Illum previous editions

illum 25 June 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/841480

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 25 ta' Ġunju 2017 | illum Opinjoni 19 R iżultat elettorali li jikkonferma distakk ta' voti ta' erbgħin elf vot jista' faċilment jitla' għal ras il-partit rebbieħ. Il-voti jissarrfu f 'siġġijiet parlamentari u maġġoranza kbira fil- parlament tista' twassal biex mingħandu l-poter jibda jara lil kulħadd dubbien! Għalhekk il-Partit Laburista wara r-rebħa elettorali massiċċa li kiseb għat-tieni darba konsekuttiva jrid joqgħod attent u jżomm saqajh mal-art. Bħala gvern irid jassigura li l-manifest u l-pjan ta' ħidma li wiegħed iwettqu għax għalhekk kiseb il-fiduċja tal-poplu. Bħala partit rebbieħ m'għandu jieħu xejn for granted u l-ewwel ma jrid jagħmel huwa li janalizza r-riżultat elettorali. Fl- ewforija tar-rebħa elettorali tal-2013 ħadd ma kien bassar li l-elezzjoni ġenerali li jmiss kellha ssir sena qabel żmienha imma hekk kellu jsir. U għalhekk jinħtieġ li l-Partit iħejji ruħu għal kull eventwalità għaliex il-poter fil-politika huwa ċens temporanju misluf lill- għasafar tal-passa. L-ammissjoni tal-gvern, kif espressa bosta drabi fid- diskorsi tal-Prim MInistru Joseph Muscat, li mhux perfett u li, matul il-leġiżlatura li għaddiet wettaq żbalji wħud minnhom ħoxnin, għandha sservi ta' motivazzjoni għalfejn il-partit għandu jieqaf u jirrifletti fuq ir-riżultat elettorali u mhux iserraħ moħħu bl-appoġġ assolut li kiseb. Meta wieħed jikkunsidra x-xogħol li wettaq il-gvern matul il-leġislatura li għaddiet kien ħaqqu dan ir-riżultat? It- tkabbir ekonomiku, it-trażżin tad-dejn u d-defiċit, ir-roħs fil-kontijiet, it-titjib fil- qasam tas-saħħa u l-enerġija, il-ħolqien tal-impjiegi, iż-żieda fl-investiment, it- titjib reġistrat fl-edukazzjoni u l-qasam soċjali kif ukoll fid-drittijiet ċivili jirriflettu fir-riżultat elettorali? Jew kien mistenni riżultat aħjar? Mill-banda l-oħra fir-rigward tal-governanza, fl-ambjent u fl-infrastruttura l-gvern kiseb ir-riżultat mixtieq jew dak relattiv? M'hemmx dubju li l-kampanja tal-Partit Laburista kienet waħda msejsa fuq proposti konkreti u mibnija fuq aspirazzjonijiet u ambizzjonijiet ta' pajjiż li huma pożittivi. Dan b'kuntrast ma' dak li ppreżenta lill-elettorat il-Partit Nazzjonalista. Din il-formola jew strateġija ħadmet sew u diġà kienet pruvata fil- kampanja tal-2013. Iżda wieħed jinnota li din id- darba l-enfasi fuq il-ħtieġa ta' Moviment kienet ferm inqas. Kien hemm konċentrazzjoni ikbar fuq il-ħtieġa li l-core tal- partit u Laburisti tradizzjonali joħorġu jivvutaw. "Mhux tibbuwjaw imma tivvotaw" kien jisħaq il-mexxej fil- mass meetings matul il- kampanja. Jidher ċar li sa nofs il-kampanja kien hemm preokkupazzjoni li n-nuqqas ta' ħeġġa ta' Laburisti li joħorġu jivvutaw kienet qed timmitiga lil dawk li ddeċidew li jivvotaw għall-ewwel darba lill-Partit Laburista. Kien hemm il-fattur ukoll li numru konsiderevoli ta' votanti li kienu vvutaw għal Partit Laburista fl-elezzjoni tal-2013 din id-darba għażlu li ma jivvutawx għall-PL. Jidher li l-istrateġisti tal-PL kienu konxji sew ta' dan u matul il-kampanja ħadu d-direzzjoni li tilqa' għal dawn id-daqqiet. "Jekk Ministru jew membru parlamentari naqaskom għażlu kandidat ieħor u mhux jeħel il-partit". L-analiżi tal-partit m'għandhiex tieqaf sal-punt jekk l-istrateġija ħadmitx jew le. Imma l-partit irid jixtarr sew x'kienu l-fatturi li instigaw switchers li jerġgħu jbiddlu r-rotta u għaliex Laburisti, li jekk tpoġġihom rashom 'l isfel xorta jibqgħu jgħidu 'viva l-labour', kienu riżoluti li ma jivvotawx. Il-Partit Laburista jrid isib spjegazzjoni għall-fatt li kellu Ministri kunsidrati validi u li għandhom track record li wettqu l-programm tal-gvern u din id-darba ma ġewx eletti fil-parlament jew ħadu s-siġġu parlamentari tagħhom bi tqanżiħ. F'dan il-każ ukoll intbagħat messaġġ mill- elettorat li ta' min jistudjah. Hemm imbagħad il- kwistjoni tal-iżbalji. Lil hinn minn dak li qalet l-oppożizzjoni ċioè li fil- pajjiż għandna l-ikbar gvern korrott u kull ħaġa li jagħmel hija skandlu, il-PL irid jara għalfejn twettqu dawn l-iżbalji bl-iskop li jinstab l-aħjar mezz biex ma jirrepetux ruħhom. Huwa minn ewl id- dinja li min jiżbalja jipprova jiġġustifika l-iżball tiegħu. Kemm-il darba smajna bil- poor judgement jew error of judgment, jew inkella sforz l-entużjażmu jew l-għaġġla. Kultant smajna wkoll min jipprova jilgħab bil-morali u l-etika għaliex huma relattivi u li jgħodd għalik mhux bilfors jgħodd għalija. Kultant dħalna fid-dibattitu jekk dak li mhux illegali allura huwa sewwa! U kien hemm waqtiet fejn serraħna rasna fuq kemm għaddejna liġijiet li jipprevenu l-abbuż mingħajr ma enfasizzajna bl-istess saħħa fuq l-infurzar tal-istess liġijiet jew regolamenti. Din il-leġiżlatura għandha toffri l-ikbar opportunità għall- partit fil-gvern biex turi li l-qabża fil-kwalità qed iseħħ ukoll fil-qasam tal-governanza u l-amministrazzjoni pubblika. Ir-riżultat elettorali tal-2017 jixbah ħafna lil dak tal-2013 iżda bla dubju nkiseb għal raġunijiet differenti. Il-Partit Laburista jrid jifhem dawn id-differenzi. U biex jifhem sew irid jibqa' qrib in-nies. Irid jorganizza ruħu b'mod li filwaqt li jżomm distakk mill-ħidma tal-gvern iżda jrid jagħmel skrutinju fuq dak li jkun għaddej. Jekk fil-Parlament l-gvern irid jiffaċċja lill-Oppożizzjoni fuq il-ħidma tiegħu, barra l-Parlament il-ħidma tal- gvern trid tiffaċċja l-iskrutinju tal-Partit Laburista apparti l-iskrutinju tal-poplu matul il- leġiżslatura u l-verdett tiegħu fl-elezzjoni ġenerali. L-awtokritika u l-mekkaniżmu li jindirizzawha għandhom jingħataw prijorità fl-istrutturi tal-partit u bħalma joħorġu ideat u proposti li jsibu posthom fil-programm tal- gvern fuq livell ta' politika, hekk ukoll il-partit għandu jikkontribwixxi permezz ta' skrutinju fl-eżekuzzjoni tal-miżuri u l-inizzjattivi li jwettaq il-gvern. Jagħmel dan mhux b'sens partiġġan jew biex ninkoraġixxu l-kultura ta' klijenteliżmu imma biex jassigura li l-gvern verament jibqa' qrib in-nies matul il- leġiżlatura kollha. Il-poplu qatt ma jitkellem fil- vojt. Trid tisimgħu u taġixxi. "Jekk fil-Parlament l-gvern irid jiffaċċja lill-Oppożizzjoni fuq il-ħidma tiegħu, barra l-Parlament il-ħidma tal-gvern trid tiffaċċja l-iskrutinju tal-Partit Laburista" "Il-partit irid jixtarr sew x'kienu l-fatturi li instigaw switchers li jerġgħu jbiddlu r-rotta u għaliex Laburisti, li jekk tpoġġihom rashom 'l isfel xorta jibqgħu jgħidu 'viva l-labour', kienu riżoluti li ma jivvotawx." Il-Poplu tkellem…..il-Partiti semgħuh (2) MANUEL MICALLEF

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 25 June 2017