Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/797850
Aħbarijiet 4 illum | Il-Ħadd 12 ta' Marzu 2017 Il-multi għall-partit li jikser il-liġi ma jaqbżux il-€50,000 Tkompli minn paġna 1 Il-liġi kif imressqa mill- Gvern preżenti tispeċifika li multi f 'każ ta' ksur ta' partijiet mill-att li jkopru l-finanzjament tal-partiti, ma jistgħux jaqbżu l-€50,000 u ma jistgħux jaqbżu l-€5,000 għal kull ġurnata li matulha jkompli r-reat. Mal-ILLUM, Franco Debono, eks Deputat Nazzjonalista u llum konsulent tal-Prim Ministru għar-Riforma tal-Ġustizzja, sostna li, "l-liġi li saret għandha tkun applikata u allaħares ma tkunx. L-ironija trid," saħaq Debono, "li meta jien kont qed nipproponi liġi tal-finanzjament tal-partiti kien hemm min qed jirċievi r-rigali mingħand in- negozjanti." Debono kien pjuttost skjaċċanti wkoll fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u staqsa għalfejn dan m'għamel xejn meta kien Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien fil-Gvern. "Simon hemm kien," sostna Debono, "qatt ma ta każ abbozz ta' liġi li kien fuq il-mejda tal-Parlament għal sena, għalfejn qatt m'għamel xejn?" staqsa Debono. L-avukat, li ma' din il-gazzetta indika b'mod ċar li se jkun qed jissottometti ismu għal fuq il-kandidatura Laburista, sostna li Busuttil "biddel il-lasti għax inqabad." Intant, huwa temm jgħid li dan il-każ ta' allegat donazzjonijiet li l-grupp db qed jgħid li ta lill-PN tat "daqqa ta' ħarta għall- kunċett ta' finanzjament mill-istat. Għax jekk lanqas il-partiti nfushom m'huma lesti jżommi mar-regoli, kif se jkunu lesti n-nies li jiffinanzjawhom minn buthom?" Il-PL jistaqsi lil Simon Busuttil meta se jippubblika 'l-invoices illegali' "ILKAP tal-Oppożizzjoni ma jistax jibqa' jaħrab minn żewġ mistoqsijiet importanti li għandu jwieġeb. Busuttil huwa lest li jippubblika l-invoices illegali fi ftit sigħat? Għandu negozjanti oħra li qed iħallsulu aktar pagi fil-Partit Nazzjonalista?" Dawn id-domandi saru mill- Ministru Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri f 'konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ filgħodu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Zammit Lewis fakkar fil-każ li beda nhar il-Ħadd li għadda meta l-Kap tal-Oppożizzjoni kien kontradott min-negozjant li qal li qed iħallas il- pagi ta' żewġ uffiċjali għolja fil-Partit Nazzjonalista: is-salarji tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap Eżekuttiv. "Illum nafu li din it-talba kien għamilha l-Kap tal-Oppożizzjoni stess lin-negozjant," stqarr Zammit Lewis filwaqt li għamel referenza għal dak li qalet ix-shadow Minister Marthese Portelli fi programm televiżiv nhar il-Ġimgħa fejn qalet li "l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippubblika l-invoices illegali u għaldaqstant, dan għandu jsir mill- aktar fiss." Zammit Lewis kwota x'jintqal fil-liġi tal-finanzjament tal-Partiti dwar donazzjonijiet, fejn Artiklu 39 jitkellem fuq kif donazzjonijiet li jaqbżu s-€7,000 għandu jkun iddikjarat is-sors tagħhom, filwaqt li għamel referenza wkoll għal Artiklu 2 tal-istess liġi li jitkellem dwar donazzjonijiet li jsiru lill- organizazzjonijiet li fihom partit politiku jamministra direttament jew indirettament l-organizazzjoni. Zammit Lewis sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex fi ftit sigħat jippubblika l-invoices biex wieħed ikun jista' jara jekk humiex vera jew le, u jekk humiex konformi mal-liġi, anke permezz ta' reġistrazzjoni li suppost idaħħlet dwarhom. Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri għamlet referenza għall-istqarrija li għamlu l-Grupp db fejn ċaħdu li huma qatt irċevew lura xi reklami għall-flus li taw lill-Partit Nazzjonalista u l-istess grupp sfida lill-PN biex jgħid x'kienu dawn is- servizzi li qed jitkellem fuqhom. Schembri fakkret kif f 'dan kollu Simon Busuttil jinsab waħdu, hekk kif Said, li kien iservi ta' Segretarju Ġenerali, ħasel idu u qal li ma kienx jirċievi dawn il-flus. Min-naħa tiegħu, Mario De Marco giddeb lil Simon Busuttil meta qal li mhux vera Busuttil talbu biex jagħżel jekk jirrizenjax jew iwaqqaf il-brief legali tiegħu mal-grupp fuq il-proġett tal-ITS. U Alex Perici Calascione, it-teżorier tal-PN qal li huwa ma kien jaf b'xejn. Schembri temmet tgħid li sal- ġimgħa l-oħra, Busuttil kien għadu qed jitlob il-flus mingħand il-grupp DB. Hija sostniet li "l-Kap tal- Oppożizzjoni għandu jgħid jekk hemmx arranġamenti oħra ma' negozjanti oħra li qed iħallsu l-pagi tal-ħaddiema u li l-poplu għandu jkun jaf b'dan kollu u għalhekk għandhom jitwieġbu dawn il- mistoqsijiet." Il-PD jistaqsi jekk il-Gvern hux magħna jew kontra tagħna ILPARTIT Demokratiku sostna li "l-Partit Laburista, kieku ried u meta ried, seta' sejjaħ għal laqgħa ġenerali straordinarja biex b'hekk jemenda l-istatut tiegħu stess u jkun konformi mal-liġi." L-istqarrija tal-PD kienet qed titkellem dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti u l-fatt li l-Partit Laburista għadu mhux reġistrat bħala partit politiku mal-Kummissjoni Elettorali, li hi r-regolatur tal-liġi. Il-PD qal li minflok jirreġistra, "il-PL iddeċieda li jkompli jigdeb lill-poplu, u ilu iktar minn 6 xhur biex jirranġa l-istatut u jkun konformi mal-liġi li għadda huwa stess. Il-Partit Demokratiku għalhekk qiegħed jistaqsi lill-Kummissjoni Elettorali jekk hux se jittieħdu passi kontra l-aġir tal-PL talli dan ma rreġistrax lilu nnifsu fiż-żmien stipulat. Il-PD, jsostni li, "f 'ġieħ it- transparenza għandu jkun hemm mekkaniżmu biex transazzjonijiet kummerċjali li siru minn kumpanji li huma kollha jew parti ta' partit politiku għandhom ikunu pubbliċi u regolati. Il-liġi tal-finanzjament tal-partiti għandha tiġi emendeta biex b'hekk l-ebda partit politiku, membru parlamentari jew kandidat ma jispiċċa fil-but tal-investitur privat," sostna l-PD. Il-Partit Demokratiku jistaqsi wkoll lill-PL jekk dan id-dewmien kollu biex jirranġaw l-istatut mhuwiex minħabba li għadhom qegħdin iffittxu l-invoices tad-donazzjonijiet kollha li ngħataw lilhom. Il-PD temm jgħid li d-donazzjonijiet ma jsirux biss fil-forma ta' flus imma jistgħu jingħataw f 'servizzi, loġistika u elf ħaġa oħra. "Min kif qiegħed jaġixxi l-Gvern Laburista, fejn art li tiswa mitejn miljun tgħaddi għand terzi b'sittin miljun, ħafna jinsabu mħasba u jistaqsu; il-Gvern li tellajna magħna? Jew kontra tagħna?"