Illum previous editions

illum 12 March 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/797850

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 12 ta' Marzu 2017 | illum Opinjoni 17 Skont Cacopardo... Kontijiet foloz u donazzjonijiet illegali M adwar tliet ġimgħat ilu, Alternattiva Demokratika talbet lill-Kummissjoni Elettorali biex tiftaħ investigazzjoni dwar l-użu illegali ta' proprjetà pubblika da parti tal- Partit Laburista. Dan wara li l-Grupp Parlamentari Laburista għamel użu mill-Palazz tal-Girgenti, residenza uffiċjali tal-Prim Ministru, għal waħda mil- laqgħat tiegħu. S'issa għadu mhux magħruf jekk il- Kummissjoni Elettorali hiex ser tieħu passi. Imma issa, bħal sajjetta fil-bnazzi, faqqgħet oħra. Dan wara l-allegazzjoni magħmula minn Silvio Debono dwar donazzjoni ta' €70,800 mogħtija minnu lill-Partit Nazzjonalista. Din id-donazzjoni, qal Silvio Debono, kienet moħbija bħala ħlas għal servizzi u dan wara li nħareġ kont falz minn kumpanija tal-Partit Nazzjonalista. Min-naħa l-oħra, il- Partit Nazzjonalista ċaħad dan kollu u qal li ħlas ta' €70,800 sar minn kumpaniji ta' Debono għal servizzi li ngħataw minn Media. Link Communications. Imma fl-istess ħin li għamel din iċ-ċaħda, il- Partit Nazzjonalista qal li l-flus maħmuġin se jkunu ritornati. Il-Partit Nazzjonalista għandu jagħżel bejn iż-żewġ pożizzjonijiet kontradittorji li qed jieħu: is-€70,800 jew huma għotja maħmuġa, inkella huma ħlas għal servizz, jew waħda inkella l-oħra. Silvio Debono jgħid li hu jista' jissostanzja dak li qed jgħid għax f 'idejh għandu kemm il-kontijiet foloz kif ukoll l-irċevuti tal-ħlas li sar. Minkejja li sar il-ħlas, isostni Debono, il-Media. Link Communications ma taw l-ebda servizz lill- kumpaniji tiegħu. Din l-allegazzjoni hi gravi ħafna u tattakka l-prinċipji fundamentali li fuqhom hi bbażata l-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi: it-trasparenza u l-kontabbiltà. Dak li qed jgħid Silvio Debono jfisser li hu possibbli li donazzjonijiet finanzjarji sostanzjali lill-partiti politiċi jibqgħu mistura sakemm dawk involuti jibqgħu b'ħalqhom magħluq. Ifisser ukoll li l-liġi tista' tkun bla snien jekk il-kumpaniji tal-partiti politiċi jintużaw b'ħażen. Minkejja li l-Kummissjoni Elettorali għandha s-setgħa li tinvestiga f 'ċirkustanzi normali, allegazzjoni ta' din ix-xorta, hu diffiċli li tkun ippruvata. L-ebda partit politiku mhu ser jikkonferma li l-kumpaniji tiegħu qed jintużaw biex iduru mal-liġi. Fil-fatt it-Teżorier tal-PN iktar kmieni din il-ġimgħa stqarr li hu ma kien jaf xejn dwar il-biċċa. Żied jgħid, l-anqas qatt ma ltaqa' ma' Silvio Debono. Din l-allegazzjoni tista' tkun ippruvata biss jekk jitkellem min ikun kompliċi fl-istorja, bħalma qiegħed jiġri f 'dan il- każ, avolja sal-mument li qed nikteb, il-kontijiet foloz s'issa għadhom ma ġewx ippubblikati għall- iskrutinju pubbliku. B'dan li qiegħed jgħid, Debono qed jafferma li jaf li hu (jew il-kumpaniji tiegħu bl- approvazzjoni tiegħu) kiser il-liġi billi ħallas kontijiet li jaf li kienu foloz. Dan kien l-uniku mod kif seta jagħti donazzjoni (illegali) ta' dik ix-xorta lill-PN. Il-Partit Laburista talab lill-Kummissjoni Elettorali biex tinvestiga u tieħu passi. Jiena kieku mmur iktar lil hinn minn hekk. Wasal iż-żmien li l-partiti politiċi jżarmaw il-kumpaniji kummerċjali tagħhom. Dan għandu jkun sostitwit b'għajnuna finanzjarja mill-istat lill-partiti politiċi liema għajnuna għandha tkun soġġetta għal kontrolli stretti. Din possibbilment hi l-unika triq li tagħmel sens. Meta Silvio Debono qal l-istorja kollha dwar il-kontijiet foloz biex saru d-donazzjonijiet illegali, bl-iżjed mod ovvju huwa kien qed jirritalja. Kien qed jagħmel dan minħabba l-kritika tal- Partit Nazzjonalista dwar il-prezz redikolu stabbilit għat-trasferiment tal-art f 'Pembroke biex isir il- proġett fejn illum hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Dan kollu jibqa' jżid mal-gravità tal- każ għax hu ċar li Silvio Debono stenna li tal-inqas, l-investiment tiegħu fil- PN jirrendi billi dawn ma jikkritikawhx. Tal-inqas, il-Partit Nazzjonalista m'għamilx dan l-iżball ukoll! Tibqa' mistoqsija waħda: hemm iktar donazzjonijiet mistura bħad-donazzjoni ta' €70,800 li Silvio Debono ta lill-Partit Nazzjonalista? Nistennew lill-Kummissjoni Elettorali ixxammar il-kmiem u ssolvi din il-problema, illum qabel għada. L-awtur hu Viċi Chairman ta' Alternattiva Demokratika. cacopardocarm@gmail.com, http://carmelcacopardo. wordpress.com "Wasal iż-żmien li l-partiti politiċi jżarmaw il-kumpaniji kummerċjali tagħhom u jkunu sostitwiti b'għajnuna finanzjarja mill-istat lill-partiti politiċi li tkun soġġetta għal kontrolli stretti. Din possibbilment hi l-unika triq li tagħmel sens" "Dak li qed jgħid Silvio Debono jfisser li hu possibbli li donazzjonijiet finanzjarji sostanzjali lill-partiti politiċi jibqgħu mistura sakemm dawk involuti jibqgħu b'ħalqhom magħluq" CARMEL CACOPARDO Is-sid tal-grupp db Silvio Debono

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 March 2017