Illum previous editions

illum 26 February 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/791649

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 26 ta' Frar 2017 | illum Opinjoni 17 Skont Cacopardo... Il-Palazz tal-Girgenti: bejn Gvern u Partit M eta nhar it-Tlieta li għadda, jiena u Arnold Cassola ltqajna mas- Sur Joseph Church, il- Kummissarju Elettorali Ewlieni, tkellimna miegħu dwar il-Palazz tal- Girgenti u l-fatt li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista għamel użu minnu biex iltaqa' hemm. Għal uħud, Alternattiva Demokratika qed tfettaq u tgħaġġibha. Jiena ma naħsibx li dan hu l-każ għax hemm prinċipju importanti ħafna fin-nofs: fejn hi l-linja li tissepara l-partit mill-gvern? Issa jiena konxju li hemm min mhuwiex interessat fil- prinċipji, għax għal uħud, dawn huma burokrazija żejda! Għandu jkun hemm separazzjoni bejn il- Gvern u l-partit poliitku li jiffurmah, jew inkella, dawn għandhom ikunu ħaġa waħda, jew kważi? Din hi l-qalba tal-kwistjoni kollha li fil-fehma ta' Alternattiva Demokratika teħtieġ li tkun ikkunsidrata b'attenzjoni kbira. Il-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti saret biex ikun hemm trasparenza. Saret ukoll biex tiġbed linja ċara dwar dak li jista' jsir u dak li ma jistax isir, u dan permezz ta' numru ta' kontrolli. Fost affarijiet oħra, l-Att tal-2015 dwar il- finanzjament tal-partiti politiċi, fl-artiklu 34 tiegħu jgħid li partit politiku ma jistax jaċċetta donazzjoni minn sorsi tal-istat. Mhemmx kif u għaliex, iżda xejn, bla argumenti jew eċċezzjonijiet. Issa donazzjoni għal-liġi dwar il-finanzjament tal- partiti politiċi ma tfissirx biss li partit ikun irċieva għotja ta' flus. Għax anke jekk jixtri jew jirċievi prodott jew servizz bi prezz ridott, partit politiku jkun qiegħed jirċievi donazzjoni, u l-valur tad-donazzjoni, f 'dan il-kaz tkun l-ammont li jkun tnaqqas mill-prezz jew mill-valur tal-oġġett jew servizz. Imma jekk partit politiku jirċievi prodott jew servizz bla ma jħallas xejn għalih ikun qiegħed jirċievi donazzjoni li tikkonsisti fil-valur sħiħ tal-oġġett jew servizz li jkun qed jirċievi. Fil-kaz tal-laqgħa tal- Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista li saret fil-Girgenti ġara preċiżament hekk. Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista ingħata servizz li kien jikkonsisti fl-użu tal-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Girgenti biex fih jiltaqgħu, il-bogħod mill- istorbju, u allura biex il-ħidma tagħhom setgħet tagħti l-frott ippjanat. Dan is-servizz ingħata lill-Partit Laburista mill-uffiċċju tal-Prim Ministru u dan ingħata bla ħlas. Minħabba li ngħata bla ħlas jitqies li huwa donazzjoni. Il-Prim Ministru m'għandu l-ebda seta' jagħmel donazzjonijiet ta' din ix-xorta. Huwa miżmum milli jagħmel dan minn liġi li ppreżenta l-Gvern immexxi minnu stess fil-Parlament u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016 wara li ġiet approvata. Hemm min qed jargumenta li fil-passat sar l-istess. Probabbilment li dan huwa veru. Imma issa għandna liġi eżattament biex dan ma jerġax isir. Liġi li l-Gvern (ġustament) jiftaħar biha, ħalli mbagħad ikun hu stess li ma josservahiex! Mhix ħaġa sabiħa li l-partit u l-Gvern ikunu ħaġa waħda. Meta dan iseħħ, lanqas ma hu sinjal tajjeb. Ikun ifisser li wasalna f 'sitwazzjoni li fiha dak li hu tal-pajjiż ikun ikkapparrat mill-ftit. Hekk jibdew il-problemi l-kbar. Jibdew minn affarijiet żgħar li dwarhom jgħidulek biex ma tfettaqx imma mbagħad jinfirxu għal affarijiet ikbar. Imma jekk ma tkunx tajt każ fl-affarijiet iż-żgħar imbagħad ikun tard wisq. II-partit fil-Gvern jifforma l-Gvern imma hu separat u distint minnu f 'kull ħin. Għalhekk għandha taġixxi malajr il- Kummissjoni Elettorali għax is-separazzjoni bejn il-partit u l-istat hu prinċipju sagrosant meta demokrazija parlamentari tkun b'saħħitha. L-awtur hu Viċi Chairman ta' Alternattiva Demokratika. cacopardocarm@gmail. com, http://carmelcacopardo. wordpress.com "Mhix ħaġa sabiħa li l-partit u l-Gvern ikunu ħaġa waħda għax ikun ifisser li wasalna f 'sitwazzjoni li fiha dak li hu tal-pajjiż ikun ikkapparrat mill-ftit" "Għandna liġi li l-Gvern, ġustament jiftaħar biha, ħalli mbagħad ikun hu stess li ma josservahiex!" CARMEL CACOPARDO L-Att dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, jgħid li partit politiku ma jistax jaċċetta donazzjoni minn sorsi tal-istat

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 26 February 2017