Illum previous editions

illum 12 August 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1013921

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 12 ta' Awwissu 2018 M hux biċ-ċajt, kont dort id- dinja. Kont dort kullimkien. Ħriġt ma' ħafna nisa. Imma l-ebda waħda minnhom ma kienet għamlet impatt fuqi. Biex inkun onest, kollha kellhom xi ħaġa ħelwa li laqtitni. Min kellu figura perfetta, oħrajn kellhom għajnejhom jitkellmu waħedhom, xi ftit minnhom kellhom karattru tal-ġenn, u oħrajn kellhom xi tbissima partikolari. Imma Karen kellha kollox. U ssaqsunix kif iltqajt magħha, għax donnha kienet qiegħda hemm, lesta, tistennieni. Donnu d-destin ried ilaqqagħna flimkien. Kienet lejla xitwija. Kesħa xxoqq l-għadam. Konna jiena u sieħbi Thornton. Dak il-kaxxa ġenn kont ili ngħidlu biex ma joqgħodx jilgħab bil-mowbajl hu u jsuq. Konna għaddejjin minn triq prinċipali. Il-mużika tal- karozza kienet għolja xi ftit iżjed milli suppost u għalkemm leħni mhux ta' xi sopran, kont qed nieħu gost inkanta u niċċaqlaq ftit fil-karozza mingħajr ma ntellfu. Imma mhux jien kont qiegħed intellfu. Imma l-mowbajl li kellu f 'idu. Kien qed isuq u jikteb il-messaġġi. Kienet qiegħda tibgħatlu xi waħda minn dawk li konna ltqajna magħhom dik il-ġimgħa stess. Kellu xi interess partikolari fiha. Ara jiena ma tantx kont ħadt grazzja magħhom. Lili aktar kienu jogħġbuni tfajliet serji, kważi l-antika, mhux b'kollox issikkat taħsibhom ser jaqtgħu n-nifs, kollox mgħolli 'l fuq sa griżmejhom jew b'xi takkuna fiha daqs kantun tat-tmienja mbagħad wara ħames snin taralhom saqajhom mimlija vini. Imma lil Thornton hekk kienu jogħġbuh. "U int..." kien jgħidli. "Qisek għandek mitt sena!" "Jien tgħidli xejn, imma hekk inħobbhom!" kont inwieġbu bis-serjetà kollha. "Imma llum ma tantx se ssib hekk tafx, fil-każ nirranġalek ma' ziti l-għażba. Dik qatt ma żżewwġet għax baqgħet tittama li ssib ir-raġel perfett!" kien jidħaq. "X'int antipatku!" kont ngħidlu. Imma dak il-ħin donnu ġara kollox f 'salt. Jien kont għadni qed inkanta. Il-mużika kienet għadha għolja. In-nida tat-triq ma kinitx qiegħda tgħin f 'dan kollu. Kont qed inħoss ir-riħ ivenven man-naħa ta' barra tal-karozza, donnu jimbuttana lura, donnha l-magna tal- karozza kienet qiegħda tiġġieled bis-saħħa biex tkompli għaddejja. U dak il-ħin rajthom. Żewġt idwal faċċata tagħna. X'aktarx karozza oħra. Ħarist lejn għajnejn Thornton li kienu għadhom medhijin mal- messaġġi ta' fuq il-mowbajl, b'nofs tbissima fuq wiċċu. Rajtu jinħasad, iħares 'il quddiem. Minn ġol-mużika smajt il- brejkijiet taż-żewġ karozzi hekk kif ħassejt rasi taħbat mal-ġenb tal-karozza u smajt xi ħġieġ jinfaqa'. Uġigħ ma ħassejtx, hekk kif waqgħet ħemda kbira u rajt lil sieħbi mimli demm. "Thornton!" bdejt nipprova ngħidlu. Imma dak il-ħin, ħassejt il-ksieħ. U kelli bilfors nagħlaq għajnejja. Issa jiġu... issa jiġu għalina... bdejt naħseb. Min jaf min kien hemm fil-karozza faċċata? Ġimgħa wara eżatt kont ħiereġ mill-kamra tal-isptar fejn kien hemm sieħbi mimdud b'kull xorta ta' pajpijiet ħerġin minn ġo ġismu. "Thornton," kont għidtlu, inżommlu jdejh, inħoss id- dmugħ iniggiżli x-xifer ta' għajnejja. "Żomm sod, ħabib tiegħi." Għalkemm suppost kelli nkun irrabjat ta' dak kollu li kien ġara, jien kont qed inħossni tajjeb. U Thornton kien għadu f 'koma. Dak il-qaħbeċ ta' mowbajl! Kollu tort tal-mowbajl! U malli ħriġt mill-bieb tal- isptar, eżatt quddiem il-parking, hemmhekk. Dak il-ħin. Rajtha. Dak il-ħin kont għadni ma nafx x'kien jisimha, min hi jew minn fejn ġiet. Kienet liebsa ġagaga bajda tal-isptar u assumejt li kienet xi infermiera. Hekk malli ħriġt barra, daret tħares lejja u għalkemm kien hemm ix-xemx faċċata ta' wiċċi, xorta waħda rajtha sewwa. Kienet l-isbaħ waħda li qatt kont rajt. Għalkemm kont rajt tfajliet sbieħ, din, din kienet tissuperahom kollha. Ħassejtni kważi nistħi quddiemha. "Kollox sew?" staqsietni. Għal mument dort inħares madwari biex nara jekk kinitx qed tkellem lili. U ndunajt li ma kien hemm ħadd maġenbi jew warajja. "Jien?" staqsejtha, għajnejja jinfetħu beraħ u bdejt kważi nħoss l-għaraq ixoqq għalija. Forsi... tgħid... min jaf... kont se nsib xortija fl-aħħar? "Iva," qaltli. Ma tbissmitx. Kienet tidher serja. Imma xorta waħda kienet sabiħa. Anzi, l-isbaħ. "Mhux ħażin," weġibtha. "Hawn sieħbi rikoverat. Kellna inċident u qiegħed f 'koma..." "Ħażin," qaltli bl-istess tonalità. Anke leħinha kien għoġobni. Kien qisu balzmu li tagħmel fuq ġismek u jibqa' jfuħ ġurnata sħiħa. "Trid immorru nitkellmu ftit waħedna? Hawn ġnien qrib... u jien għad fadalli ċans..." qaltli. X'inhu? Kif inhi din? Din it- tfajla kienet interessata tgħaddi l-ħin miegħi? L-isbaħ waħda. L-isbaħ tfajla. "Tiċċajta rridx!" ħarġitli bil- ferħ. Iżda mbagħad xtaqt gdimt ilsieni għax ħassejtni li kont waqajt għaċ-ċajt. U morna flimkien bilqiegħda fuq bank fil-ġnien li kien qiegħed biswit l-isptar. Għidtilha l-istorja kollha ta' ħajti. Ma kontx naf għaliex, imma stajt ngħidilha kollox. U qaltli li kien jisimha Karen u li kienet taħdem ta' infermiera. Qaltli li kienet tħossha waħedha u riedet il-kumpanija. U ngħid il-verità, għajnejja ma setgħux jinqalgħu minn fuqha. Kienet l-isbaħ. L-isbaħ waħda. Fl-aħħar kont sibtha! Ħassejt ġibda qawwija lejha! U ħasditni. Waqt li kont qed nitkellem, qabditli jdejja u żammitli idi f 'tagħha. Ippruvajt ma nirtogħodx bl-eċċitament. Ippruvajt inżomm ruħi kompost u nkompli ngħidilha fuq ix-xogħlijiet li ħdimt, l-esperjenzi li ltqajt magħhom. U fl-aħħar... fl-aħħar għidtilha fuq l-inċident u kemm kont iddispjaċut għal sieħbi. "Issa fil-każ tista' tieħu ħsiebu int," għidtilha. "La inti infermiera." "Hekk hu," tbissmitli. Imma rajt dwejjaq, dwejjaq kbar f 'għajnejha. Donnu kien hemm xi ħaġa oħra fiha li qisha beżgħet tgħidli. "Sar il-ħin," qaltli. "Irridu mmorru lura." U mxejna flimkien lura lejn l-isptar. Dak il-ħin li kont għaddejt magħha, kont insejt il-ħin, iż-żmien, kollox. U kont ħassejtni f 'dimensjoni oħra. "Ser nerġa' narak?" staqsejtha, imma Karen laħqet bdiet miexja lejn in-naħa l-oħra. Xengilt rasi u tlaqt lejn triqti. U hekk malli kont sejjer, intbaħt li jekk inħalliha titlaq, jaf qatt ma kont ser nerġa' naraha! U dik kienet l-isbaħ waħda li qatt kont rajt! U magħha kont ħassejtni tajjeb! Erġajt dort u tlaqt niġri lejn fejn marret. Sibt bieb sikjuż u dħalt fil- kamra, indawwar rasi ħa nara narahiex. U rajtha. Fil-kamra kien hemm żewġt irġiel, donnhom infermiera wkoll, imma kienu lebsin ġagaga ħadra, differenti minn tagħha. Fil-kamra ħdejhom kien hemm qishom żewġ figuri mgħottijin b'liżar abjad, b'saqajhom 'il barra. Imdendel mal-werrej ta' subgħajhom ta' saqajhom kellhom qisha tikketta. Karen kienet qiegħda hemm, wara l-irġiel, tħares lejhom u tismagħhom jitkellmu. Donnhom ma kinux qegħdin jagħtu kasha. U dak il-ħin, ħassejtni nirtogħod. Din kienet il-kamra mortwarja! U dawk iż-żewġ figuri mgħottijin kienu mejta! Dort biex noħroġ lura barra mill-kamra. U ġismi kesaħ. "Meta l-funeral ta' Karen?" staqsa wieħed lill-ieħor. U dort inħares lejhom. Karen... l-isbaħ waħda. Kienet mejta? Imma kif jista' jkun? Mela kif... kellmitni? Għaddiet il-ħin miegħi? Tbellaht. Ksaħt. Ħarist lejha. Kienet qiegħda tħares lejja. Din kienet xi ċajta! Din żgur... Ġrejt lejn il-figuri. Mort lejn l-ewwel waħda u ħarist lejn it- tikketta ta' ma' saqajha. "Karen Borg..." qrajt l-isem b'leħen għoli. U mbagħad ersaqt lejn il- figura l-oħra u bdejt nirtogħod. "Jason Fenech." Kont jien. Kien ismi! Mela... anke jien... anke jien? Kont iltqajt mal-isbaħ. L-isbaħ waħda. Imma kien tard. Kien tard ħafna. "U l-ieħor?" qal l-infermier lill-ieħor. "L-ieħor kien riekeb mas-sewwieq tal-karozza l-oħra, li ħabtet ma' dik ta' Karen. Sieħbu għadu f 'koma..." "Miskina kienet ġejja għax- xogħol. U ħasra, ħasra kbira. Kienet l-isbaħ. L-isbaħ waħda." Karen ġiet ħdejja. Qabditli idi u tlaqna 'l bogħod flimkien. Jiena u hi. L-isbaħ waħda. 20 Rakkont Sharon Calleja L-isbaħ waħda

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 August 2018