Illum previous editions

illum 12 March 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/797850

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 35

illum | Il-Ħadd 12 ta' Marzu 2017 Aħbarijiet 6 DB-gate: daqqa għal Simon u l-'koalizzjoni' Tkompli minn paġna 5 L-ewwel vittma ovvju ta' din is-saga kollha, huwa Simon Busuttil. Mhux qed ngħiduh aħna biss dan, qalu wkoll l-editorjal tal-gazzetta The Times li ddeskriva l-ġimgħa li wasslet biex tgħaddi bħala l-agħar għall-PN mit- telfa kbira ħafna li ġarrab fl-2013. Imma għalfejn hija daqstant ta' ħsara għall- PN u speċifikament għal Busuttil, din l-istorja? L-allegazzjoni li l-PN, mhux talli aċċetta imma talli kien hu stess li talab dawn il- flus, jitfa' dell pjuttost serju fuq Busuttil. Għax anke jekk qed jgħid li mhux se jħalli 'donazzjoni/flus' taffetwa kif jaħseb u xi jgħid u anke jekk nemmnuh meta jgħid dan, jibqa' fatt li espona lilu nnifsu għal kritika ta' inġenwità u nuqqas serju ta' ġudizzju politiku. Huwa impossibbli li Busuttil, jekk vera kien hu li talab biex jitħallsu żewġ pagatelli tal-partit, ma rrealizzax li dawn 'id-donazzjonijiet' se joħolqu obbligu. Huwa improbabbli fl-estrem li Busuttil ma rrealizzax il-kunċett, sfortunat imma vera, li ħadd ma jagħmel xejn għal xejn, l-ebda miljunarju mhu se jħallaslek żewġ pagi u ma jistenna xejn lura. Il-mument li l-PN aċċetta dawn il-flus, speċjalment jekk kien hu li talabhom u iktar u iktar jekk talabhom għal pagi speċifiċi, aċċetta inevitabbilment li jkun kompliċi f 'sistema mnawra ta' 'ħokkli dari ħa nħokklok tiegħek'. Jekk il-PN u speċifikament Busuttil kien lest li jidħol f 'dik li tista' faċilment tidher bħala tranżazzjoni finanzjarja, allegatament ta' €78,000 f 'sena waħda biss, mela allura messu kellhu ħażen biżżejjed biex jinduna li fi tranżazzjoni simili, tieħu, imma trid tagħti wkoll. Busuttil fuq in-NET TV qal 'this is not my mess', meta fil-fatt, 'the mess is none other than one of his own making'. Jekk huwa veru li Busuttil mar hu u kien hu stess li talab il-flus mingħand Silvio Debono biex iħallas il-pagi ta' Rosette Thake u ta' Brian St John, nistgħu naslu għal tliet konklużjonijiet. L-ewwel: Busuttil huwa kompletament nieqes mill-ġudizzju politiku meħtieġ minn kwalunkwe kap ta' partit għax lanqas biss induna li t-talbiet tiegħu se joħolqu obbligu. It-tieni: Busuttil huwa verament politiku onest (forsi onest iżżejjed) li ħaseb li Debono kien qed iħallaslu l-pagi, għalxejn, gratis, għax qalbu perżuta għall-Partit Nazzjonalista u allura jħoss li ma kellu jiġri xejn billi jiftaħ il-kanuni fuq il-konċessjoni ta' art lill-kumpanija DB. It-tielet: Simon Busuttil huwa politiku diżonest li kien jaf li meta jaċċetta l-flus, se joħloq obbligu, li kien komdu b'dak l-obbligu u li ħaseb li jista' jostor dawn id-donazzjonijiet/flus li probabbilment il-PN ilu jirċievi għal snin sħaħ. Hi x'inhi, Busuttil ma messu qatt aċċetta flus mingħand nies li għalihom il-partit huwa biss ATM li fiha titfa' u toħroġ il-flus. Iktar u iktar, Busuttil ma messu qatt u qatt mar hu jitlob l-istess flus. Nar fuq il-kolla tal-'koalizzjoni kontra l-korruzzjoni' Jekk, il-Kap Nazzjonalista qala' majnata, majnata ikbar qalgħeta l-'koalizzjoni kontra l-korruzzjoni', kif qed issejjaħ lill-PN, Busuttil. Ftit sigħat biss wara li ħareġ dan il-każ u anke fuq din il-gazzetta fuq paġna 19, l-eks Deputata Laburista u issa Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia tagħmilha pjuttost ċara, għalkemm ma tkunx espliċita, li l-koalizzjoni prospettiva mal-PN ħadet daqqa tajba, jekk mhux daqqa mortali. Fi stqarrija nhar it-Tnejn, Farrugia qalet hekk: "Il-ftit tama li l-familji kellhom fit- tiġdid tal-Partit Nazzjonalista, ġie mormi bl-istess mod li ntremiet il-fiduċja li tefa' fil-Moviment Laburista erba' snin ilu." Illum, f 'artiklu għal din il-gazzetta, Farrugia, apparti li tikkritika lil Toni Bezzina tikteb hekk: "Ħallikom mill- partiti vvizzjati, agħżlu s-sinċier, agħżlu l-ġdid....agħżlu l-PD." Dan anke jekk għall- mistoqsija tal-ILLUM jekk dan kollu jfissirx li l-possibbiltà ta' koalizzjoni issa hija mejta, hija wieġebet 'Le'. Imma Farrugia, li minn kull stħarriġ li sar riċentement mill-MaltaToday, jidher li qed tieħu voti ta' Nazzjonalisti, mhux waħedha. Dan il-każ irnexxielu, sa ċertu punt, ipinġi lis-sistema kollha b'żebgħa sewda. Busuttil huwa parti minn din is-sistema u l-idea li hu jew il-PN fil-fatt qed jagħmlu ftehim jew qbil minn wara dahar in-nies għall-finanzjament tal- PN, heżżeż il-pedamenti diġà dgħajfin tal-PN dwar il-governanza. F'għajnejn mijiet, jekk mhux eluf, dan il-każ huwa konferma tal-idea, diġà b'saħħitha fil-forma mentis kollettiv li 't-tnejn l-istess', 'it-tnejn maħmuġin' u li 'm'hemmx x'tagħżel'. Huwa dan l-akbar għadu tal-PN u ta' din il-'koalizzjoni kontra l-korruzzjoni'. L-idea li fil-fatt il-'koalizzjoni', li l-uniku kolla li tgħaqqadha hija l-'korruzzjoni', hija korrotta jew giddieba wkoll. Muscat u l-Partit Laburista se jagħmlu minn kollox biex każi bħal din tad-DB jibqgħu jqumu minn issa sal-elezzjoni ġenerali u bħan-nar, iddewbu l-kolla li tgħaqqad il-'koalizzjoni'. Partit Laburista: Rebħa Pirrika Il-Partit Laburista jħoss li għamel rebħa u li dan il-każ seta' qed jirrijinforza l-appoġġ lejh, filwaqt li jdgħajjef lill- Partit Nazzjonalista. Dan l-argument huwa difettuż fuq diversi fronti. L-ewwel u qabel kollox, il-Gvern preżenti la hu perċeput li hu nadif u lanqas li mhux qed jiffoxxna. Il-Gvern u l-Partit Laburista jafu sew li l-immaġini tal-Gvern f 'dak li għandu x'jaqsam mal- governanza, ikkrollat u l-ebda DB-gate mhu se tnessi l-Panama-gate. Għalhekk, l-akbar tama tal-PL huwa li jagħti biżżejjed majnati lill-PN biex ipinġih 'maħmuġ ukoll', u b'hekk ineħħi mill-PN l-unika vantaġġ li jista' għandu fuq il-PL, jiġifieri li għandu immaġini aktar 'nadifa'. Fuq dan il-front, il-Partit Laburista għamel rebħa. Imma r-rebħa hija pirrika u momentarja. Hija ftit konsolazzjoni li partit li għamel 25 sena fil-Gvern huwa 'maħmuġ' daqs partit li ilu erba' snin fil-Gvern u jekk il-PL qed jaħseb li dan l-iżball serju min-naħa ta' Busuttil se jagħtih l-assoluzzjoni biex ma jweġibx jew ma jieħux azzjoni dwar il-każ Panama, sejjer żbaljat. Bħalissa, settur vast tal-popolazzjoni jidher li qed tiddeċiedi li taqta' qalbha mill-politiċi, filwaqt li forsi xorta lesta tagħżel 'l-aħjar mill-agħar', għall-inqas fuq il-kwistjoni ta' governanza. F'dan is-sens, erba' snin biss wara vot qawwi għall-bidla, ir-rebħa numerika u strateġika tal-PL issir irrelevanti fl-isfond ferm aktar wiesgħa. In-negozju u l-politika: Taħlita letali In-negozju għandu l-għan li jimraħ biex jimmassimizza l-profitt. Il-politika għandha l-għan li timraħ biex toħloq ambjent fejn jikber in-negozju u jinħoloq ix-xogħol. Il-politika ma nistgħux ngħixu mingħajrha, bħalma ma nistgħux ngħixu mingħajr dawk li joħolqu x-xogħol. Imma meta n-negozju u l-politika jsiru ħaġa waħda, hemmhekk ikollok il-problemi u problemi serji. Meta l-għan ta' politiku jsir li jimmasimizza l-profitt ta' kumpanija jew negozju, ikun qed jilgħab wisq f 'idejn in-negozju u joħloq preċedent ikrah. Jekk in-negozjant se jibqa' jara lill- politiku bħala l-'għajn' li minnha jiddependi biex jixrob, mela allura se jibqa' jippompja l-flus fejn l-aktar li jħoss li għandu ċans li jikber. U kemm idum "Busuttil ma messu qatt aċċetta flus mingħand nies li għalihom il-partit huwa biss ATM...iktar u iktar ma messu qatt u qatt mar hu jitlob l-istess flus"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 March 2017