Illum previous editions

illum 12 August 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1013921

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 31

Intervista 12 illum | Il-Ħadd 12 ta' Awwissu 2018 ycioffi@mediatoday.com.mt Yendrick Cio Doris Cannataci. Għandha 86 sena. Meta faqqgħet il-gwerra kellha tmien snin biss, iżda tirrakkonta dak li għaddiet minnu hi, ħutha u ommha, qisu l-ewwel attakk mill-ajru seħħ ilbieraħ. Fil- ġimgħa ta' Santa Marija, meta minkejja li ħafna minna ma niftakrux il-gwerra, iżda għal xi raġuni jew oħra nibqgħu affaxxinati u nħossuna kburin bil-ġrajja tal-famuż konvoj, il-gazzetta ILLUM żaret lil din l-anzjana u flimkien għexna l-mumenti li mmarkawha u għamluha dik li hi. Poġġejna bilqiegħda, u l-ewwel li għamilna kien li staqsejna lil Doris tirrakkuntalna l-ewwel memorja li għandha tal- gwerra. Ħsiebha dlonk mar għal dawk il-mumenti meta fid-dar tagħha, kif kien qed jiġri fid-djar kollha skont l-avviżi li kienu qed jinħarġu mill-Ingliżi, kienu qed jippreparaw għal attakk imminenti Tiftakar meta tqassmu l-maskli tal-gass lil kull persuna f 'Malta u Għawdex u tiftakar ukoll lil ħutha l-kbar (għax missierha kien miet ftit tax-xhur qabel) jissiġillaw it-twieqi u x-xquq tal-bibien minħabba xi gassijiet, u saħansitra tiftakarhom jippreparaw il-mejda tal- kamra tal-pranzu, bis-saqqijiet fuqha, sabiex jistkennu taħtha f 'każ li ma jilħqux imorru għall-kenn tax-xelter. Iżda forsi l-aktar mument li għadu mnaqqax ċar f 'moħħha huwa dak il-ħin, fis-sebgħa ta' filgħaxija tal-10 ta' Ġunju tal-1940, meta kulħadd kien miġbur quddiem ir- Rediffusion, jisimgħu lil Benito Mussolini jiddikjara gwerra kontra Franza u l-Ingilterra. L-ewwel attakk: ġirja mill- knisja għad-dar Inqas minn tnax-il siegħa wara, waqt li Doris u tnejn minn ħutha kienu l-knisja, tinstema' għall-ewwel darba t-twerżiqa tas-sirena li min jaf kemm-il darba kellhom jisimgħuha. U x'sentimenti ta' twerwir kienet tnissel fihom! "Fil-knisja nqala' kaos sħiħ. Għall-ewwel darba bdejna nisimgħu l-ħoss tal-bombi u tal-isparar. Min mar jistkenn wara l-artal u min mar f 'xi rokna. Aħna, ta' tfal li konna, ridna mmorru ħdejn il- mamà, u tlaqna niġru 'l barra mill-knisja. Tista' timmaġina ommna; mara li għadha kemm tilfet lir-raġel, u tlieta minn uliedha jiġru barra. Lemaħna uffiċjal tal-ARP (Air Raid Precaution), ġie jiġri fuqna jgħidilna li ma nistgħux inkunu barra, u għidnielu li konna sejrin ħdejn ommna. Tlaqna niġru b'kemm għandna saħħa, dħalna d-dar, u ntfajna nistkennu taħt il- mejda," kompliet tirrakkonta Doris. Wieħed jista' jimmaġina. Minn hemmhekk bdew tliet snin ta' biża', twerwir, inċertezza u diffikultajiet enormi. Kien hawn li tkellimna dwar il-curfew. Immaġina llum, minn ċertu ħin malli tinżel ix-xemx, trid titfi d-dawl kollu u tissiġilla t-twieqi, ma jmurx minn xi xaqq joħroġ id-dawl ta' xi xemgħa li qed tnemnem. Tant kemm in-nies kienet imwerwra, li Doris Cannataci rrakkuntat kif ġieli meta minn xi xaqq kien joħroġ id-dawl, kienu jmorru jħabbtulhom in-nies biex jitfu. Iżda t-tbatija ma kinitx tasal sat-twerwir, u mal-ġenn fix- xelter, aktar ma beda dieħel iż-żmien, aktar beda jiskarsa l-ikel. L-għelieqi ftit li xejn kienu jinħadmu għax ħafna spiċċaw inqabdu suldati, u l-vapuri ma setgħux jiġu. Min kien se jissogra jbaħħar f 'baħar mimli bastimenti navali u sottomarini? Kien minħabba f 'hekk li sabiex jibżgħu għall-ftit ikel li kien għad fadal kienu ħarġu l-ewwel ration cards. Doris tiftakar l-ewwel Soup Kitchen, propju għax ħafna tilfu d-dar u ma kellhomx fejn isajru, u l-ewwel Victory Kitchen f 'Ħal Lija, miftuħa fit-3 ta' Jannar tal-1942. "L-isem 'Victory' kien apposta sabiex il-moral jogħla xi ftit. Għax tinsiex, bħal dan iż-żmien konna ngħixu f 'biża' kontinwu. Tant hu hekk li meta konnha niltaqgħu ma' xi ħbieb, minflok nistaqsuhom kif inhuma, bi skantament nistaqsuhom: 'Mela int għadek ħaj?'" Jekk ma tkunx għalik... Kien hawn li rrakkuntat dak li kien għadda minnu r-raġel tagħha, ovvjament dak iż-żmien tifel hu wkoll. "Kien sejjer l-iskola, iltaqa' ma' ħabib tiegħu Tas-Sliema. F'salt wieħed daqq l-air raid. Sieħbu mar naħa u hu mar in-naħa l-oħra biex jaqbad il-lanċa għall-Belt. Niżlet bomba. Sieħbu nqered u hu ħelisha... għax ma tkunx miktuba għalik." Lura għall-Victory Kitchen, Doris tirrakkonta kif l-ikel kien ikun biżżejjed kemm titrejjaq, li kien jiswa sixpence, li għal dak iż-żmien kienu ħafna, u li kienu jimlew il- platti minn ġo borma kbira, dejjem miżjuda bl-ilma, bi ftit ħaxix jiġri. "Tkun bil-ġuħ tiekol kollox," saħqet Cannataci. "Tant kemm kien hawn ġuħ f 'Malta li l-Isqof ta' Malta ta' dak iż- żmien, Mauro Caruana, kien tkellem mal-Isqof ta' Għawdex Mikiel Gonzi sabiex jgħin lil Malta u jibgħat xi ftit tad-dqiq. Immaġinak ma tikolx u ma torqodx. Malta kienet waslet biex iċċedi." Tiftakar ukoll fl-ittra pastorali li kienu ħarġu l-Isqfijiet għall-Għid: 'Sagrifiċċji ġodda u akbar.' Kien iż-żmien li fih ir-ration kompla jonqos. "Immaġina bi kwart u nofs ħobża trid titma' xi sitt persuni," kompliet tirrakkonta Doris. Minn Malta għal Għawdex Minħabba li s-sitwazzjoni f 'Għawdex kienet ftit aħjar minn dik ta' Malta, il-familja ta' Doris kienet telgħet tgħix għand xi ħbieb Għawdxin. Tirrakkonta l-vjaġġ li għamlu sal-vapur. Il-vjaġġ waħdu kien sogru. Biex tgħaxxaqha, malli waslu, il-vapur kien għadu kemm telaq. Kien hawn li ħarġet santa antika u kollha mqattgħa tal-Madonna, li f 'idha qed iżżomm il-Labtu tal-Karmnu u l-Kuruna tar-Rużarju. Din hija s-santa li ommha tant kienet tgħożż, u li kienet ħarġet dak il-ħin u talbet sabiex forsi l-vapur jieqaf. "Ħaġa tal-iskantament, dak il-ħin il-vapur waqaf. Irkibna dgħajsa, qdifna sa ħdejh u tlajna fuqu u wasalna Għawdex." F'Għawdex ma kienx kollox ward u żahar. Ħutha l-kbar kellhom jinżlu f 'Malta jaħdmu. Darba minnhom, ħuha l-kbir, kien tiela' sabiex iżur lil ommu, iżda bid-dlam tal-curfew, il-vapur tilef it-triq, u tgħidx kemm damu biex waslu! "Tista' timmaġina ommi kemm inkwetat," kompliet Doris. Ġara wkoll dak li ħafna kienu jibżgħu li jseħħ, u li ħafna esperjenzaw. Sakemm qegħdin Għawdex, bomba tolqot id- dar tagħhom. Parti minnha ġġarrfet u n-nies daħlet u ħadet il-ftit affarijiet li kien għad fadal. Il-Konvoj: il-ġrajja mmarkata f 'qalb Doris Iżda wara li tajna ħarsa lejn il-ħajja ta' dak iż-żmien, u dak li għaddiet minnu l-familja Cannataci, id-diskors, mingħajr ma ridna, waqa' fuq il-Konvoj ta' Santa Marija. Għal Doris din il-ġrajja hija wisq importanti, u wisq għal qalbha, u tinduna kemm verament huwa minnu meta tismagħha tidħol fid-dettall tal-vjaġġ li għamel dak il- konvoj sakemm daħal għall- kenn tal-port Malti. "Meta l-Ingliżi indunaw li Malta kienet se ċċedi riedu jagħmlu minn kollox biex isalvawha. Ma ridux li Malta tintilef. Kieku ġara hekk, l-eżitu tal-gwerra kien ikun differenti. Malta gżira żgħira, iżda l-pożizzjoni tagħha hija strateġika u importanti. Għal darbtejn salvajna lill-Ewropa," tkompli tispjega Doris. Kien hawn li bdiet tirrakkonta l-vjaġġ tal-erbatax- il bastiment li kellhom jaslu f 'Malta. Uħud mimlija sa ruħ ommhom bl-ikel u bil-famuż Ohio, li daħal proprju nhar Santa Marija, mimli petrol, żejt u pitrolju, li kienu importanti ħafna wkoll. Tant kemm kien importanti għall-Ingliżi li dawn jaslu f 'Malta, illi bagħtu diversi bastimenti, tankers, sottomarini u saħansitra aircraft carriers sabiex jipproteġuhom. F'dawn il-paġni ma għandniex biżżejjed spazju sabiex nidħlu fid-dettalji kollha li semmitilna Doris. Biżżejjed ngħidu li dan il-konvoj kien attakkat kontinwament, billejl u binhar mill-Ġermaniżi u t-Taljani li investew daqs l-Ingliżi, jekk mhux aktar, bil-għan li dawn qatt ma jaslu Malta. Tilfu ħajjithom mijiet ta' suldati u membri tal-ekwipaġġ u ntilfu wkoll bastimenti u ajruplani, fosthom bastimenti li kienu parti mill-konvoj bl-ikel. Darba waħda fix-xefaq tal- orizzont Wiċċ Doris xegħel, għajnejha mtlew bid-dmugħ u leħinha nkiser meta rrakkuntat kif fit- 13 ta' Awwissu dehru l-ewwel tliet bastimenti fix-xefaq tal- Minn Mussolini sal-Konvoj: L-ILLUM Fil-ġimgħa ta' Santa Marija, meta kull Malti jħossu kburi bil-ġrajja tal-Konvoj ta' Santa Mari- ja, il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Doris Cannataci, li għexet iż-żmien ikrah tal-gwerra iżda li wkoll kienet preżenti meta ntlemħu l-ewwel bastimenti li salvaw lil Malta u lill-Ewropa Għall-ewwel darba bdejna nisimgħu l-ħoss tal-bombi u tal- isparar. Min mar jistkenn wara l-artal u min mar f'xi rokna. Aħna, ta' tfal li konna, ridna mmorru ħdejn il-mamà u tlaqna niġru 'l barra... " " Aħna konna tant dejjem magħqudin u issa tant mifrudin. Kienet din l-għaqda li żammet lill- poplu għaddej " "

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 August 2018