Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/728391
N ikkwota silta minn diskors fil-Parlament ta' Malta - ''In-nuqqas ta' kontabbiltà u ta' responsabbiltà u kultura ta' riżenji tant għandhom għeruq fondi f 'dan il-pajjiż u tant hi qawwija u ineżistenti li meta sfidata serjament irrespinġiet it- tentattiv li tingħeleb billi addirittura ntalbet ir-riżenja ta' min ipprova jeħodha kontrieha. Din hija ħaġa oħra li kulħadd jaqbel magħha. Kien hemm min ikkwota l-frażi "MPs should be reluctant to embarass the government" mit-teżi tiegħi - għax jien l-interess fil-politika ma nibitx lbieraħ - imma hawnhekk kont qed nitkellem fuq is-sistema Brittanika fejn hemm kultura ta' riżenji eżaġerata, fejn hemm sistema taħdem kważi perfetta li saħansitra hija l-mudell ta' ħafna mid-demokraziji u allura ovvjament f 'dik iċ- ċirkostanza "MPs should be reluctant to embarrass the government," imma mhux meta l-membri tal-Gvern ikunu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jimbarazzaw lill- Gvern huma stess! Mhux biss f 'din il-leġiżlatura ħadd ma refa' responsabbiltà politika tan-nuqqasijiet tiegħu - kulħadd jaf li kien hemm f 'diversi oqsma u m'għandix għalfejn noqgħod nerġa' nsemmi - talli b'mod sarkastiku u oxxen intalbet ir-riżenja ta' xi ħadd għax sempliċiment ma qabilx ma' din il-kultura. Ara kemm hi kultura soda u qawwija. Għal xi ħadd li beda jgħix Malta wara s-sena 2013, jista' jimmaġina li dan id-diskors sar minn xi deputat Nazzjonalista fil-konfront ta' xi ministru tal- Gvern Laburista. Ilna tliet snin nisimgħu l-mantra dwar irfigħ ta' responsabbiltà politika minn esponenti Nazzjonalisti, u mingħajr ma trid, mhux biss taħseb li l-gvern preżenti mhux qed jirrispetta r-responsabbilta' politika, iżda talli l-gvern preċedenti kien xi segwaci skrupluż tal-mentalità ta' rfigħ ta' responsabbiltà politika. U min jaħseb hekk, ma jistax ikun aktar żbaljat u mqarraq, għax il-fatti huma kompletament bil-maqlub. Dak id-diskors, fil-fatt għamlu deputat Nazzjonalista, jiena, fil-konfront però tal- istess Gvern Nazzjonalista. Mhux talli l-kultura ta' responsabbiltà politika taħt Gvernijiet Nazzjonalisti kienet kompletament ineżistenti, kif nispjega f 'dak d-diskors tal-25 ta' Jannar 2012, talli meta dik il-mentalita ta' xejn mhu xejn u ħadd ma jirriżenja ġiet sfidata minni u minn oħrajn, spiċċat intalbet ir-riżenja tiegħi! U allura b'liema wiċċ issa l-istess nies jitolbu responsabbiltà politika minn ħaddieħor, meta dawn mhux biss ma refgħux huma r-responsabbiltà politika, talli kkundannaw lil ħaddieħor għan-nuqqasijiet u l-iskandli tagħhom! M'hemmx inġustizzja agħar minn din. Iżda mbagħad mhux talli hekk. Talli mill-banda l-oħra, jekk kien hawn gvern mill- Indipendenza 'l hawn li bil- fatti qed jimplimenta kultura ta' responsabbiltà politika, trasparenza, kontabbiltà u good governance, dan huwa l-Gvern preżenti fejn mhux biss illeġiżla (liġi dwar il- finanzjament tal-partiti, tneħħija tal-preskrizzjoni mir-reati ta' korruzzjoni, riforma fil-ġustizzja, liġi dwar standards fil-ħajja pubblika, liġi dwar l-awtonomija tal- Parlament), talli għall-ewwel darba f 'diversi snin, ministri fil-fatt irriżenjaw mill-kariga tagħhom meta deher li seta' kien hemm xi nuqqasijiet, li wieħed irid ifakkar liema nuqqasijiet kienu ferm inqas minn uħud minn dawk ta' ministri Nazzjonalisti fil- passat. U allura, diġà l-mantra tal- PN f 'dawn l-aħħar tliet snin dwar responsabbiltà politika kienet tistona minħabba l-pulptu li minnu kienet ġejja l-prietka, iżda tistona ferm aktar u hija ferm aktar ironika l-poizzjoni tal-MEPs Nazzjonalisti fil-konfront ta' Leo Brincat meta kkunsidrata f 'dan l-isfond. Fil-prattika, meta jien ivvutajt fil-Parlament kif il-Kap tal-Opposizzjoni qed jippretendi li kellu jivvota Leo Brincat, huwa kien wieħed minn dawk li kkundannawni! U dan apparti li filwaqt li l-vot fil-Parlament Ewropew għandu jkun rispettat, wieħed jista' jargumenta li l-vot kien 'out of point' għax dak ma kienx il-forum adatt biex isir dak t-tip ta' eżerċizzju. Ħadd ma ddubita mill- integrità, onestà kapaċitajiet u ħila ta' Leo Brincat, allura għaliex kellhom isiru kunsiderazzjonijiet ulterjuri? Anke għax b'dan it-tip ta' raġunament, jekk wieħed iwessa' u jġebbed tant il- kriterji ta' evalwazzjoni, fejn persuna tiġi evalwata fuq x'għamel ħaddieħor, faċilment tinstab skuża kapriċċuża fil-konfront ta' kulħadd biex dan ma jgħaddix. U ovvjament din tkun inġustizzja. Responsabbiltà jew irresponsabbiltà politika? Il-proċess li kellu quddiemu l-Parlament Ewropew kien biex jevalwa l-kredenzjali ta' Leo Brincat bħala kandidat għall-Qorti tal-Awdituri u mhux sabiex jiġi skrutinat l-operat tal-Gvern Malti – rwol li jaqdih il-Parlament Nazzjonali u li issa jista' jagħmel dan aħjar b'riżorsi inkluż leġislattivi aktar f 'saħħithom. U anke jekk stess wieħed kien jifhem li jiġi kkunsidrat l-element Panama, ladarba Leo Brincat ma kienx la direttament u lanqas indirettament implikat, dan il-fattur qatt ma kellu jingħata piż deċisiv jew determinant. Fil-konfront ta' Louis Galea, ngħidu aħna, jidher li lanqas l-iskandli u kontorversji li kien involut fihom HU ma ngħataw piż, aħseb u ara dak li għamel ħaddieħor. Għax jekk xi ħadd ma jgħaddix mit-test sempliċiment minħabba li 'baqa' sieket' meta allegatament għamel ħażin ħaddieħor, kemm m'għandux jgħaddi mit-test min, dak il-ħażin ikun allegatament għamlu hu! F'dan s-sens, l-evalwazzjoni tal-Parlament Ewropew saret fuq kriterji li jew ma kellhomx ikunu kunsidrati jew ma jingħatawx piż determinant. Louis Galea m'għaddiex għax nadif, iżda għax minkejja li qatt ma refa' responsabbiltà politika, il-Partit Laburista ma kienx irresponsabbli u m'għamilx ix-xalata li seta' jagħmel b'kumdità f 'fora Ewropej. Imma agħar minn hekk, kif l-Parlament Ewropew jiddeċiedi fuq il-Panama Papers meta l-'investigazzjoni' minnu għadha ma saritx? Il- Parlament Ewropew se jistħarreġ il-Panama Papers f 'kumitat apposta. Se jistħarreġ, jiggifieri għadu ma stħarriġx u jfisser li sal-lum, dik l-indaġni għadha ma saritx fil-konfront ta' min seta' kien involut. Allura kif qatt seta' l-Parlament Ewropew jiġġudika saħansitra lil min żgur ma kienx involut, jekk lanqas l-indaġni li għandu jagħmel għadu ma għamel fil-konfront ta' min seta' kien involut? Dan huwa każ ċar ta' preġudizzju fejn wieħed jiġġudika qabel ikun jaf il- fatti. U issa jekk jirrizulta li ħadd m'għamel xejn ħażin? Kif setgħu jiġġudikaw lil Leo Brincat jekk għadhom lanqas stabbilew x'għamel Konrad Mizzi? Responsabbiltà jew irresponsabbiltà politika? Iżda aktar minn hekk, jafu l-membri tal-Parlament li vvutaw kontra Leo Brincat, li dawk fosthom li aktarx xegħlu l-ħuġġieġa, u li kienu qed jivvutaw kontra pajjiżhom, kienu jirrappreżentaw partit li meta jien bħala deputat Parlamentari aġixxejt kontra l-inkompetenza, traskuraġni u skandli ta' gvern Nazzjonalista, kif kienu qed jippretendu li Leo kellu jagħmel dawn, mhux talli ma qablux miegħi talli kkundannawni u ma ħallewnix nikkontesta l-elezzjoni? Ara kif kienu jibqgħu kollha ħalqhom miftuħ li kieku kellhom quddiemhom dawn il-fatti! Kieku l-ewwel nett japprezzaw kemm, grazzi għal kultura ta' nuqqas ta' riżenji tant imsaħħa minn gvernijiet Nazzjonalisti suċċessivi, kien diffiċli li xi ħadd jirriżenja, iżda aktar minn hekk, kif dawk l-istess nies li kienu qed jippużaw tal-paladini tar-responsabbiltà politika u trasparenza kienu jirrapreżentaw partit li kien addirittura kkundanna lil min kien talab li tintrefa' responsabbiltà politika, kienu propju l-partit li tant ikkultiva l-kultura tan-nuqqas ta' rfigħ ta' responsabbiltà politika. Kieku kienu japprezzaw kif, filwaqt li huma qatt ma refgħuha, issa jridu li ħaddieħor jerfagħha, mhux għax jgħożżuha, għax kieku kienu jerfgħuha huma, iżda sempliċiment għal eżiġenzi politiċi u egoizmu li jwassal li l-interessi tal-partit jiġu qabel l-interessi tal-pajjiż. Kienu japprezzaw kif dak kien altru milli każ ta' responsabbiltà politika, iżda għall-kuntrarju, sinjal ċar ta' irresponsabbiltà politika. Franco Debono huwa kummissarju għal-liġijiet u konsulent tal-Prim Ministru dwar ir-riforma tal-ġustizzja Il-Ħadd 18 ta' Settembru 2016 | illum Opinjoni 19 Ir-responsabbiltà politika 'Fil-konfront ta' Louis Galea, jidher li lanqas l-iskandli u kontorversji li kien involut fihom hu ma ngħataw piż, aħseb u ara dak li għamel ħaddieħor' FRANCO DEBONO