Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/841480
illum | Il-Ħadd 25 ta' Ġunju 2017 Opinjoni 22 D il-ġimgħa beda uffiċjalment is-sajf tal-2017. Ħamsin sena ilu kien hawn sajf speċjali, sajf li baqa' jissemma, għallinqas għal xi snin, għax kien mument kulturali u politiku li kellu ċerta portata. Is-Sajf tal-Imħabba Is-sajf tal-1967 baqa' magħruf bħala s-Sajf tal-Imħabba u li fih seħħ il-'fenomenu' tal-hippies u l-ulied tal-fjuri li nġabru bl-eluf f 'Haight Ashbury f 'San Francisco biex jagħmlu l-punt tagħhom li d-dinja kienet tiħtieġ tinbidel u kienet sejra tinbidel radikalment skont il-politika tagħhom. Ħamsin sena, li fihom, id-dinja setgħet inbidlet xi naqra imma ħafna minna li twilidna proprju fis-Sajf tal-Imħabba, għadna qegħdin nippruvaw nifhmu x'kien l-effett ta' dan is-suppost fenomenu radikali. Fis-Sajf tal-Imħabba kien tfaċċa dan il-moviment radikali li esprima dubju f 'kull ħaġa li kienet tagħmel parti mill-establishment ta' dak iż-żmien u kollox kellu jieħu forma alternattiva, imqar kif wieħed iħobb lil ħaddieħor. Fuq kollox, għallinqas fuq livell ta' diskors, is-Sajf tal-Imħabba kien ipprietka ċ-ċaħda tal- konsumeriżmu, tal-artifiċjalità speċjalment fil-kultura borgiża. Ħalli ninsew, għal mument, li wara s-sajf ġiet il-ħarifa, imbagħad ix-xitwa u dak li sar fis-sajf baqa' biss memorja sbejħa u okkażjoni ta' nostalġija u, mill-banda l-oħra, diżappunt għal dawk li stennew aktar mill-ġenituri bil-fjuri f 'xagħarhom. Ħalli ninsew għal mument dan kollu, u minflok napprezzaw li, għallinqas dejjem fuq livell diskursiv, il-ħsieb ċentrali ta' dak is-sajf ta' ħamsin sena ilu, ried jagħti lill-bniedem il-libertà tiegħu billi, l-ewwel u qabel kollox, jinħeles mill-kilba għall-proprjetà u l-materjaliżmu. L-aċċenn fuq spiritwalitajiet alternattivi u esperimentazzjoni xi minn daqqiet riskjuża bil-għan ta' kisbiet ta' għaxqiet spiritwali kellhom il-ħsieb bażiku li l-bniedem għandu jillibera lilu nnifsu mill-materja. Issa ejja niftakru li aktar tard, ħafna minn dawk in-nies ta' xagħarhom twil, insew dan kollu, tant li barra l-imħabba bqajna nagħmlu l-gwerer xorta waħda u l-establishment beda jogħġob anki lir-rivoluzzjonarji. Illum, fis-sajf tal-2017, il-filosofija mhijiex dik ta' San Francisco. Illum, forsi daqs jew aktar minn qatt qabel, l-importanti huwa dak li jista' jissarraf f 'ċifri. Lil hinn mill-but, mill-kont tal-bank, mill-figuri tan-numri, ma jgħodd u ma hemm xejn. Kif kien osserva u qal il-Malti li twieled ħafna qabel is-Sajf tal- Imħabba: l-ewwel il-pappa u mbagħad l-umpappa. Imma dal-kliem ma tantx jista' jingħad wisq; jekk jingħad id- diskors jista' jitqies pessimista wisq, ċiniku forsi. Jew negattiv. Id-dar tal-ferħ F'Marzu 1980, il-grupp post-punk Siouxsie and the Banshees, ħarġu l-kanzunetta "Happy House", diska li kellha suċċess kbir għal dan il- grupp u li saret sinonima miegħu. Meta wieħed jieħu l-kuntest storiku u anki kulturali ta' dan ix-xogħol tal-Banshees jifhem li l-ferħ li titkellem fuqu d-diska mhuwiex daqstant ta' veru. Wieħed irid jiftakar fis-snin mudlama tas-snin tmenin, tant li anki waħda mill- aktar baned importanti li dehru f 'Malta, ir-Rifffs, kienu ħarġu l-famuża "Dance Music for Eighties Depression". Siouxsie, b'dak il-leħen monokromatiku tagħha, ma tantx tolqtok bħala tfajla ferħana wisq, u l-'happy house' tagħha mhi xejn għajr titlu ironiku għas-sitwazzjoni soċjali, speċjalment fl-Ewropa, ta' dak iż-żmien. Kollox sejjer tajjeb f 'din id-dar tal- ferħ ta' Siouxsie and the Banshees. In-nies ferħanin, jieħdu pjaċir, iwerżqu bl-hena kbira li għandhom, u l-gost u l-ġmiel huma hekk kbar li donnhom jinsabu jgħixu f 'ħolma. Mhux talli hekk talli l-Banshees jgħidulna li anki aħna mistednin immorru fid-dar tal-ferħ ħalli anki aħna nkunu ferħanin. Basta…għax fid-dinja kollox għandu prezz: basta ngħattu għajnejna u naċċettaw ir-regoli tal-logħba. Jekk le, niġu mitlubin noħorġu 'l barra. "Happy House" titkellem fuq il-ħolm, mhux il-ħolm fis-sens tax-xewqat kbar (u żgħar) li jkollna lkoll kemm aħna, imma l-ħolm li noħolmu u mbagħad, meta nistenbħu, nindunaw li minn dak li konna qegħdin nesperjenzaw xejn, proprju xejn, mhu minnu. Il-ħolma tal-illużjoni, biex niftiehmu. Il- mument li nikkonvinċu rwieħna li kollox sejjer tajjeb, li kollox huwa tajjeb, inkunu dħalna fid-dinja tal- istħajjil, fejn ninsew min aħna u x'aħna u x'hemm verament quddiem għajnejna (mgħottijin). IMMANUEL MIFSUD Illum, forsi daqs jew aktar minn qatt qabel, l-importanti huwa dak li jista' jissarraf f 'ċifri. Lil hinn mill-but, mill- kont tal-bank, mill- figuri tan-numri, ma jgħodd u ma hemm xejn Happy House