Borg saħaq li "dak li huwa ħażin, dejjem ħażin u m'hemmx skuża għalih." Ma' dan, Leila Scott żiedet tgħid "Li dak li ma tridx li jsir lilek, mhu tajjeb li jsir lil ħadd, għaldaqstant m'hemm ebda skuża għal qtil tal-annimali." "Hawn Malta hawn ħafna nies li jħobbu l-annimali u jsostnu li huma favur id-drittijiet tagħhom," qalet Leila, "imma jekk wieħed vera jħobb id- drittijiet tal-annimali, irid jieqaf jikolhom u juża prodotti derivati minnhom, għax il-ħajja hija l-ikbar dritt li rridu nirrispettawlhom." Chris qal b'dispjaċir li f 'Malta għad hawn nuqqas kbir ta' edukazzjoni fejn jidħol il-qtil tal-annimali biex jiġu kkunsmati għall-ikel u li hemm bżonn li l-poplu jkun konxju mill-proċess krudili li jgħaddu minnu l-annimali sabiex isiru ikel, jew jiġu prodotti ħalib u bajd minnhom. Leila żiedet tgħid li parti oħra mill- iskop ta' Vegan Malta, huwa li jeduka u jagħti informazzjoni dwar ingredjenti mhux derivati mill-annimali, li jistgħu jintużaw f 'riċetti, mingħajr dawn ma jitilfu xejn mit-togħma u lanqas mill- valur nutrittiv tagħhom. Għal min jaħseb li dawn il-prodotti mhux faċli li jinkisbu f 'Malta, is-sit ta' Vegan Malta u l-paġna ta' Facebook tagħhom, turi mappa ta' ħwienet madwar Malta li jbiegħu varjetà ta' prodotti vegan. "M'hemmx bżonn noqtlu annimali biex nieklu u ngħixu ħajja sana," tgħid Magdalena. 'Konsum ta' laħam aħmar jista' jikkaġuna l-kanċer' Il-vegans isostnu li għas-saħħa tal- bniedem, il-konsum regolari ta' laħam aħmar jikkontribwixxi għal numru ta' każi ta' kanċer li hawn illum il-ġurnata, u dan skont kliemhom huwa kkonfermat ukoll mill-Organizzazjoni Dinija tas- Saħħa (WHO). B'dieta vegan, l-istess prodotti tal-ikel jistgħu jiġu mibdula b'mod li jużaw ingredjenti mhux derivati mill-annimali, bħal soy, tofu u sietan, kif ukoll fażola, legumi u varjetà ta' ħaxix, li apparti li jirrispettaw il-ħajja tal-annimali, huma aktar sani u nutrittivi mil-laħam, skont it-tliet vegans li tkellmu mal-ILLUM. Leila spjegat kif anke t-tisjir ta' ħelu b'mod vegan ma jitlef xejn mit-togħma tajba, hekk kif minflok bajd u ċikkulata tal-ħalib, tintuża ċikkulata sewda u banana u meraq tat-tuffieħ flok bajd biex tgħaqqad it-taħlita. Ħafna jgħidu li l-prodotti vegan huma wisq proċessati Kritika li ta' spiss jaqilgħu l-vegans dwar il-prodotti sostituti tal-laħam hija li dawn magħmulin minn soya proċessata u għaldaqstant ipoġġu fid-dubju kemm dawn fil-fatt huma tajbin għas-saħħa. Kuntenti li ġew mistoqsijin dan, il-vegans spjegaw kif filwaqt li bħal kull tip ieħor ta' ikel, wieħed għandu jagħzel prodotti tas-soya mmarkati bħala organiċi u mhux ġenetikament modifikati, tajjeb li jiġi nnutat li 98% tal- baqar u t-tiġieġ fid-dinja li jinqatlu għall- ikel, ikunu mitmugħa ġwież magħmul minn soya proċessata, u għaldaqstant, il-laħam ikun mimli bis-sustanzi derivati minnha, li dawk li jieklu l-laħam, finalment jispiċċaw biex jikkunsmaw. L-industriji tal-laħam, ħalib u bajd iħammġu l-immaġini vegan Fiż-żminijiet tal-lum, l-industriji tal-laħam, tal-ħalib u tal-bajd huma fost l-iktar li għandhom poter fuq l-ekonomija dinija u għaldaqstant għandom il-finanzi u l-influwenzi sabiex jagħmlu minn kollox biex iħammġu l-immaġini ta' dieta u stil ta' ħajja vegan. Dan, skont il-vegans, huwa għaliex dawn l-industriji ma jridux lin-nies jiftħu għajnejhom u jkunu konxji tal-atroċitajiet li hemm wara l-qtil tal- annimali għall-ikel u għall-produzzjoni tal-ħalib u tal-bajd. Infatti, Magdalena qabblet dawn l-industriji ma' dawk taż-żejt, li minkejja li llum jeżistu sorsi ta' enerġija nadifa u alternattiva bħal xemx, riħ u ilma fost l-oħrajn, il-poter tagħhom xorta jinfluwenza d-dinja sabiex dawn il- metodi alternattivi jinżammu lura milli jiproggressaw, purament għal raġunijiet finanzjarji. Chris u Leila żiedu jgħidu li minbarra l-moħqrija u l-qtil dirett tal-annimali, dawn l-industriji ma jridux li n-nies ikunu jafu bl-ammont ta' ħsara ambjentali li qed jagħmlu lill-pjaneta. Ħsarat bħall-eċċess ta' art li tinqered biex fiha jinżamm l-ammont kbir u mhux naturali ta' annimali, u l-ammont ikbar ta' art li tintuża biex jitkabbar l-ikel għall-għalf, li ironikament ħafna minnhu huwa soya. L-ammont eċċessiv ta' ilma li jikkunsmaw l-annimali u l-eskrementi tagħhom ukoll huma ta' detriment għall- ambjent globali. Ikla Vegan ma' Magdalena Tsapos, Chris Borg u Leila Scott minn Vegan Malta Għal aktar informazzjoni dwar Vegan Malta żur is- sit tal-grupp http://www.veganmalta.org Fuq dan is-sit, wieħed jista' jitgħallem aktar dwar il-grupp u t-twemmin tagħhom favur id-dritt tal- ħajja tal-annimali, kif ukoll isib numru ta' riċetti vegan u mappa ta' postijiet f 'Malta fejn jistgħu jinxtraw ingredjenti tal-ikel li mhux derivati mill-annimali.