Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/791649
Aħbarijiet 9 Il-Ħadd 26 ta' Frar 2017 | illum 'Il-kantanti li naf jien ħadu bejn £100 u £1,000 f 'sena' Ir-riformi fl-Att dwar il-Copyright mistennijin jingħataw l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew Tkompli minn paġna 1 L-għan tal-proposta tal-KE, li mistennija ssir direttiva u sussegwentement liġi fil-pajjiżi tal-UE, huwa biex tinħoloq trasparenza fil-proċess tat-tranżazzjoni ta' ħlas lill-awturi u kantanti. L-ILLUM hija infurmata li l-Parlament Ewropew qed iħares b'mod favorevoli lejn il- proposti, nkluż dik li tiddaħħal aktar trasparenza. Il-proposti, li qed ikunu imbuttati mill-Membru Parlamentari Ewropew tal-PN Therese Comodini Cachia, jesiġu li kull stat membru jara li "l-awturi u l-kantanti jirċievu fuq bażi regolari u skont l-ispeċifikazzjonijiet ta' kull settur, informazzjoni adegwata, suffiċjenti u fil-ħin dwar kif ix-xogħol u l-prestazzjonijiet (performance) tagħhom qed jintuzaw minn dawk li huma illiċenzjaw jew li għaddew lilhom id-drittijiet tagħhom." Il-proposta tkompli tgħid li, b'mod speċjali, l-awturi u l-kantanti jeħtieġ ikunu infurmati bil-mod kif ix-xogħol tagħhom qed jintuża, bid-dħul li qed jiġġenera kif ukoll b'dak li huwa dovut lilhom minn kumpaniji bħal PRS for Music u anke mir-Record Labels li qed imexxuhom. Mal-ILLUM, Debono sostna li hemm diversi problemi relatati ma' din il- kwistjoni, l-aktar dik ta' trasparenza. Huwa jfakkar li kemm hu kif ukoll membri oħrajn tal-PRS kienu jistaqsu fejn huma l-flus li qed jinġabru mill- istess kumpanija. "Ħadd mill-kantanti stabbiliti dak iż-żmien bħal Ira Losco u Winter Moods, li kienu jgawdu minn popolarità u kienu jindaqqu ħafna, ma kienu qed jirċievu dak li suppost kien dovut lilhom u allura qablu li jitħallsu b'lura, kollox ibbażat fuq il-provi u d-dokumentazzjoni. Minflok, il-PRS naqqsu r-rata ta' ħlas għal kull darba li tindaqq diska u l-kantanti kien se jkollhom 25% biss ta' dak li kien dovut." Debono jgħid li l-maġġoranza tal- membri tal-PRS, "ovvjament mhumiex Maltin u ħafna minnhom huma awturi mir-Renju Unit, li tqajjem il-problema dwar il-fatt li dawn joperaw skont il-bżonnijiet tagħhom u dak li se jirrendilhom," mhux skont l-interessi tal-kantant jew awtur lokali. Imma l-akbar problema għal Howard Keith Debono hija t-trasparenza. "Jien inġib l-informazzjoni kollha mingħand is-sieħeb tiegħi fin-negozju, u l-ebda informazzjoni mingħand il-PRS. Kif jista' jkun? Kellna każi partikolari fejn awturi ta' diska li suppost jaqsmu d-dħul, nofs bin-nofs, jieħdu aktar minn xulxin...fl-aħħar żmien lanqas dan ma jaslilna. Kull ma nirċievu hija informazzjoni ġenerika li ma tfisser assolutament xejn." "L-ebda artist li naf jien," ikompli Debono ma' din il-gazzetta, "ħafna minnhom mill-qrib jew persuni li naħdem mill-qrib magħhom ma jirċievu fuq il-mijiet ta' ewro. Li rajt jien huwa distribuzjoni ta' bejn £100 u £1,000 fis-sena...din is-sistema f 'pajjiżna, sempliċiment falliet." "Sakemm membru tal-PRS ma jitkellimx u jqajjem plejtu fuq ċerti żbalji ta' kif jitqassmu l-flus, l-artisti ma jieħdu xejn. Meta kkonfermajt li kien sar żball, il-PRS ammettew u ħallsu dak dovut," qal Debono li staqsa għalfejn kantant jew awtur għandu joqgħod jagħmel plejtu biex jieħu dak li ħaqqu. 'Wasal iż-żmien li Malta jkollha sistema lokali simili għall-PRS' Intant, Debono, wieħed mill-imħuħ wara kantanti u gruppi lokali jesiġi ma' din il-gazzetta li wasal iż-żmien li pajjiżna jkollu soċjetà simili għal dik tal-PRS, imma li tkun magħmula kollha mill-Maltin u tkun immexxija mill- istess Maltin. Filwaqt li qal li din is-soċjetà għandha tkun rikonoxxuta bħal soċjetajiet oħrajn madwar id-dinja, saħaq li t-twaqqif tagħha tkun importanti "biex ħadd ma jħossu misruq, la l-istazzjonijiet u lanqas il-kittieba jew l-istabbilimenti." Mal-ILLUM, Howard Keith Debono jgħid li din is-soċjetà tista' taħdem mill-viċin ta' diversi artisti lokali u tkun tista wkoll tressaq inizjattivi ġodda biex iżżid it-talent lokali fuq l-istazzjonijiet Maltin. "Wisq ħitan burokratiċi waqqfu lil membri lokali minn dak li hu tagħhom minn soċjetà internazzjonali bħall-PRS, li qed topera F'Malta. M'hemmx triq oħra ħlief li jkollna soċjetà simili aħna." Howard Keith Debono ilu l-maniġer ta' Ira Losco għal dawn l-aħħar 15-il sena 'Sal-lum taċċetta ċ-ċekk u daqshekk' LILLUM tkellmet ukoll mal- moħħ lokali wara l-bidliet li qed ikunu proposti mill-Kummissjoni Ewropea, Therese Comodini Cachia, rapporteur għar-Riforma tal- Copyright li qed tkun proposta. Comodini Cachia sostniet li sal-lum, anke mill-esperjenzi tagħha, il-kantanti jew l-awturi qishom jaċċettaw ċekk u daqshekk, mingħajr spjegazzjoni u ta' kif u għaliex ġie deċiż l-ammont li se jingħata f 'royalties. "Ma' dawk kollha li ltqajt, artisti lokali u anke Ewropej jibqa' jkun hemm dubji dwar dan il- ħlas," sostniet Comodini Cachia. B'dawn il-proposti, il-kantant jew l-awtur se jkollu kull dritt, permezz ta' proċedura trasparenti, li jkun jaf id-dettalji tal-ħlas u jikkontesta tali ammont. Comodini Cachia ssostni li dawn il-bidliet mhumiex relevanti biss għal soċjetajiet bħall-PRS For Music imma wkoll għal dawk ir-Record Labels li magħhom jiffirmaw kantanti. Dawn ukoll jeħtieġ jagħtu rendikont. Għall-ewwel darba f 'pajjiżna jitwaqqaf Bord tad-Diretturi għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali GĦALLEWWEL darba f 'pajjiżna, din il-ġimgħa, iltaqa' l-Bord tad-Diretturi għas- Servizzi tas-Saħħa Mentali. Dan il-bord ta' diretturi, li twaqqaf mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, huwa mmexxi mit-tabib Jan Chircop. Il-bord qed iġib flimkien stakeholders differenti fis-settur tas-saħħa mentali, fosthom il- professjonijiet mediċi u l-NGOs. Il-bord ser ikun qed jinvolvi stakeholders oħra, bħal għaqdiet tal-carers u pazjenti, skont is-suġġetti diskussa. Waqt li indirizza l-ewwel laqgħa ta' dan il-Bord, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-bord se jkun qed jaħdem biex jara li s-saħħa mentali f 'pajjiżna tingħata spinta 'l quddiem. "Dan il-bord se jkun qiegħed jagħti pariri lili bħala ministru għall-viżjoni ġdida fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa mentali offruti mill-Gvern, kemm dawk mogħtija mill-isptarijiet kif ukoll dawk fil-komunità," qal il-Ministru Fearne. Fost waħda mill-ewwel prijoritajiet ta' dan il-Bord se tkun dik li titfassal strateġija ħolistika għas-servizzi tas-saħħa mentali, kif ukoll li jissorvelja l-governanza ta' dawn is-servizzi.