Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/955506
Aħbarijiet 8 illum | Il-Ħadd 18 ta' Marzu 2018 agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham Żewġ delitti. Żewġ pajjiżi. Il-paraguni odjużi jgħidu... imma ladarba xorta qed isiru l-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn rapport ippubblikat din il-ġimgħa dwar il-qtil ta' Jan Kuciak fl -Islovakkja u tikkumpara sett ta' fatti mal-qtil ta' Daphne f 'Malta GĦADDEW ħames xhur mill-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, fil-fatt dan l-anniversarju kien eżatt nhar il-Ġimgħa. Ħames xhur illi fihom saret ħafna diskussjoni dwar il-qtil tagħha, is-sigurtà, is-saltna tad-dritt u anke dwar dak li kienet kitbet hi dwar diversi kwistjonijiet; mill-VGH sal-kontijiet fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. Mill-allegazzjoni 'Egrant' sa' oħrajn dwar iż-żejt bil- kuntrabandu. Mit-tgħajjir klassista u personali għal inċidenti ta' karozzi bomba. IMMA għal mumenti matul dawn il-ħames xhur id-diskussjoni dwar dan il-qtil ħadet xejra xi ftit jew wisq 'barranija' mhux biss minħabba l-attenzjoni li ntefgħet fuq Malta imma wkoll minħabba l-qtil ta' ġurnalist Slovakk fi Frar li għadda. Mingħajr wisq sorpriża, hekk kif il-qtil ta' Caruana Galizia għadu pjuttost frisk f 'moħħ ħafna Maltin, beda jsir il-paralleliżmu bejn iż-żewġ delitti, paralleliżmu politiku u soċjali. L-ILLUM tat ħarsa estensiva lejn rapport li kien ippubblikat din il-ġimgħa stess dwar l-Islovakkja, simili fin- natura tiegħu għar-rapport li kien sar dwar Malta minn delegazzjoni tal-MEPs li kienu ġew pajjiżna. Din il-gazzetta użat l-informazzjoni f 'dan ir-rapport biex tagħmel il-paralleliżmu bejn iż-żewġ każijiet u tispjega lill-qarrejja fejn il-fatti ġraw l-istess u fejn il-fatti huma differenti, bejn il-qtil tal-ġurnalista Maltija u l-qtil tal-ġurnalist mill- Islovakkja. Differenti: Kif seħħ il-qtil u l-pulizija fuq il-post Nhar it-Tnejn 16 ta' Ottubru 2017, ftit biss wara li seħħet karozza bomba u malli sar magħruf li fiha kien hemm il-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia, it-triq li tagħti għall-Bidnija kienet magħluqa u l-post fejn seħħet l-isplużjoni issiġġillata. It-triq kienet mimlija attività ta' membri mill-Korp tal- Pulizija, membri tal-Forzi tal-Ordni kif ukoll membri tal-midja. Il-pajjiż kien prattikament mixgħul bil- qtil ta' Caruana Galizia, b'maratoni televiżivi mill- Bidnija. Il-qtil ta' Jan Kuciak għadu teżisti taħt ammont ta' misteru, hekk kif lanqas għadu ċar meta miet eżatt. Ċar biss illi l-gazzetta 'Dennikn' irrappurtat dan il-qtil nhar it-Tnejn 26 ta' Frar "wara bosta telefonati mill- familja li qatt ma twieġbu. Omm Martina (l-għarusa ta' Jan li nqatlet miegħu) ċemplet lill-pulizija biex tinformahom..." Ir-rapport tad- delegazzjoni ta' MEPs li marru l-Islovakkja jsostni illi la d-data u lanqas l-ħin tal-qtil ta' Kuciak għadhom ma kienu kkomunikati lill-pubbliku. S'hawnhekk, id-differenza bejn qtil u ieħor huwa kunsidrevoli, bid-delitt innifsu fl-Islovakkja taħt sħaba ta' mistoqsijiet u dubji. Simli: Panama Papers Kemm Kuciak kif ukoll Daphne Caruana Galizia kienu ħadmu fuq l-istorja tal-Panama Papers li finalment kienu żvelati mill-ICIJ. Il-Panama Papers kienu jinkludu numru ta' politiċi, qraba ta' politiċi, negozjanti kbar u persuni ta' ċerta poter finanzjarju li kellhom kontijiet fil-Panama, pajjiż fuq il-Lista s-Sewda għal ħafna snin u magħruf għal attività ta' evażjoni ta' taxxa. Lokalment il-Panama Papers qajmu furur politiku kbir, l-aktar dwar tliet kumpaniji partikolari, Tillgate Inc, Hearnville Inc. u Egrant Inc. B'waħda tkun ta' Konrad Mizzi, oħra ta' Keith Schembri u l-oħra għadha xi ftit jew wisq ta' misteru. Il-kontijiet fil- Panama kienu l-għerq ta' ħafna mill-għawġ politiku tal-Gvern preżenti hekk kif dawn il- kontijiet infetħu ftit wara rebħa Laburista u qabel l-iffirmar ta' kuntratti kbar li jinvolvu wħud mill-assi tal-pajjiż (power station, tliet sptarijiet, Enemalta...). Iżda aparti dawn fil-Panama Papers hemm diversi persuni oħrajn Maltin li mhumiex politiċi fosthom negozjanti u persuni b'rabtiet partikolari ma' pajjiżi ġirien. Intant fl-Islovakkja nkixfu diversi ismijiet fosthom Jana Lutken, ir-rappreżentant legali ta' kumpanija involuta fl-iskandlu tal-kwoti ta' emmissjonijiet fl-ewwel leġislatura ta' Robert Fico – Interblue Group. Dan kien skandlu li jingħad illi sewa lill-pajjiż €75 miljun u li dwaru ħadd ma ttella' l-Qorti. Isem ieħor huwa Zuzana Herichova, li allegatament kienet marbuta ma' tender għall-operat ta' sistema ta' highways. Iżda aktar minn hekk jissemma l-PM Fico nnifsu permezz tal-kumpanija Elwing Slovakia, li ħoloq hu imma jgħid li biegħ u li m'għad għandu x'jaqsam xejn magħha. Differenti: Fejn waqgħu s-suspetti Naturalment, bħal dejjem, wara qtil ta' persuna mill-aktar kontroversjali u pubblika kulħadd jippunta s-swaba'. U hekk ġara fil-każ ta' Malta kif ukoll fil-każ tal-Islovakkja. S'hawnhekk iż-żewġ każi huma pjuttost simili. Id-differenza hija li fil-każ lokali, Caruana Galizia kellha karriera itwal minn dik ta' Kuciak, u karriera ħafna iktar kkulurita bil-konsegwenza illi mal-ħbieb li għamlet, għamlet ħafna iktar għedewwa. Minkejja l-każ tal-Panama, l-aħħar stejjer tagħha kienu dwar kont f 'Jersey, post ieħor magħruf għall-evażjoni. Hija kienet allegat illi dan il-kont kien allaċċjat ma' Adrian Delia u agħar minn hekk li minn dan il-kont kienu għaddew flus minn attività relatata mal- prostituzzjoni f 'Soho, Londra. Apparti minn hekk Caruana Galizia kitbet diversi bloggs dwar nies allegatament relatati ma' żejt li qed jiddaħħal bil- kuntrabandu, klikek ta' nies li kienu qed imutu u joqtlu permezz ta' karozzi bomba u stejjer oħrajn li kixfu beraħ persuni f 'mumenti privati mal- familja/ħbieb. Jiġifieri fil-każ lokali, kien hemm ħafna swaba' ppuntati lejn ħafna nies. Fil-każ ta' Kuciak l-ewwel swaba', kemm tal-midja kif ukoll tal-pubbliku kienu diretti lejn in-negozjant Marian Kocner, li r-rapport jispjega kif fil-passat kien marbut mal- mafja Slovakka u li qed ikun investigat dwar frodi possibbli relatat mal-VAT. Ir-rapport tal-MEPs jgħid ukoll illi Kocner kellu appartament fil- kumpless fejn jgħix il-PM Fico u fejn għandu appartament il-Ministru tal-Intern. Kuciak kiteb diversi artikli dwar il-prattiċi ta' Kocner. B'Kuciak imbagħad jirraporta illi dan heddu u li sussegwentement għamel rapport lill-Pulizija. Dan ifisser li fil-każ ta' Kuciak is-suspetti, anke jekk mhux neċessarjament fondati, kienu aktar speċifiċi u partikolari. Li jista' jfisser ukoll li min ried joqtol lil Caruana Galizia kien intelliġenti biżżejjed biex jirrealizza li fil-każ tal- ġurnalista Maltija, is-suspetti se jkunu fuq wisq nies biex jaqgħu direttament fuqu. Mhux ċar: Rapporti lill- Pulizija Fuq dan l-aħħar punt nistgħu niftħu parantesi, dik dwar rapporti lill-Pulizja. Hawnhekk għadu mhux neċessarjament ċar jekk iż-żewġ assasinji humiex l-istess jew differenti. Kuciak jgħid illi 44 ġurnata wara li għamel rapport lill- pulizija li ħajtu kienet mhedda ma ttieħdet ebda azzjoni mill-Pulizija biex jingħata protezzjoni. Fil-fatt il-każ tiegħu lanqas biss kien assenjat lill-uffiċjal tal-Pulizija. F'Malta fl-ewwel ftit sigħat wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kien irrappurtat illi hi kienet għamlet rapport fl- għassa tal-Mosta dwar theddid fuq ħajjitha. Il-Pulizija tal-istess għassa ċaħdu li qatt sar dan ir-rapport. Is-sit illum.com.mt kien irrapporta d-diskors tas- Segretarju Ġenerali tal- Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ) Ricardo Gutierrez qal li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ilha tirċievi theddid fuq ħajjitha. F'kummenti fuq it-TV5Monde hu kien qal hekk: "it-theddid kienu ilhom ġranet għaddejjin. Tant hu hekk li dawn l-aħħar ħmistax marret hi stess għand il-Pulizija. Għandna kollega minn tagħna li intervistaha l-ġimgħa l-oħra u miegħu ma ħbiet xejn fuq dan it-theddid..." Jiġifieri l-mistoqsija tibqa'; Min qal il-verità u min gideb? Jekk insolvu din, insiru nafu jekk fuq dan il-punt iż-żewġ assasinji humiex l-istess. Simili: Protesti u messaġġi b'saħħithom Kemm f 'Malta kif ukoll fl-Islovakkja l-qtil wassal għal protesti pubbliċi minn eluf ta' nies, kif jgħid ir-rapport "mhux biss madwar il-pajjiż kollu iżda imma wkoll fi bliet differenti madwar id-dinja." Fil-fatt il-qtil ta' Caruana Galizia kien imfakkar fi Brussell u Londra, fejn hemm komunitajiet ta' Maltin. Simili: Ir-reazzjoni tal-Gvern u tal- Oppożizzjoni Ir-rapport joħroġ similaritajiet interessanti ħafna fir-reazzjoni