Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/841480
Il-Ħadd 25 ta' Ġunju 2017 | illum 23 MINKEJJA li llum għandi 29 sena ommi baqgħet iżżomm id-drawwa ta' tfuliti li tagħtini rigal ċkejken f 'għeluq snini. Għalkemm napprezza ferm dan il-ġest tagħha, dejjem nispiċċa ntambrilha biex ma toqgħodx tonfoq flus, aktar u aktar issa li m'għandhiex impjieg! Ftit tal-jiem ilu konna qed nitkellmu u meta semmietli għeluq snini, bħas-soltu fakkartha biex ma tixtrili xejn. Hi kienet pronta weġbitni: "U iva, mhux ta' darba f 'sena!" Naf li ommi tagħmel dan biex turini li tħobbni. Imma naf ukoll li m'hemmx bżonn tagħtini rigal biex turini dan, dak li għamlet u li għadha tagħmel miegħi għalija hu aktar minn biżżejjed. Wasalt fejn wasalt illum kollu bis-saħħa tagħha, u ta' missieri wkoll naturalment. Ikolli nistqarr li minkejja li sirt mara u żżewwiġt, lil ommi bqajt infittixha. Ħajti ma nistax nimmaġinaha mingħajrha. Għalija jum l-omm hu kuljum. Il-wens li sibt fiha sa mill- ewwel taħbit ta' qalbi f 'ġufha, għalkemm b'mod differenti, għadni nsibu sal-lum. Hi għallmitni b'suċċess xi tfisser omm, fissritli x'inhi mħabba veru li ma tfittixx għaliha nfisha, għallmitni xi jfisser tagħmel sagrifiċċju għall-għeżież tiegħek, tgħin mill-qalb, tieħu paċenzja u l-bqija. Għamlet dan b'ħajjitha stess! Ommi dik il-persuna li sa minn età ċkejkna fissritli b'mod ċar li l-imħabba ma titkejjilx bl-affarijiet materjali. Hi kienet dik li wrietni li l-aktar rigali li fihom valur huma dawk li m'hemm ebda valur imniżżel fuqhom, ċioè huma bla prezz, ma jinxtrawx. M'għandix dubju li ħafna jaqblu miegħi fuq dan għax nafu li għalkemm id-definizzjoni tal-imħabba tista' tkun vasta, u għalkemm l-imħabba jaf tieħu diversi forom differenti, l-imħabba mhix limitata tant li tista' tieħu forom materjali! Minkejja kollox, għandna tendenza li fejn jidħol Alla, jista' jkun ukoll bla ma nintebħu, inkunu materjalistiċi u nitilfu s-sens veru tal-imħabba. Pereżempju, qatt ħsibna kif qed inkejlu l-imħabba ta' Alla? Forsi qed naraw kemm Alla jħobbna minn kemm jipprovdilna finanzi, jew kemm jagħtina saħħa u jżommna bogħod mill- mard, jew kemm qed jaqtgħalna x-xewqat tagħna? Jekk qed nagħmlu hekk ma nkunx qed inkunu artifiċjali, ma nkunux qed nipprovaw inċekknu l-kobor tal-imħabba bla qies? Ta' min nirriflettu fuq dan biex naraw jekk hux qed inħobbu lil Alla jew lill-għotjiet tiegħu! Forsi ġieli smajt dik l-istorja ta' raġel li meta staqsa lil Alla kemm kien iħobbu, Ġesù fetaħ idejh beraħ u minn fuq is-salib qallu: 'Ara, daqshekk inħobbok!' Alla l-Missier ċertament jurina mħabbtu billi jipprovdielna l-bżonnijiet materjali ta' kuljum, imma Alla jaf li qabel kull bżonn ieħor għandna l-bżonn sagrosant li ruħna ma tibqax mejta bid-dnub imma tgħix għal dejjem biex hekk inkunu nistgħu ngawdu l-wens u l-imħabba tal-Missier fid-dar tas-sema. Għalhekk, Alla għoġbu jfisser il-qofol t'imħabbtu lid-dinja meta bagħat lil Ibnu l-waħdieni b'sagrifiċċju għad-dnubiet biex min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta' dejjem (Ġwanni 3:16). Iva, Alla hekk ħabbek, b'ħajtu stess! gospelhopecommunity@gmail.com Rakkont Marylin Bellizzi Fissritli x'inhi mħabba veru b'ħajjitha stess! FILĦWIENET EWLENIN HISTORY OF ORNITHOLOGY IN MALTA Ommi dik il-persuna li sa minn età ċkejkna fissritli b'mod ċar li l-imħabba ma titkejjilx bl-affarijiet materjali... li l-aktar rigali li fihom valur huma dawk li m'hemm ebda valur imniżżel fuqhom