Illum previous editions

illum 12 March 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/797850

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 12 ta' Marzu 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Ma bdietx tajba s-sena għall-PN L -ewwel tliet xhur ta' din is-sena politikament kruċjali, ma tantx bdew tajjeb għall- Partit Nazzjonalista. Kellu jaaċċja l-każ tal-art tal- Lowenbrau, li għalkemm ma jirreferix għaż-żmien li ilu -Oppożizzjoni, xorta tefa' dawl xejn sabiħ fuq persuni li jinsabu l-frontline tal-PN illum. Il-każ tal-Lowenbrau, kif din il-gazzetta kellha l-opportunità li tfakkar f 'numru ta' editorjali, kien riessjoni ta' kif is-sistema mnawra u ta' bad governance galore d-Dipartiment tal- Artijiet, ma bdewx issa. Minkejja l-għajjat kollu ta' trasparenza snin twal f 'dan id-Dipartiment baqgħet tirrenja l-ġungla, fejn min kien jaf lil xi ħadd, jasal malajr u min ma kien jaf lil ħadd, jibqa' jittewweb. Il-każ tal- Lowenbrau kien wieħed klassiku ta' kif nies li huma 'tal-klikka' jew li huma perċeputi li huma hekk, ikollhom is-sistema, taħdem favurihom. Dwar dan il-każ, anke jekk jixbah ħafna dak skandaluż li seħħ taħt dan il-Gvern dwar Gaffarena, il-kap tal-Oppożizzjoni m'għamel xejn jew kważi xejn. Imbagħad kellna l-każ ta' Toni Bezzina. L-awtur tar-rapport tal-PN dwar l-ambjent, jiġifieri l-istess rapport li qed jipproponi li kull żvilupp ODZ ikun approvat minn żewġ terzi tal-Parlament, li fl-istess ħin applika biex jiżviluppa fuq art ODZ. Illum fuq din il-gazzetta, id-Deputata Marlene Farrugia tgħid, għalkemm ma ssemihx b'ismu, li Bezzina seta' uża l-karta li fuqha inkiteb ir-rapport bħala karta li tintuża biex timsaħ. Busuttil, anke fuq dan il-każ, ftit deher li kien lest li jagħmel. Veru li l-applikazzjoni ġiet irtirata, għalissa għall-inqas, imma iktar minn hekk ma smajna xejn aktar. Din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista, imma speċjalment Simon Busuttil iffaċċja l-akbar tempesta politika li kellu mill-aħħar elezzjoni ġenerali. In-nies qed isibuha ferm diffiċli jifhmu li, jekk dejjem huwa vera li kien hu li mar jitlob għall-flus mingħand il- kumpanija db, ma ndunax li qed joħloq obbligu. Ħafna qed isibuha ferm diffiċli li jemmnu li ħadd ma qal lil Busuttil li jekk vera kien qed jirċievi flus u jekk vera li dawn il-flus kienu qed imorru biex iħallsu pagi, id-donatur kien xi darba se jitlob sehmu lura. Kif għidna fit-tliet paġni ta' analiżi li għandna f 'din il-gazzetta illum, jew Simon Busuttil huwa kompletament nieqes mill-ġudizzju politiku bażiku li jirrikjedi kap ta' partit, jew huwa onest wisq li vera emmen li donazzjonijiet jew flus ta' dan it-tip mhux se joħolqu obbligu, jew inkella huwa diżonest għax forsi ħaseb li dawn id-donazzjonijiet qatt mhu se jaraw id-dawl tax- xemx. Hu x'inhu, li aċċetta dawn il-flus kien żball. Imma dan mhux kollox. Il-Viċi Kap tal-PN Mario De Marco, jidher li qisu l-ħin kollu taħt l-attakk. Qed joħroġ dejjem aktar fil-beraħ li hemm element qawwi u b'saħħtu fil-PN li jħoss li jista' jgħajjar jew inkella jitfa' pressjoni fuq De Marco b'impunità. Il- fatt li f 'dawn it-tliet xhur Busuttil deher aktar ħerqan li jiddefendi kandidat ġdid li qiegħed mal-PN għax il- PBS waqqaflu l-programm, milli li jiddefendi lil wieħed mill-ogħla uffiċċjali tal-PN stess, ma tantx tefa' dawl sabiħ fuq it-tmexxija tiegħu. Busuttil, huwa politiku determinat, però se jkollu bżonn ħafna aktar mis-sempliċiment determinazzjoni tiegħu biex idawwar il-kurrenti fravurih. L-ewwel u qabel kollox se jirrikjedi strateġija ċara, fejn tal-inqas il-proposti kostruttivi li ressaq l-istess partit jieqfu jkunu mirdumin taħt l-istess kantaliena negattiva fuq kollox, kulħadd u l-ħin kollu. It-tieni, jeħtieġ nies leali madwaru, mhux nies li se jdaħħluh f 'dak il-ħajt li tant kien isemmi qabel l-elezzjoni. It-tielet, Busuttil jeħtieġ li jkun iebes, mhux ma' De Marco biss imma ma' kull min għadu maqbud mal-użanzi tal-politiċi li n-nies skreditaw u se jerġgħu jiskreditaw. Ir-raba', Busuttil jeħtieġ jiftakar li l-ebda vapur bit-toqob ma' salpa sal- port. U l-ħames u l-aħħar, Busuttil irid jaħdem biex dawk li ma jemmnuhx fuq il-governanza, jemmnuh fuq it-twemmin soċjali tiegħu, jew fuq l-ideal tiegħu, jew inkella fuq il- miżuri fiskali, ekonomiċi u ambjentali li se jipproponi. Editur: Albert Gauci Cunningham 21

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 March 2017