Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/841480
Aħbarijiet 8 illum | Il-Ħadd 25 ta' Ġunju 2017 Bżonn tal-għaqda wara xhur ta' dibattitu 'qalil' u 'distruttiv' Tkompli minn paġna 1 "Il-mira ewlenija skont dan il-programm hi li ma jibqax tifel wieħed jew tifla waħda f 'riskju ta' faqar...għal dan il-għan il- Gvern hu kommess li jżid iċ-childcare allowance b'€100 għal kulħadd u għal dawk il-familji bi dħul baxx iż-żieda tkun ta' €200. Kull omm se tirċievi child bonus ta' €300 kemm jekk twelled kif ukoll jekk tadotta," saħqet il-President li fid-diskors fakkret ukoll kif il-Gvern f 'din il- leġiżlatura wiegħed li se jkun qed jagħti għajnuna diretta sa massimu ta' €10,000 lil dawk il-ġenituri li jkunu jeħtieġu jsiefru biex jadottaw. Id-diskors għamel aċċenn ukoll għaż-żieda fil-paga minima, liema żieda kienet maqbula ftit jiem qabel kien xolt il-Parlament u saħqet li l-qbil wiesa' li seħħ u li se jkun qed iwassal għal dawn l-ewwel żidiet fi snin twal, "hu mudell ta' kif għandhom jitmexxew l-affarijiet f 'pajjiżna." "Huwa importanti li l-pajjiż javvanza ekonomikament," saħqet Coleiro Preca, "madankollu jekk l-avvanz ekonomiku ma jintużax biex isaħħaħ it-tessut soċjali u jilħaq iktar nies, ftit li xejn ikun jiswa għall-pajjiż u għall-poplu tagħna." Id-diskors tal-President għamel aċċenn qawwi fuq l-għaqda u l-bżonn li "minn issa 'l quddiem niftiehmu li kull ġurnata għandha tkun ġurnata ta' fejqan." Għal dan il-għan f 'din il-leġiżlatura l-Gvern se jkun qed ilaqqa' u jaħdem fuq Konvenzjoni Kostituzzjonali bil-għan li timmodernizza l-istituzzjonijiet nazzjonali biex ikunu "aktar aċċessibbli u kontabbli lejn il-poplu," u bil-għan ukoll illi titwieled "it-Tieni Repubblika msejsa fuq l-għaqda nazzjonali." Dan għalhekk se jkun it-tieni attentat lejn dan il-għan, hekk kif l-ewwel attentat falla wara diżgwid bejn il-PN u l-Gvern dwar il-ħatra ta' Franco Debono biex imexxiha. "L-ewwel prijorità tal-Gvern għandha tkun li jħares l-għaqda u jaħdem biex jgħaqqad lil pajjiżna wara ġimgħat ta' kampanja elettorali intensiva u wara xhur sħaħ ta' dibattitu qalil u ħafna drabi anke distruttiv," insistiet il-President tar- Repubblika li ġimgħat qabel issejħet l-elezzjoni kellha laqgħat privata, kemm ma' Simon Busuttil u Joseph Muscat separatament, hekk kif it- temperatura politika kienet bdiet tilħaq livelli allarmanti. Id-diskors tal-President elenka diversi proġetti u miri li Gvern Laburista wiegħed qabel l-aħħar elezzjoni u li qed ikunu msemmijin bħala prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin. Fost dawn jissemmew il-proġett tal-mina u l-fast ferry għal ma' Għawdex, l-Isptar għall- Ommijiet u għall-Ulied u ieħor għall-kura Psikjatrika u l-proġetti tal- Isptarijiet ta' St Luke's, Karin Grech u ta' Għawdex fis-saħħa kif ukoll reviżjoni fil-liġi tal-IVF. "F'kull proċess demokratiku elettorali l-poplu jingħata l-opportunità li jagħżel sett ta' prinċipji u programm politiku għal-leġiżlatura li jkun imiss. Irridu nammettu li kull għażla elettorali, minnha nnifisha toħloq linji diviżorji bejn partit u ieħor. Għalhekk l-istess proċess elettorali li hu tant importanti f 'demokrazija, sfortunatament iħalli marki ta' firda li jeħtieġ li flimkien bħala Stat u nazzjon, minn din il-Kamra tar-Rappreżentanti u anke lil hinn minnha naħdmu biex indewwu u nagħlqu l-feriti tal-firda. Pajjiżna," ikompli jgħid l-istess diskors, "jista' jimxi verament 'il quddiem bħala poplu wieħed, bl-għaqda u fl- għaqda." "Madankollu jekk l-avvanz ekonomiku ma jintużax biex isaħħaħ it-tessut soċjali u jilħaq iktar nies, ftit li xejn ikun jiswa għall-pajjiż u għall-poplu tagħna." Ritratti: Jeremy Wannacott / Omar Camilleri / James Bianchi