Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/728391
illum | Il-Ħadd 18 ta' Settembru 2016 Opinjoni 18 Żelqa evitabbli M inn din il-ġimgħa, se nibda nikteb bħala kandidat fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Aċċettajt l-istedina li nikkontesta wara ħafna ħsieb. Tassew muwiex l-aktar mument opportun sabiex wieħed joħroġ għall-elezzjoni ma' partit li dabbar telfa elettorali enormi u li għandu defiċit elettorali li mhux faċli li jissupera. F'dan il-mument ta' ħajti, ma kellix verament għalfejn inżid mal-impenji tiegħi għax diġà mgħobbi sa snieni professjonalment u b'affarijiet oħra bħall-kitba ta' din l-opinjoni ġimgħa wara ġimgħa. Naf ukoll li din l-għażla tikkomporta sagrifiċċji personali kbar u żgur se nispiċċa taħt il-lenti ta' kulħadd. Imma ddeċidejt li nikkontesta għax forsi ħassejt is-sejħa li kull min għandu sehem x'jagħti fid-demokrazija tagħna, m'għandux jibqa' lura. Nittama li jkun xi jkun l-eżitu ta' din l-avventura, nikkontribwixxi ħalli l-proċess demokratiku fil- pajjiż jissaħħaħ u t-tmexxija tiegħu ssir aktar trasparenti. In-nuqqas ta' trasparenza hija waħda mill-kwistjonijiet li fl-opinjoni tiegħi hija anatema għad-demokrazija. Kif diġà wgħedt lill-editur ta' din il-gazzetta, m'iniex nippjana li nibdel l-istil u l-kontenut ta' dawn il- kontributi. M'għandi l-ebda ħsieb li nsir propagandist imma li nibqa' nagħti opinjoni mqita u oġġettiva kemm jista' jkun. U l-anqas beħsiebni li nillimita ruħi għall-politika lokali biss. Din il-ġimgħa kif kulħadd jaf, l-aħbar prinċipali kien il-vot massiċċ tal-Parlament Ewropew kontra l-ħatra ta' Leo Brincat bħala membru tal-Qorti Ewropea tal- Awdituri. Il-vot negattiv mid-dehra ma kienx limitat għall-Partit Popolari Ewropew biss. Għalkemm hu l-akbar partit fil- Parlament Ewropew, il-PPE għandu biss 216-il membru minn 751, ftit aktar mill-190 tas-Soċjalisti u Demokratiċi. Għaldaqstant, meta 381 ivvutaw kontra l-ħatra ta' Leo Brincat filwaqt li 229 approvawha u 58 astjenew, il-vot negattiv ċertament kien mifrux fuq il-gruppi politiċi kollha. Wara li tħabbar il-vot, bosta kienu l-kummenti li saru minħabba l-pożizzjoni tal-ewroparlamentari Nazzjonalisti. Il-fatt li preżubbilment dawn ivvutaw ukoll kontra l-ħatra ta' Leo Brincat, ġie mpinġi bħala tradiment tal-interessi nazzjonali u abbandun tal-prattika tal-passat fir- rigward ta' ħatriet simili. Intqal anke diskors iebes dwar infamja u ma nafx xiex minn Alfred Sant li ssuġġerixxa li l-kwistjonijiet lokali m'għandniex inperrċuhom barra minn xtutna u speċjalment fil- Parlament Ewropew. Frankament, ma stennejtx pożizzjoni daqstant provinċjali minn ħadd, speċjalment minn min hu midluk sew bil-kultura Ewropea u jidher li sab l-ambjent naturali tiegħu fil-Parlament Ewropew minkejja l-oppożizzjoni stinata tiegħu fil-passat li nsiru membri. Illum li aħna membri tal-UE, kif wieħed jista' jiddistingwi bejn il-politika lokali u dik pan-Ewropea? Is-saħħa ta' katina hija ddettata mill-aktar ħolqa dgħajfa u jekk pajjiż membru jkollu problemi, dawn il-problemi se jattakkaw lill-Unjoni kollha. Il-vot ta' tliet ewroparlamentari Maltin żgur ma nfluwenzax l-eżitu assolutament u min jargumenta mod ieħor ikun qed jaħrab mir-realtà. Meta kien Alfred Sant stess li talab ir-riżenja ta' Konrad Mizzi wara li nkixef li kellu kumpanija l-Panama u wara li l-Prim Ministru naqas li jaġixxi bis-serjetà fir- rigward tiegħu u ta' Keith Schembri, realistikament x'wieħed kien jistenna mill-Parlament Ewropew ħlief ir-riżultat ta' din il-ġimgħa? Jidher li f 'din il- ħatra, il-Gvern Malti wettaq bosta żbalji u ma fehemx sew il-polz fil-Parlament Ewropew. Min hu rasu fuq għonqu messu antiċipa li l-approvazzjoni ta' membru Malti għal Qorti Ewropea tal-Awdituri mill-Parlament Ewropew kienet operazzjoni ferm delikata minħabba bosta fatturi. Fl-ewwel lok, bosta ewroparlamentari m'huma kuntenti xejn bl- iskema Maltija tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Imbagħad għandek oħrajn li qed iħarsu lejn pajjiżna bħala ġenna fiskali u dan għad-detriment tal-pajjiżi Ewropej oħra. U biex tkompli tgħaqqad, faqqa' l-każ tal-Panama kif diġà għidna. Wara l-umiljazzjoni xejn pjaċevoli ta' Toni Abela li personalment żgur ma kienx jixraqlu hekk, messa l-ħatra li saret kienet aktar meqjusa. Imma ovvju li ma kinetx. Fl- ewwel lok, wieħed irid isaqsi għala ġie maħtur ministru attwali tal-kabinett? Ir- rwol tal-awdituri hu li jivverifikaw il-mod kif jintefqu l-flus komunitarji b'awtonomija sħiħa. Inħatar ministru li ma kellu l-ebda esperjenza f 'dan il-qasam u li l-unika kredenzjali li għandu hu li kien jaħdem fis-settur bankarju u għamel xi żmien ministru tal- finanzi. Verament l-integrità ta' Leo Brincat ma ġietx iddubitata, imma wieħed bilfors irid isaqsi kemm hu tassew idoneu għal din il- kariga. L-integrità personali mhijiex l-unika fattur kwalifikanti. Wieħed irid jgħid ukoll li Leo Brincat ftit li xejn għen ruħu. Fl-ewwel lok, wettaq l-iżball madornali li vvota l-fiduċja lil Konrad Mizzi fil-Parlament. Niskanta kif la hu u lanqas ħadd mill-kamp Laburista ma antiċipa r-riperkussjonijiet ta' tali vot. Imbagħad ir-rimarki tiegħu li huwa ma rriżenjax minħabba li f 'Malta tkun eroj għal jum imma tiġi emarġinat għall- kumplament ta' ħajtek kienu tassew fjakki. Ċertament li wieħed normalment jirriżenja meta ma jaqbilx ma' xi ħaġa biex jafferma prinċipju u bħala riżultat, jipperikola l-karriera tiegħu. Din ir-rimarka kienet tassew infeliċi u daħlet id-dubju kemm is-Sur Brincat għandu l-kariżma meħtieġa sabiex verament jaqdi l-inkarigu in kwistjoni bl-ispirtu kritiku u indipendenti li huwa mistennu minnu. Żgur li se jkun hemm min fost il-qarrejja li se joġġezzjona li allura Louis Galea kien idoneu? U ma ntihx tort. Dan iġagħalni nirrifletti dwar il-mod kif inħatar Leo Brincat. Jekk wieħed iqalleb il- kontributi tiegħi f 'din il-gazzetta f 'dawn l-aħħar seba' snin, jinduna li dejjem argumentajt li f 'pajjiżna, il-Prim Ministru, ikun min ikun, għandu wisq poteri. M'hemm xejn sagrosant li l-ħatra għal dawn il-karigi Ewropej issir esklussivament mill-Prim Ministru. U lanqas m'hemm xejn sagrosant li bilfors jimtlew minn nies mid-dinja politika. Jekk wieħed irid jgħid il-verità, wieħed ikollu jistqarr li spiss, jekk mhux dejjem, dawn il-ħatriet isiru sabiex wieħed ineħħi xi persuna mis-saqajn b'mod dinjituż. Kicked upstairs jgħidulha l-Ingliżi meta xi ħadd jinħatar fil-House of Lords. L-istituzzjonjiet Ewropej jixraqilhom aħjar. Persuna għandha tinħatar għax verament tkun kompetenti u jixraqilha li tinħatar għal dik il-kariga. F'dan il-każ partikolari, naqbel mas- suġġeriment tal-Kap tal- Oppożizzjoni li l-Awditur Ġenerali jew l-eks Awditur Ġenerali jkunu tassew idonei għal din il-kariga. Imma jekk il-Gvern irid joħroġ mill-isqaq li jinsab fih mingħajr ma jaċċetta s-suġġeriment ta' Simon Busuttil għax dan ikun xi sagrileġġ, għandu bosta għażliet oħra. Jista' jaħtar xi uffiċjal għoli taċ-Ċivil, anke xi ħadd irtirat, xi eks imħallef jew xi awditur mis- settur privat. Jekk wieħed jistenna wkoll li l-pajjiż kollu jkun wara ħatra, tali ħatra trid tkun kondiviża. X'hemm ħażin li min jinħatar għal dawn il- karigi l-ewwel jiġi skrutinat mill-Parlament Malti u l-ewwel jgħaddi mill- eżami tal-Parlament Malti? Idealment, din il-ħatra għandha jkollha l-appoġġ ta' żewġ terzi tal-Parlament bħalma hu l-każ ta' karigi parlamentari. Possibbli ma nistgħux naqblu fuq persuna sabiex tinħatar minn dan il-pajjiż ħolqa tagħna? Tassew li l-Gvern daħal fi sqaq u jekk ser jinsisti li l-ħatra ta' Leo Brincat tiġi kkonfermata mill- Kunsill Ewropew, se jwettaq forzatura li żgur se tkompli tgħarraq ir-rapport mal-Parlament Ewropew, rapport ferm delikat in vista tal-investigazzjoni li se ssir dwar il-każ tal- Panama. Fuq kollox, dawn l-avventuri fl-Ewropa qed iħallu riperkussjonijiet serji fuq settur ferm importanti għall-ekonomija Maltija, dak tas-servizzi finanzjarji. Dan is-settur ma kienx fuq ir-radar sa ftit snin ilu imma llum kull min hu rasu fuq għonqu, jaf li dan m'għadux il-każ. Tisma' ewroparlementari tal-Ħodor jiddeskrivi l-pajjiżna bħala tax haven, ġenna fiskali ma niżlitli xejn. L-interess ta' pajjiżna jeżiġi li s-sitwazzjoni li nħolqot din il-ġimgħa messha ġiet evitata. Li twaħħal fin- Nazzjonalisti għall-iżbalji kbar li twetqu mhu ser isaħħan xejn. L-għaqal jgħidlek li n-nomina ta' Leo Brincat għandha tiġi rtirata. Jekk il-gvern imma se jibqa' jinsisti fuq din il-ħatra, il-ħsara li diġà twettqet se tkompli tikber u tikber sew. Il-mistoqsija li għandu jsaqsi lilu nnifsu l-Prim Ministru hija jekk hux vallapena li jinsisti fuq din il-ħatra u jkompli jgħaxxaq ir-relazzjoni mal- Parlament Ewropew jew jirtiraha u jinnomina xi ħadd ieħor li jkun idoneu għall-kariga. Huwa ċar li r-riperkussjonijiet tal- każ tal-Panama għadhom għaddejjin u l-gvern ma jistax jippretendi li dan mhuwiex il-każ. Joe Ellis huwa kandidat tal- PN fuq it-13-il Distrett JOE ELLIS "Tassew illi l-gvern daħal fi sqaq u jekk se jinsisti li l-ħatra ta' Leo Brincat tiġi kkonfermata mill-Kunsill Ewropew, se jwettaq forzatura li żgur se tkompli tgħarraq ir- rapport mal- Parlament Ewropew"