Illum previous editions

illum 12 March 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/797850

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 12 ta' Marzu 2017 | illum Opinjoni 19 'Lanqas Alla ma jnizzlu' kienu qalu fuq it-Titanic hu u jsalpa ħelu, ħelu lejn id-destin tiegħu. Baned u festi, xampanja, ħornijiet, żfin, ikel u ċelebrazzjonijiet. Kemm iżżablu tat-Titanic dak il-lejl. Ma kontx issoddhom b'qargħa twila, x' vapur kien irnexxielhom, jibnu x' waħda din. Kienu propja qishom aħna tal-Lejber meta rbaħna l-elezzjoni wara ħamsa u għoxrin sena nittewbu. X'ma xrobniex u x'ma kantajniex. L-innijiet anke bir-reverse bdejna ngħannuhom u b'ħanġra daqshiex tafux. Il-garġi kont għoddni qlajthom. Sirna żibel kif nafu aħna, sakemm fl-aħħar mill-aħħar inħlibna, dħalna d-dar għarkopptejna, tkaxkarna għal ġos-sodda u ntfajna norqdu raqda ħalliema, mimlija tama għal żmien sabiħ miżgħud xogħol produttiv, skoperti, avventura u suċċess. Saħansitra l-għajta dakinhar bħal tat-Titanic kienet x'waħda din, għax il-kelma fuq fomm kulħadd ma kinetx ħlief waħda: 'Qas Alla ma jniżżel lil Joseph minn hemm'...u nassigurakhom li lanqas ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu dakinhar li l-Gvern Laburista wkoll kien salpa għal ġod- destin tiegħu b'nies fit-tmun li kellhom iċarrtulu ġnubu b'mod fatali. Il-leġiżlatura issa kważi għoddha għaddiet. Anzi taret ngħid jien. Kellna spettaklu ma jaqta' xejn fil-Parlament u barra minnu. Skandli u kummiedji ma jitwemmnux, kuntratti inviżibbli jew qishom biċċa arti tal-astratt maħduma iswed u abjad. Liġijiet għaddejjin qishom pastizzi, u sale kbir ta' ġid il-poplu ma jaqta' xejn aqwa minn tal- maltapark.com. L-oppożizzjoni tgħajjar lill- Gvern ħalliel, u l-Gvern fi ftit kliem iweġibha, veru, sew qed tgħid, imma mhux daqsek ta'! Int sraqt iktar! U l-għada nerġgħu b'xi farsa oħra. Kif l-Oppożizzjoni tkun naqra down, toħroġ dokument biex tati farka tama lill-poplu mbellaħ, u kif il-poplu jaħbat ħa jistejqer kemm kemm u jibda jistagħġeb bl-għerf ta' dak id-dokument, joħroġ l-awtur tad-dokument stess b'xi metafora li ġġib il-valur tar-roadmap fuq l-istess livell tal-karta tal-loki mill-fina. Min-naħa tiegħu, il- Gvern ma jonqos qatt mir- rankatura li jispinja storja ta' suċċess wara oħra, iħabbar investiment wara ieħor li x'ħin tixtarru tinduna li l-poplu qed jitteħidlu mhux jingħatalu. Imbagħad kif isib xi ntopp jew ifakkruh fil-karus tal- Panama, ikun pront iħabbar li ħa jżewweġ lill-gays, biex wara erbat ijiem jerġa' jinsa u jħallihom b'xiber imnieħer għarajjes perpetwi. Imma dil-ġimgħa għaxxquha waħda kbira! Il-Labour tgħidx kemm feraħ għax id-db group xela lill-Partit Nazzjonalista li talbu jħallaslu l-pagi tal- ħaddiema! Hemm hi l-korruzzjoni qalilna! Mixtrijin tal-maduma, mhux midjunin biss! Għax bħal dak li qallu, il- poplu baħnan! Jekk taw daqshekk lil tal- maduma biex forsi jigdmu lsienhom, mela kemm taw iktar lil ta' Kastilja biex ifarfrulhom biċċa art tal-poplu tiswa €200 miljun, b' taparsi €60 miljun (15 miljun fil-fatt)? U jekk tad-db għamilha tiegħu l-art tal-ITS, il-ftehim meta sar? Issa, jew qabel salpa t-Titanic? U jekk bid-donazzjonijiet tal-maduma qed iħallsu l-pagi tal-ħaddiema, mela l-Gvern x'inhu jagħmel? Regimenti sħaħ ta' nies imħallsin minn but il-poplu misluħ biex jagħmlu x-xogħol tal-Partit tal-Panamalabour minn ġol-ministeri saħansitra minn Kastilja! Min jattakka lil Ċikku, minn jhedded lil Peppu, min ibażwar 'l hawn, min iżżellaq 'l hemm, xufiera, ilbies designer minn fuqna l-bħanen li naħdmu, safar bla rażan, min jifqa' xi minibar, u nsomma Babilonja sħiħa! U tafu xi ġralha l-Babilonja l-aħwa, u tafu wkoll fejn spiċċa t-Titanic ħbieb. Mela toqogħdux taħsbuha. Din id-darba biddlu ta' veru. Ħallikom mill-Partiti vvizzjati. Agħżlu s-sinċier, agħżlu l-ġdid. Agħżlu l-partit tal- fejqan... wara kollox mimli tobba... jekk tridu s-serjetà agħżlu l-Partit Demokratiku! Marlene Farrugia hi l-kap tal-Partit Demokratiku MARLENE FARRUGIA Il-Labour u t-Titanic "L-Oppożizzjoni tgħajjar lill- Gvern ħalliel, u l-Gvern fi ftit kliem iweġibha: veru, sew qed tgħid, imma mhux daqsek ta'! Int sraqt iktar!" "Jekk taw daqshekk lil tal-maduma biex forsi jigdmu lsienhom, mela kemm taw iktar lil ta' Kastilja biex ifarfrulhom biċċa art tal-poplu tiswa' €200 miljun, b' taparsi €60 miljun?"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 March 2017