Illum previous editions

illum 18 March 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/955506

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 18 ta' Marzu 2018 L -attentat assassinju ta' aġent doppju Russu u t-tifla tiegħu f 'Salisbury, l-Ingilterra qajjem ferment kbir fir-Renju Unit, ferment li ilna ma naraw bħalu minn tmiem il-gwerra l-bierda. Sergey Skripal kien aġent tal- FSB, is-suċċessur tal-KGB illi kien jispjuna għar-Renju Unit: spiċċa l-ħabs imma mbagħad ġie mibdul ma' aġent Russu u eżiljat l-Ingilterra. Fl-4 ta' Marzu 2018, instab mimdud fuq bank fil-belt ta' Salisbury, fil-Wiltshire, belt żgħira ta' 40,000 illi hija aktar magħrufa għall-kattidral tagħha. Miegħu kien hemm mara ukoll f 'coma li wara rriżultat illi kienet bintu. Instab illi Skripal u bintu ġew ivvelenati b'aġent li jattakka n-nervatura tal-bniedem, Novichok illi l-Unjoni Sovjetika kienet żviluppat fil-gwerra l-bierda. Xjenzat illi ħadem fuq dan il-velenu u li llum hu eżiljat l-Amerika, Vil Mirzayanov stqarr illi Skripal u bintu ser jibqgħu f 'koma ħajjithom kollha. Minnufih is-suspetti waqgħu fuq ir-Russi. Il-preċedent hu ċar: fl-2006, aġent ieħor Alexander Litvinenko illi kien ingħata ażil fir-Renju Unit ġie vvelenat b'sustanza radju- attiva polonium-210 li kien ħa mat-te u miet wara agunija ta' 23 jum. Litvinenko ma kienx aġent doppju: kien jinvestiga l-kriminalità organizzata imma kien spiċċa arrestat wara illi f 'Novembru 1998 flimkien ma' uffiċjali oħra kien akkuża pubblikament lis-superjuri tagħhom illi kienu ordnaw il-qtil tan-negozjant Boris Berevsovsky illi kien spiċċa ħażin ma' Putin li miegħu darba kien ħabib. Litvinenko wkoll akkuża lil Putin li kien ordna l-qtil tal-ġurnalista Anna Politovskaya f 'Ottubru 2006, ftit qabel ma kien assassinat. U Berevsovsky ukoll instab mejjet fid-dar tiegħu fir-Renju Unit f 'ċirkustanzi li qatt ma ġew spjegati. Dan l-inċident tefa' r-relazzjonijiet bejn ir-Russja u r-Renju Unit f 'aktar punt baxx għal ħafna u ħafna snin. Meta kkrollat l-Unjoni Sovjetika u reġgħu twieldu l-istati individwali li kienu jagħmluha, bosta kienu jittamaw illi l-era ta' konflitt bejn il-Lvant u l-Punent kienet ser tispiċċa darba għal dejjem. Wieħed kien jittama illi r-Russja tintegra ruħha fl-ekonomija internazzjonali u ssir parteċipant sħiħ u attiv tagħha. Għall-ewwel snin ebsin tar-Russja taħt Boris Yeltsin, ir-Russja għaddiet minn taqlib kbir bi privatizzazzjoni ta' bosta setturi tal-ħajja illi eventwalment għamlu bosta nies biljunarji. L-affarijiet kienu jevolvu b'mod differenti kieku Boris Nemtsov inħatar suċċessur ta' Yeltsin imma eks-aġent tal-KGB illi ftit kien magħruf fl-epoka, Vladimir Putin illi laħaq flok Yeltsin. Nemtsov spiċċa kritiku kbir ta' Putin u ġie wkoll assassinat qrib il-Kremlin fis-27 ta' Frar 2015. Wieħed irid iħares lejn l-inċident ta' Salisbury fid- dawl ta' kuntest aktar wiesa', fid-dawl ta' żviluppi kemm fix-xena domestika Russa kif ukoll fix-xena internazzjonali. Fix-xena domestika, Putin ilu b'xi mod jew ieħor imexxi mill-2000. Oppożizzjoni serja m'għandux u m'hemmx dubju illi ser jerġa' jiġi elett president fl-elezzjonijiet li qed isiru llum. L-aktar antagonista effettiv tiegħu, Alexei Navalny ġie pprojbit milli jikkontesta. Madankollu, Navalny u s-sostenituri tiegħu qed juru kuraġġ kbir billi jsejħu għal bojkott tal-elezzjoni. L-akbar dubju hu kemm huma dawk illi ser jazzardaw ma jivvutawx u kemm ser iġibu voti l-kontestanti l-oħra. Imma m'hemm l-ebda dubju illi Putin ser jerġa' jilħaq President tar- Russja. Putin ċertament igawdi minn popolarità kbira minħabba n-nazzjonaliżmu illi jipprattika u l-fatt illi reġa' għamel lir- Russja potenza li trid tiġi rispettata minn kulħadd. U din tidher illi hi l-ossessjoni prinċipali ta' Putin illi juri lid- dinja kollha illi r-Russja hija potenza kbira li l-pajjiżi kollha jridu jirrikonoxxu u jżommu f 'moħħhom fir-rapporti internazzjonali. Dan l-inċident juri wkoll illi kuntrarjament għal dak li ġie ddikjarat f 'Novembru li għadda, ir-Russja baqgħalha aġenti nervinji meta suppost ħelset minnhom kollha. Kien hemm min spekula illi dan l-attakk ma sarx mill-istat Russu imma minn organizzazzjonijiet kriminali. Skont Mirzayanov, din hi possibilità ferm remota għax hu ferm diffiċli biex wieħed juża dawn l-aġenti bħala arma. Għaldaqstant, is-suspett primarju bilfors jaqa' fuq l-istar Russu. Dan ifisser ukoll illi r-Russja kisret bosta ftehim internazzjonali u għamlet użu minn dawn l-armi qerrieda kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali. Dan hu simili għal dak li ġara fis-Sirja fejn il-Gvern kien aċċetta illi jneħħi l-armi kimiċi kollha u suppost neħħiehom imma wara rriżulta illi kien baqagħlu armi kimiċi li juża minn żmien għal żmien. U s-Sirja hija istanza oħra fejn ir-Russja ripetutament tiġi taqa' u tqum mid-dritt internazzjonali. Wara illi interveniet f 'Settembru 2015 sabiex tevita l-kollass tar- reġim ta' Assad, ir-Russja użat il-veto 11-il darba fil-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tevita kundanna ta' Assad jew sabiex ikun hemm investigazzjoni tal-atroċitajiet imwettqa mir-reġim tiegħu. L-aħħar risoluzzjoni illi għadda l-Kunsill tas-Sigurtà wara kalvarju sħiħ sabiex ikun hemm waqfien mill-ġlied fiż-żona ħdejn Damasku li għada f 'idejn ir-ribelli ma ġietx osservata kważi xejn u dana bil-benedizzjoni Russa. U ma rridux ninsew illi l-kalvarju fis-Sirja ġġenera miljuni ta' rifuġjati illi qed jiddistabilizzaw lill-Ewropa. Ir-Russja għandha kull interess illi dina d-distabilizzazzjoni ma tiqafx. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll l-intervent russu fil-Krimeja u fl-Ukranja tal-lvant meta l-istess Russja kienet waħda mill-pajjiżi illi ggarantew l-integrità territorjali tal-pajjiż meta rrinunzja għall-armi nukleari. Ir-Russja użat mezzi mhux konvenzjonali, inkluż suldati bla ebda marki ta' xejn, ħalli jieħdu l-kontroll tal-Krimea. Fl-istess ħin, l-għajnuna militari mogħtija lir-ribelli tal-Ukrajina tal-Lvant qasmet lill-pajjiż u swiet il-ħajja ta' bosta nies. Imbagħad wieħed ma jridx jinsa l-indħil tar-Russi fl- elezzjoni amerikana sabiex ma titlax Hilary Clinton illi kienet ħatja f 'għajnejn Putin illi bħala segretarju tal-istata sostniet lil dawk illi pprotestaw kontra l-elezzjoni tiegħu illi ma dehret illi ma kienet xejn ħielsa. Putin akkuża lil Clinton illi kienet tindaħal fl-affarijiet Russi. Jidher ukoll illi Trump kellu rabtiet kummerċjali estensivi ma' Putin illi issa qed jiġu investigati mill-prosekutur speċjali Robert Mueller. Mhuwiex eskluż illi r-Russja għenet ukoll lill-kampanja ta' Trump finanzjarjament b'xi mod. L-anqas irid jiġi eskluż illi l-fabbriki ta' trolls illi r-Russi organizzaw intużaw fil-vot tal-Brexit u f 'elezzjonijiet oħra fil-punent sabiex jiddgħajjef il- punent. Dan ċertament jidher kien il-każ tal-elezzjonijiet Tedeska u Taljana fejn partiti pro-Russi bħall-AfD, Movimento 5 Stelle u l-Lega gawdew minn appoġġ Russu fuq in-network soċjali. Sakemm Putin jibqa' fil-poter, wieħed qajla jista' jawgura illi ser jerġa jkun hemm relazzjoni serena bejn il-punent u r-Russja. Ir-Russja saret illum għadu kbir tal-punent, jekk m'hux l-ikbar periklu u din hi realta' sfortunata illi rridu nippreparaw sew għaliha. It-tama hi illi l-era ta' Putin tispiċċa llum qabel għada u r-Russja ssib postha bħala pajjiż rispettabli tal-kommunità internazzjonali illi ħadd ma jkollu għalfejn jibża' minnha. L-istorja tgħallimna illi xejn ta' ġid ma jista' joħroġ mill- konflitt li jeżisti fil-preżent bejn il-Punent u r-Russja. ellisjoseph@gmail.com 18 JOE ELLIS Opinjoni L-akbar periklu

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 March 2018