Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/841480
3 Il-Ħadd 25 ta' Ġunju 2017| illum Aħbarijiet L-uċuħ ġodda fil-"kabinett" ta' Simon L-ILLUM titkellem ma' tlieta mid-Deputati l-ġodda fix-Shadow Cabinet tal-PN Minn Albert Gauci Cunningham DIN il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista ħabbar ix-Shadow Cabinet tiegħu, jew it-tim ta' nies li għall-inqas sakemm ikun magħżul Kap ġdid tal- PN jew jerġa' jkun ikkonfermat Simon Busuttil, se jkunu kelliema ta' diversi oqsma. Bħalma ġara fl-aħħar leġiżlatura Busuttil ma tantx donnu ried jiksirha minn ma' ħadd u reġa' għamel lit-28 Deputat, kollha kemm huma, kelliema ta' settur jew ieħor. Naturalment din id-darba, wara telfa numerikament kbira daqs l-2013, imma moralment ħafna ikbar, Busuttil iktar u iktar ma xtaqx illi joħloq animożità f 'sitwazzjoni li diġà hija xi ftit jew wisq prekarja għall-partit li s'issa jmexxi. L-ILLUM tkellmet ma' tliet Deputati ġodda tal-PN u li għalhekk huma wċuħ ġodda fix- Shadow Cabinet ta' Simon Busuttil. Staqsiethom, l-ewwel u qabel kollox, Xi jfisser għalihom il-fatt li kienu eletti fil-Parlament għall-ewwel darba kif ukoll x'jaħsbu li huma l-isfidi li għandhom quddiemhom fil-qasam li se jkunu kelliema tiegħu. 'Se nikkritika u nipproponi fejn hemm bżonn' L-ILLUM tkellmet ma' Herman Schiavone li kien elett għall-ewwel darba mill-ħames distrett u li se jkun Kelliem tal-PN għall-Amministrazzjoni Pubblika u s-Settur Pubbliku. Ma' din il-gazzetta, Schiavone esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-riżultat li kiseb hu u li kiseb fuq id-distrett il-partit ukoll. "Huwa ta' sodisfazzjon għalija, l-ewwel u qabel kollox bħala persuna li ili nimmilita fil-PN u li fil-fatt ħriġt għall-ewwel darba fl-1987," saħaq Schiavone. "Minkejja r-riżultat diżastruż li ġab il-PN fuq livell nazzjonali, f 'dan id-distrett erġajna tellajna t-tieni siġġu u żidna l-ammont ta' voti li ġab il-partit." Fl-2013, fil-ħames distrett il-partiti ssieltu għar-raba' siġġu, b'dan finalment imur għand il-PL. Dan ma ġarax din id-darba, għalkemm wieħed irid jieħu nota wkoll ta' tibdiliet fid- distrett, b'Marsaxlokk imur fuq it-tielet distrett. Schaivone spjega mal-ILLUM kif matul il-kampanja dar diversi djar u wiegħed li fil-qasam li tiegħu hu kelliem se jaħdem biex ikun effettiv. "Jiena uffiċjal pubbliku u bħal dejjem l-akbar sfida għas-settur pubbliku huwa li jkun aktar effiċjenti. Jiena se nagħmel ħilti," wiegħed Schiavone, "biex nagħmel kritika kostruttiva fejn hemm bżonn u nipproni wkoll fejn ikun hemm bżonn." 'Bi dritt inkomplu nħarsu u niddefendu isem pajjiżna' Intant l-ILLUM tkellmet ukoll ma' David Stellini, Deputat Għawdxi li ħareġ għall-ewwel darba u kien elett wara l-elezzjoni każwali. Ma' din il-gazzetta Stellini esprima lilu nnifsu sodisfatt ħafna illi se jkun rappreżentant tal-Għawdxin fil-Parlament u rringrazzja lil familtu u lil dawk kollha li vvutaw lilu u lill-Partit Nazzjonalista. Dwar ir-responsabilità tiegħu bħala kelliem tal-Affarijiet Ewropej Stellini sostna li l-ewwel prijorità bħalissa huwa li "niddefendu s-sistema ta' taxxa tagħna minn attakk li qed isir minn pajjiżi barranin." Stellini filwaqt li rrikonoxxa li pajjiż minn fejn tkun ġejja kumpanija ma jiħux gost li dik il-kumpanija qed topera u tħallas it-taxxi f 'pajjiżna, fakkar ukoll illi dak li qed jagħmel pajjiżna huwa kollu skont ir-regolamenti Ewropej. "Bi dritt," kompla Stellini, "irridu nkomplu nħarsu u niddefendu isem pajjiżna." Stellini fakkar ukoll fil-każ Panama u kif ir-reputazzjoni ta' pajjiż hija kollox, "għalhekk se naħdem biex nibqgħu niddefendu isem pajjiżna." Finalment ma' din il-gazzetta Stellini sostna li kwistjoni oħra li se tkun fost il-prijoritajiet kif kienet għal ħafna żmien hija l-immigrazzjoni. "Hemm bżonn li din il-kwistjoni tkun iffaċċjata fuq livell Ewropew u bħalissa għaddejja diskussjoni b'idea li qed tikseb ċertu ħeġġa li meta, pereżempju, l-immigranti jaslu Malta, fil-fatt ikunu waslu fuq territorju Ewropew, mhux biss Malti." 'Twelidt u għadni soċjalist għalhekk dan il-qasam inħobbu daqstant' Din il-gazzetta tkellmet ukoll mad-Deputat il-ġdid tal-PN, Ivan Bartolo li se jkun il-Kelliem għall-Faqar u l-Housing. "Tħoss sensazzjoni pożittiva u ta' ringrazzjament," sostna Bartolo meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta' din il-gazzetta dwar kif ħassu meta għall-ewwel darba kien elett fil-Parlament Malti. "Mill-2015 s'issa dejjem mort tajjeb, kemm fl-elezzjoni tal-Kunsilli u anke fl-elezzjoni ġenerali. Kien ta' sodisfazzjon li anke fit-tieni distrett li ma tantx kont ħdimt fuqu mort tajjeb, probabbilment minħabba l-ħidma tiegħi ma' diversi familji snin ilu." Bartolo kien elett mill-11-il distrett fl-elezzjoni każwali li saret matul din il-ġimgħa wara li kiseb 222 vot fid-distrett illi fuqu kien kandidat ukoll il-Kap tal-PN Simon Busuttil. Mistoqsi dwar is-settur li tiegħu hu se jkun kelliem Bartolo qal illi dan kien dejjem għal qalbu u li hu, kemm seta' dejjem għen u ta' daqqa t'id lil dawk li kienu fil-bżonn. "Inżomm kuntatt ma' kulħadd, nies b'fehmiet differenti u nista' ngħid li ltqajt ma' diversi lmenti rigward housing. Imma ħafna drabi jkun hemm dewmien. Anke meta ġieli wassalt ilment għal xi ħadd jien, ma jkollix risposta lura." Bartolo jtemm jgħid lil din il-gazzetta; " Jien twelidt soċjalist u għadni soċjalist u għalhekk dan il-qasam naħdmu mill-qalb u bil-qalb," temm jgħid Bartolo lill-ILLUM. Herman Schiavone Ivan Bartolo David Stellini