Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/797850
Il-Ħadd 12 ta' Marzu 2017 | illum Sports 33 Riżultati tajbin għall-atleti Maltin fil-Kampjonati Field and Track ġewwa l-Marsa FIL-JIEM li għaddew, ġiet organizzata l-Laqgħa Annwali tal-Kampjonati Field and Track mill- Malta Amateur Athletics Association, liema laqgħa ġibdet folla mdaqqsa ġewwa t-trakka Matthew Micallef St John fil-Marsa. Għall-ispettaturi li ġew bil-ħerqa sabiex jaraw prestazzjonijiet determinati u kompetitivi żgur ma ħarġux diżappuntati meta kważi 200 atleta nġabru għall- kompetizzjonijiet varji. Il-finali tas-60 metru tal-irġiel u nisa kienet il-qofol tal-kompetizzjoni. Fil-kategorija tan-Nisa kien hemm kompetizzjoni stretta ħafna meta kienu biss 0.07 ta' sekonda li sseparaw l-ewwel erba' atleti. Fl-aħħar, kienet Janet Richard li rebħet fuq Rachel Fitz. Għalkemm Richard u Fitz irreġistraw l-istess ħin ta' 7.78 sekondi, il- photo-finish wera lil Richard fuq quddiem. Fil-finali tal-istess kategorija tal-irġiel Luke Bezzina ddomina u l-ħin rebbieħ tiegħu, ta' 6.94 sekondi, ikkonferma li hu jinsab f 'forma tajba ħafna. Fit-tellieqa tat-3,000m tan-nisa, rajna rebħa oħra minn Lisa Bezzina, atleta konsistenti oħra li qed tagħti prestazzjonijiet impressjonanti. Bezzina kellha battalja ma'Mona Lisa Camilleri, u Bezzina rebħet b'distakk ta' inqas minn erba' sekondi fuq Camilleri. Sadanittant fit-tellieqa tal-irġiel, Simon Spiteri kien ferm evidenti kif hu inġibed 'l bogħod minn Jean Paul Debono u Dario Mangion fid-dawra finali. Il-ħeġġa u deteminazzjoni ta' Spiteri ratu jirbaħ ħafna tlielaq din l-aħħar sena. Dan l-ispirtu ma jidhirx li qed jonqos sabiex hekk jidher li huwa atleta ieħor li mistenni jkompli jgħati riżultati tajbin. Fis-600m tal-irġiel, ewwel tliet postijiet kienu meħuda minn Matthew Croker, Neil Brimmer u Jean Paul Debono. Il-ħin rebbieħ ta' Croker ta' 1.23.41 wera li t-tħejjijiet tiegħu għall-800m sejrin tajjeb. Fil-kategoriji taż-żgħar, ingħataw wirjiet tajbin mill- atleti żgħażagħ bħal Alessia Cristina, Rachela Pace, Sarah Bartolo, Sarah Chouhal, Sean Spiteri u Kurt Zahra. Fit-tellieqa tal-bniet tas- 60m, Alessia Cristina, atleta li spikkat fil-kompetizzjoni Ewropej taż-żgħażagħ, ġewwa Brno is-sena li għaddiet, kellha rebħa ċara fuq Sarah Bartolo u Rachela Pace, b'ħin ta 7.93. L-istess tlieta ddominaw il-Long Jump tal-Youth għalkemm f 'postijiet differenti. Din id-darba, l-ewwel post ġie meħud minn Pace, segwita minn Cristina u Bartolo. Sinonimu mal-atletika, il-kunjom Chouhal matul is-snin ipproduċa riżultati notevoli. Fil-kompetizzjoni tas-Sibt, l-aqwa postijiet ittiħdu miz-żewġ membri tal-familja Chouhal meta fil-kategorija tal-bniet Hammer iż-żagħżugħa Sarah Chouhal, irreġistrat all-time category best ta' 40.07. Fil-kategorija Open Hammer tan-nisa, l-atleta veterana Antonella Chouhal irreġistrat distanza ta' 42.46m. Prestazzjonijiet notevoli oħrajn ġew irreġistrati miż- żgħażagħ Kurt Zahra u Sean Spiteri li kienu l-ewwel u t-tieni, rispettivament fil- kategorija subien tas-60m, filwaqt li Sean Spiteri rebaħ il-kategorija tal-Long Jump tas-subien segwit minn Luka Aras. Fil-kategorija intermedja, sprinters bħal Carla Scicluna, it-tewmin Elaida u Nassim Dardouri wrew forma eċċellenti. Huwa ċar li bil-livell tagħhom ta' impenn u d-dedikazzjoni, dawn dalwaqt se jistabbilixxu ruħhom fost l-aqwa sprinters f 'Malta. Janet Richard tirbaħ it-tellieqa tas-60 metru Ritratt : Wally Galea 'Nixtieq li jkun hawn ħafna tfal li jmorru jilagħbu barra minn Malta' - Joseph Zerafa minn Cristian Antony Muscat FL-ISFOND tal-intervista li l-ILLUM għamlet ma' Joseph Zerafa, nhar il-Ħadd li għadda, l-istess difensur verstili ta' Birkirkara xtaq jagħmel appell lit-tfal lokali li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol kemm f 'Malta kif ukoll barra minn Malta. Huwa kien ferm espressiv fi kliemu fejn stqarr li: "Kemm jista' jkun nixtieq li jkun hawn ħafna tfal li jmorru jilagħbu barra minn Malta. L-appell tiegħi huwa aktar għall-MFA u għan-nurseries biex nagħmlu l-affarijiet aktar professjonali. Affarijiet żgħar fejn joħroġ in-nuqqas ta' professjonaliżmu hu li meta jien inkun qed nara lit-tfal tagħna jittrenjaw, nibda nisma' li qed jilagħbu b'ballun imniżżel. Kif jistgħu kowċis jgħallmu lit-tfal b'ballun imniżżel? Lanqas jien, għax meta l-iskola kont nara li hemm ballun imniżżel kont immur għand l-għalliem tal-edukazzjoni fiżika, nonfħu u nkompli nilgħab. Ċerti affarijiet se jkolli ngħidhom. Għalija ma tistax tagħmel logħba bejn it-tfal u tagħmilhielhom mingħajr skor. Jekk jiġu għaxra b'xejn ma tgħidhilhomx lit-tfal. Jew inkella jieħdu midalja kollha. Jew ma jiħdux unur għall-aqwa plejer tal-logħba jew għall-aqwa skorer. Għalxiex qed jiġġieldu allura dawn it-tfal? Biex ikunu kollha fuq l-istess livell? Jien meta kont żgħir kien hemm plejers ħafna aħjar minni imma xorta kont naqla' fwiedi biex forsi nieħu l-unur għall-aqwa plejer tal-partita. Kellna l-award tal-most promising player. Kont nistinka biex nitjieb ħalli nieħu dan il-premju. Għaliex qed jinqerdu dawn l-affarijiet? Għaliex m'għadniex naqblu mat-tim A u t-tim B? Jiddispjaċini, imma l-kompetizzjoni hija bżonjuża. It-tifel irid ikollu mentalità ta' 'survival of the fittest', għax wara kollox, il-ħajja hekk hi. Li qed jiġri hu li qed nagħmlu minn kollox biex ma nweġġgħux l-emozzjonijiet tat-tfal, b'konsegwenza li qed inġibu lil kulħadd l-istess. Jekk tiġi t-tieni post m'intix rebbieħ. Inti l-aħħar tellief, però xorta ma rbaħtx. Jekk naraw plejer tajjeb ta' għaxar snin niħduh barra minn Malta. U jekk ma jkunx tajjeb biżżejjed ma jimpurtax. Hemmhekk l-aqwa biss jidħlu u din irridu naċċettawha. Però mhux imbagħad jaqta' qalbu. Anzi bil-kontra. Esperjenza hekk trid isservih biex jistinka aktar. Ma nistax nagħti ċertifikat lil kulħadd għax b'hekk qed inġibu lil kulħadd l-istess. Ma nistax, tifel li qala' għoxrin gowl nippremjah bl-istess mod li nippremja tifel li skorja għoxrin gowl. U dik għalija hija l-akbar problema hawn Malta. Ma nħarsux wisq lejn l-iżvilupp tat-tifel imma li t-tifel ma jweġġax. X'ma joħorġux imfissdin it-tfal Maltin! U din tista' tkun raġuni ewlenija, kif qal Andrè Schembri, li t-tfal tal-lum qed isibuha diffiċli biex imorru barra minn Malta. Hawn Malta jekk plejer ma jafx jimxi nagħtuh ċertifikat talli rifes fil-grawnd, imbagħad barra minn Malta jsib realtà differenti. Irid jiġġieled mal- iljuni. Biex ma jiħux għalih, tifel ta' għaxar snin li jiżen tmenin kilo xorta ngħidulu li huwa tajjeb daqs tifel li qisu atleta. Lill-plejers irridu nimmotivawhom jekk huma tajbin. Pastażata oħra li għadni kif smajt fil-futbol Malti hi li jekk tifel jagħmel l-istess fawl ta' karta safra f 'żewġ logħbiet differenti, dan jiġi sospiż fil-logħba ta' wara. Jiġifieri jekk f 'logħba A għamel fawl minn wara u qala' safra, u f 'logħba B għamel fawl simili minn wara u qala' safra, dan jiġi sospiż. Dawn l-affarijiet jien ma nifhimhomx u ma bżonnjuż fil-futbol," temm jgħid Joseph Zerafa. Joseph Zerafa jifraħ wara l-kwalifikazzjoni kontra Hearts FC matul is-sajf li għadda Ritratt : www.birkirkarafc.com