Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/728391
minn Cristian Antony Muscat LATLETA ta' Agones, Nadia Portelli pparteċipat b'suċċess fil-Kampjonat Mondjali tat-Trail Running f 'Awwissu li għadda, partikolarment fit-tellieqa tal-101km li tibda l-Italja u tispiċċa f 'Chamonix fi Franza għad-dell tal-ogħla muntanja Ewropea Mont Blanc. B'hekk, Portelli hija l-ewwel mara Maltija li temmet b'suċċess tellieqa ta' dan it-tul, magħrufa bħala 'ultra maratona'. Din it-tellieqa li barra li hija sfida fiżika hija wkoll battalja mentali hija magħrufa bħala CCC - minħabba li tibda minn Courmayeur, tgħaddi minn Champex u tispiċċa f 'Chamonix. Portelli temmet it-tellieqa f 'ħin ta' 23 siegħa u 48 minuta wara li telgħet u niżlet għal aktar minn 6,000 metru mal- Alpi fl-Italja, l-Iżvizzera u Franza. Din it-tellieqa hija parti minn sensiela ta' erbat itlielaq tat-trail running f 'dan il-kampjonat dinji li jsir kull sena f 'Chamonix fi Franza magħruf bħala l-UTMB (Ultra Trail de Mont Blanc). Portelli kienet ferħana li spiċċat din it-tellieqa u daħlet fis-56 post fil-kategorija tagħha, u l-118 mara minn total ta' 1,386 atleta li spiċċaw din it-tellieqa. Ta' min isemmi li madwar 35% tal-parteċipanti abbandunaw it-tellieqa. It-tellieqa tas-CCC intrebħet minn Michel Lanne (FRA) fi 12-il siegħa u 10minuti. Mimmi Kotka (SVE) rebħitha għan-nisa f 'ħin ta' 13-il siegħa u 42 minuta. Madwar 2,100 atleta bdew it-tellieqa minn Courmayeur (Italja) bi 15% jkunu nisa. Għal Portelli din kienet sena b'suċċess wara l-ieħor f 'dan l-isport għaliex f 'Mejju ġiet l-ewwel fost in-nisa fl-ultramaratona ta' 59km fil- gżira ta' Guernsey fl-Ingilterra filwaqt li f 'Ġunju li għadda, tejbet il-ħin fil-Cortina Trail fl-Italja, f 'tellieqa ta' 48km. Aktar suċċessi f 'dan il- kampjonat dinji tat-Trail Running waslu minn erba' kompetituri oħra Maltin li għamlu l-iqsar tellieqa f 'dan il- kampjonat - tellieqa ta' 55km b'diżlivell ta' 3,500 metru. It-tellieqa hija magħrufa bħala l-OCC għaliex titlaq minn Orsieres, tgħaddi minn Champex u tispiċċa f 'Chamonix. L-ewwel li daħal kien Carmel Vella li għamilha f 'ħin ta' disa' sigħat u żewġ minuti biex b'hekk ġie fil- 45post fil-kategorija tiegħu u l-179 mit-total kollu. Ferħan immens bil-prestazzjoni tiegħu, Vella wkoll qal li din kienet sena eċċellenti għalih għaliex f 'April li għadda kkompeta b'suċċess fl-Ultra Maratona tal-Gżejjer Kanarji, f 'tellieqa magħrufa bħala Transvulcania li hija twila 74km u aktar minn 4,400 metru ta' tlajja' u nżul. Warajh daħal Antoine Busuttil, li ma jittrenja mal-ebda tim, f 'ħin ta' disa' sigħat u 53 minuta, biex ġie fil-170 post fil-kategorija tieghu. Robert Spiteri tat-tim Colours of Malta daħal aktar tard f 'ħin ta' għaxar sigħat u 19-il minuta u l-unika parteċipanta mara f 'din it-tellieqa, Caroline Zammit tat-tim Agones daħlet ftit warajh f 'ħin ta' għaxar sigħat u 33 minuta, biex b'hekk ġiet fil-25 post fil-kategorija tagħha u t-80 mara u l-477 waħda overall. Ir-rebbieħ assolut f 'din it-tellieqa kien il-Franċiż Xavier Thevenard f 'ħames sigħat u 28 minuta filwaqt li min-nisa, l-Ispanjola Arcos Zafra qatgħet il-linja f 'sitt sigħat u 54 minuta. Kien hemm 1,414 atleta li bdew it- tellieqa, b'25% jkunu nisa. Ftit aktar minn 87% spiċċawha għaliex 182 abbandunawha, partikolarment minħabba l-ħafna sħana li kien hemm f 'dik il-ġurnata. Biex wieħed jipparteċipa f 'dan il-Kampjonat Dinji tat-trail running, magħruf bħala UTMB (Ultra Trail de Mont Blanc), irid ikun diġà pparteċipa u temm b'suċċess tlielaq oħrajn li jakkumulawlu punti biex ikun jista' japplika għal dawn it-tlielaq u wara li japplika jrid ikollu ftit xorti fil-poloz. B'kollox, fl-erbat itlielaq, jiġifieri fl-OCC (55km), fis-CCC (101km), fit-TDS (119km) u fil-UTMB (170km) kien hemm madwar 7,500 atleta minn madwar id-dinja kollha. It-tlielaq saru fl-aħħar ġimgħa ta' Awwissu f 'temp li varja minn sħana tremenda u spiċċa b'maltempati bir- ragħad. Iżda grazzi għal-lista ta' ekwipaġġament li l-atleti jkollhom b'obbligu jġorru waqt dawn it-tlielaq, min inqabad fix-xita kellu inċirati apposta biex jgħinuh ikompli u jlesti t-tellieqa, għalkemm it-terran jibda jkun ftit jiżloq ukoll. Malti ieħor, Kurt Micallef kien għamel din it-tellieqa tas-CCC fl-2013 u kien lestiha fi ftit aktar minn 23 siegħa filwaqt li Cliff Sultana ta' Agones, is-sena li għaddiet kien temm ukoll b'suċċess it-tellieqa f 'dan il-kampjonat magħrufa bħala TDS (fuq it-Traċċi tad-Duka ta' Savoja), liema tellieqa hija ta' 119km u fiha diżlivell ta' aktar minn 7,000 metru, jiġifieri l-atleti jridu jixxabbtu mal-Alpi għal dak l-ammont ta' metri. It-trail running huwa sport pjuttost ġdid għal Malta għalkemm l-atleti hawn fuq imsemmija ilhom għal dawn l-aħħar erba' snin li bdew jipprattikawh. Dan l-isport jinvolvi ġiri fil- kampanja fuq mogħdijiet ftit li xejn iffurmati kif ukoll fuq terran muntanjuż. L-ITRA, li hija l-organizzazzjoni internazzjonali tat-trail running m'ilhiex imwaqqfa u ftit tas-snin ilu emendat l-istatut biex b'hekk it-trail running sar ukoll sport taħt il-kappa tal-IAAF - l-organizzazzjoni dinjija tal-atletika. Il-Ħadd 18 ta' Settembru 2016 | illum Sports 31 DWARNA ma' Mariella Dimech kull nhar ta' Tlieta fid-21:00 fuq TVM2 Nadia Portelli tipparteċipa b'suċċess l- Kampjonat Mondjali tat-Trail Running Nadia Portelli -azzjoni waqt il-Kampjonati Mondjali tat-Trail Running