Illum previous editions

illum 18 September 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/728391

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 18 ta' Settembru 2016 | illum Vetturi 23 FTIT tal-ġranet ilu ntlagħbet il-logħba tal-futbol bejn it-tim nazzjonali Malti u dak Skoċċiż. Filwaqt li kienu ħafna li lmentaw fuq ċertu deċiżjonijiet żbaljati li ħa r-referee, żgur li ħadd ma jista' jgħid li t-tim Malti kien kapaċi jew kien ħaqqu jgħeleb lit-tim Skoċċiż. Fil-verità, kulħadd jaf li fejn jidħol futbol, kemm it-tim nazzjonali kif ukoll it-timijiet lokali dejjem urew li kienu medjokri u batuti meta kkumparati mal-kumplament tad-dinja, u dejjem iklassifikajna fil-qiegħ tal-lista. L-iskuża li aħna żgħar ġiet imxejna meta rajna s-suċċess ta' timijiet nazzjonali żgħar bħal dawk tal-Iżlanda u Wales. Mill-banda l-oħra, malli xi tim Malti jagħmel imqar pass wieħed 'il quddiem li jitqies bħala sodisfaċenti, f 'daqqa waħda naħsbu li lħaqna s-sema b'idejna u li ħadd ma jista' għalina. Mur ġibna kieku xi darba kelna nirbħu t-tazza tad-dinja. Il-Eurovision huwa ħaġa oħra li hawn Malta, trid jew ma tridx, tisma' fuqha. Minn ġimgħat qabel ma jkun biss ġie deċiż min ser jirrapreżenta lil Malta, jiġu dedikati programmi sħaħ fuq l-istazzjonijiet lokali kemm tat-televiżjoni u kif ukoll tar-radju. Meta l-kantant jew kantanta tintgħażel, wiċċ din il-persuna tibda tarah f 'kull rokna ta' Malta u d-diska rebbieħa tifqalek is-sentimenti. Fil-ġranet tal-Eurovision, ikun hawn tensjoni u asspettativa daqslikieku ġejja xi elezzjoni ġenerali. Min hu anzjuż u fiduċjuż li Malta din id-darba se tirbaħ, u min jigdem difrejh jittama li Malta tmur ħażin li ma jmurx is-suċċess tal- kantanta jnessi xi skandlu politiku. Mal-mument li nsiru nafu li Malta tilfet kull tama li tirbaħ, nibdew insibu kull skuża u analiżi filwaqt li kulħadd isir espert u opinjonist. Mal-wasla tal-kantant jew kantanta fl-ajruport, dejjem ikun hemm folla numeruża tistenna waqt li l-kameras tal- media lokali u l-intervisti ma jonqsux. Għalkemm din is-sezzjoni tal-gażżetta m'għanda xejn x'taqsam mal-logħob tal- ballun jew il-kant, inħosni ċert li kull min qiegħed jaqra dawn il-kummenti jaf fuq xiex qiegħed nitkellem. Tkun jew ma tkunx dilettant tal-ballun jew tal-Eurovision, trid jew ma tridx se tisma' fuq kull mezz ta' komunikazzjoni fuq il-prestazzjonijiet tat-tim tal-futbol Malti u tal-kantanti. Mill-banda l-oħra, jekk insemmi isem bħal Duncan Micallef, ftit huma dawk li jkunu jafu min hu. Programmi bħal Xarabank ma ddedikawx programmi sħaħ fuqu u t-tim tiegħu qabel u wara li siefru. Ma kienx hemm għexiren jew mijiet ta' nies jistennewhom l-ajruport malli jaslu bil- camera persons jiġru warajhom forsi mqar jirnexxielhom jieħdu kumment. Ftit huma dawk il-kumpaniji li se jagħżlu lil Duncan biex jirreklama xi prodott minn tagħhom u niddubita jekk qatt hux se jiġi mogħti Ġieħ ir-Repubblika. Għal dawk li ma jafuhx, Duncan Micallef huwa sewwieq fl-isport tad-drag racing li flimkien mat-tim tiegħu, mhux biss għamel suċċess lokalment iżda kiser rekords Ewropej. Ironikament, fl-istess żmien li t-tim Malti kien qiegħed jaqla' tkaxkira mingħand it-tim Skoċċiż, Duncan sar l-iktar sewwieq veloċi tad- drag racing fl-Ewropa fejn laħaq veloċità ta' 312-il mil fis-siegħa filwaqt li ħa 3.89 sekondi biex saq id-distanza ta' elf pied. Apparti hekk, Dancan għamel l-aħjar ħin li qatt sar fit track ta' Santa Pod ġewwa r-Renju Unit. Filwaqt li fil- futbol u fil-Eurovision, Malta sempliċiment tipparteċipa u nissodisfaw irwieħna jekk imqar ma niġux l-aħħar, f 'dan l-isport Malta għamlet suċċes kbir, kisret ir-rekords u ħalliet timijiet ġejjin minn pajjiżi ħafna ikbar iħokku rashom. Id-Drag Racing mhuwiex l-uniku sport fejn Malta għamlet suċċess. Ismijiet bħal Aaron Ciantar ukoll għamlu ġieh lil Malta fejn jidħol il-kampjonat dinji tal-power boats ftit taż-żmien ilu. Fejn jidħlu 'hill climbs', 'off road' jew ġiri tat-trakkijiet, Malta ħafna drabi wriet li kemm fejn jidħol sewqan u kif ukoll bini u armar ta' karozzi, il-livell iħabbata sewwa ma' dawk tal- ġirien Ewropej tagħna, kemm meta l-attivitajiet isiru f 'Malta, kif ukoll barra. Kull fejn ipparteċipa l-Malti fil-qasam tal-motorsport, dejjem kellna riżultati li mhumiex biss tajbin għal gżira żgħira, izda jagħmlu kwalunkwe pajjiż kbir kburi. Hija ħasra li dokumentarji u programmi fuq it-televixin, 'magazines' jew sezzjonijiet minn gazzetti ddedikati lejn il- karozzi li jkunu kreati f 'Malta, ħafna drabi jservu biss bħala pjattaforma biex jiġu rreklamati vetturi ġodda filwaqt li diversi ġurnalisti u fotografi minn magażins rinomati fl-Ewropa jiġu f 'pajjiżna u jiddedikaw paġni sħaħ fuq proġetti u ġawhriet li hawn f 'garaxxijiet Maltin. Huwa inkredibbli kif ħafna drabi titkellem ma' dilettanti tal-karozzi minn pajjiżi Ewropej u jispjegawlek kif Malta hija meqjusa bħala bejta ta' karozzi modifikati u klassiċi li aħna stess anqas biss inkunu nafu bihom. Il-problema li għandna f 'Malta hija li l-karattru tagħna mhuwiex sod biżżejjed biex nidentifikaw l-identità tagħna, ngħarfu fiex aħna tajbin verament u nidderieġu l-enerġija tagħna fuq dak li jista' jiksbilna suċċess. Jekk wieħed jara pajjiżi li huma relattivament żgħar fejn tidħol popolazzjoni meta mqabbla mal-ġganti Ewropej, jinduna li għax investew f 'dak li huma tajbin fih, kisbu suċċess mondjali. Pajjiżi bħall-Finlandja, l-Iżlanda, l-Iskozzja u Wales iproduċew leġġenda wara l-oħra fis- sewqan speċjalment fejn jidħol il-'World Rally Championship'. Sewwieqa minn dawn il-pajjiżi sabu l-appoġġ sħiħ minn pajjiżhom, ġew kreati skejjel biex jgħallmu lis-sewwieqa ta' dan l-isport sa minn età żgħira, kellhom spazju fejn jipprattikaw filwaqt li l-media tagħtihom l-attenzjoni li jistħoqqilhom. Diffiċli biex tispjega minn fejn ġiet din il-passjoni għall-inġenji f 'Malta, u forsi loġikament ma tantx tagħmel sens, però l-fatt jibqa' li hemm qasam fejn il-Maltin huma verament tajbin fih u minflok ngħinuhom, qegħdin intuhom bis-sieq. Kieku mqar niddedikaw nofs l-ammont ta' attenzjoni u finanzi li naħlu fuq il-futbol u l-Eurovision, u ninvestuh fil-Motorsport, jiena ċert li jrendi ħafna iktar frott. Ma nemminx li l-media turi dak li jixtieq il-poplu, iżda nara li iktar huwa każ fejn il-poplu jiġi mmanipulat biex iħobb dak li tisfurzah tara l-media. Li kieku l-'motorsport' jingħata iktar prominenza fl-aħbarijiet sportivi u programmi ta' diskussjoni, jiena ċert li l-interess jiżdied bħalma żdied l-interess fil-Eurovision li f 'ħafna pajjiżi oħra ma jagħtuh importanza ta' xejn. Apparti hekk, irrelevanti mir-riżultati li jinkisbu, id-dilettanti tal- Motorsport, li huma pjutost numerużi, għandu jkollhom id- dritt u l-ispazzju li jipprattikaw l-isport favorit tagħhom bħalma għandhom il-faċilità diletanti ta' sports oħrajn. Ingranat Aħna tajbin għal xi ħaġa? Andrew Pisani Maltin jiparteċipaw Sqallija Duncan Micallef

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 September 2016